IN-NUQQAS TAL-IKEL FI ŻMIEN IL-GWERRA
Hemm żewġ modi kif tirbaħ gwerra: jew teqred lill-għadu bil-bumbardamenti jew iżżommu bil-ġuħ sakemm jċedi.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-ġuħ u n-nuqqas ta’ nutrizzjoni kkawżaw il-mewt ta’ madwar 20 miljun ruħ minn madwar id-dinja kollha. F’Malta, is-sopravivenza saret it-taqbida ta’ kuljum, dan minħabba l-fatt li bħala gżira kienet tiddependi fuq l-importazzjoni tal-ikel, speċjalment qamħ u ċereali l-aktar minn Sqallija. Dawn il-proviżjonijiet kienu meħtieġa biex imantnu popolazzjoni ta’ madwar 260,000. Bid-dħul tal-Italja fil-gwerra, dan ma baqax possibli, għaldaqstant, il-provvisti meħtieġa kellhom jibdew jinġiebu minn bnadi oħra permezz tal-konvojs bil-baħar. Dan ma kien faċli xejn, għaliex kontinwament kienu jkunu fil-mira ta’ attakki mill-ajru u mill-baħar u ftit irnexxielhom jaslu qawwijin u sħaħ
Dan wassal biex f’qasir żmien is-sitwazzjoni tal-ikel saret iddisprata, tant li f’xi waqtiet il-provvisti saħansitra kienu jitniżżlu minn fuq il-vapuri jaqbdu, b’sogru kbir għall-burdnara. Ħafna rġiel b’saħħithom inġabru bil-lieva, bil-konsegwenza li l-ħaddiema fl-irziezet u fl-għelieqi naqsu ħafna. Il-produtturi lokali setgħu jipproduċu ikel suffiċjenti biss għal terz tal-popolazzjoni. Dan kollu wassal biex il-prezzijiet tal-oġġetti essenzjali splodew.
In-nuqqas ta’ ikel meħtieġ kkontribwixxa għal tensjonijiet u ġlied fuq il-postijiet tax-xogħol. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, il-kjuwijiet għall-ikel fil-Victory Kitchens twalu ġmielhom. Il-protesti rigward il-kwalità u l-kwantità tal-ikel provdut minn dawn il-kċejen ma naqsux. In-nuqqas ta’ nutriment ikkawża telf ta’ piż, għejja u t-tixrid ta’ mard fost il-popolazzjoni. L-annimali domestiċi u t-trabi bdew isibuha diffiċli jgħixu f’dawn il-kundizzjonijiet mill-agħar, u bosta kienu dawk li mietu.
In-nies bdiet taħżen kemm tista u l-ħwienet, b’mod speċjali dawk tal-merċa, bdew jitbattlu f’ħakka t’għajn. Fil-Kottonera, dawk li kienu jbigħu oġġetti essenzjali kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom, għax kien impossibbli li jfornu il-ħwienet tagħhom bil-prodotti. In-nisa tad-dar kienu jaraw x’jagħmlu biex jimlew kaxxi u investi biż-żokkor, sapun, sulfarini u ħalib tal-bott. Xi uħud kellhom jirrikoru għal Black Market fejn kienu jpartu deheb, arloġġi u saħansitra banjijiet taż-żingu ma’ ftit provvisti essenzjali li prezz mitlub għalihom kien wieħed fenominali. L-ommijiet kienu jibqgħu nieqsa biex jitimgħu lil uliedhom bil-ġuħ, filwaqt li xi familji kienu kostretti jqallbu fiż-żibel għal fdalijiet jew jixtru it-tilqit li kien jibqa’ mill-platti tas-suldati.
Ikel salvat minn vapuri li kienu qed jinħarqu fil-Port il-Kbir.
Triq il-Vitorja , l-Isla wara attakk tal-bombi
Ħarrub
Id-distakk bejn l-għonja u l-foqra kompla jikber, l-istess ġara bejn dawk li kienu jgħixu fil-kampanja u dawk li kienu joqgħodu fiż-żona tal-Port il-Kbir. L-aktar li batew kienu l-familji b’ħafna ulied. Min kellu l-mezzi u seta’ jħallas kien jixtri mill-black market, filwaqt li l-foqra ħafna drabi kien ikollhom jirrikkoru għat-tpartit. Ir-reżiljenza tal-Maltin wasslet għal soluzzjonijiet kreattivi biex jegħlbu l-ġuħ. Il-kafè beda jsir miċ-ċikwejra, filwaqt li ħafna bdew itaffu l-ġuħ billi jimlew żaqqhom bil-ħarrub. Il-ħobż beda jinħema b’taħlitiet ta’ dqiq inferjuri, u minflok ingredjenti friski beda jintuża trab tal-ħalib u tal-bajd.
F’dan iż-żmien, in-nies li kienu jaħdmu mas-Servizzi (British forces) kif ukoll dawk li kienu joqogħdu fl-Ibliet tal-Port il-Kbir adottaw diversi riċetti u drawwiet mill-kċina Brittanika. Jidher li minn kien jaħdem fl-Armata, fin-NAAFI (Navy, Army & Airforce Institutes), fil-Victory Kitchens jew fid-Dockyard kellhu vantaġġ fejn jidħol l-ikel, kemm minħabba l-porzjonijiet li kienu jingħataw fuq il-post tax-xogħol kif ukoll b’dak li jirnexxilhom jieħdu magħhom. Xi wħud minn dawn kienu jirritornaw id-dar biċ-ċikkulata, laned tal-corned beef, birra, ħobż, ġobon, ħelu u galletti.
Jekk nieħdu bħala eżempju l-menu servut fil-Canteen tad-Dipartiment tal-Air Raid Precaution (ARP) fil-Ħamrun, nintebħu kemm dan kien influwenzat mill-kċina Brittannika. Hawn kienu jservu soppa tal-laħam jew tal-ħut bil-prezz ta’ sold (nofs porzjon) jew żewġ soldi (porzjon sħiħ), filwaqt li l-kustilji tal-majjal, il-laħam taċ-ċanga u l-Irish stew kienu jiswew sitt soldi (porzjon sħiħ) jew erba’ soldi (nofs porzjon). Dawn kienu jiġu servuti bil-patata (moqlija, mixwija jew mgħollija) u ħaxix.
Madankollu, għall-maġġoranza tal-Maltin, l-ikel tagħhom baqa’ dak tradizzjonali, kif kien għal sekli sħaħ. Il-ħobż tax-xgħir kien l-ikel bażiku għall-hekk imsejħa klassi baxxa, u dan spiss kien jittiekel biż-żejt taż-żebbuġa, żebbuġ, basal, u xi drabi b’xi biċċa ġbejna jew ħuta mqadda. Il-minestra, magħmula minn qarabagħli, pastard, ġdur, fażola, patata u ftit għaġin, kienet titiekel l-aktar filgħaxija. Xi drabi kienu jikunsmaw wkoll bajd u frott frisk jew imnixxef, ħalib tal-mogħoż u nbid. Il-fniek, it-tiġieġ, il-ħaruf, il-majjal u t-tjur tal-kaċċa kienu riservati għal okkażjonijiet speċjali bħall-Ħdud u l-festi jew f’xi okkażjoni speċjali bħal xi tieġ.
Wara li dawn il-gżejjer saru kollonja tal-imperu brittaniku, l-importazzjoni u l-produzzjoni tal-birra saret xi ħaġa normali, minħabba li kien hawn domanda għaliha mis-suldati Brittaniċi. Prodott ieħor li kien sar popolari ħafna kienet il-patata li ġiet introdotta f’Malta fl-1803, u ħadet post il-qoton bħala prodott agrikolu ewlieni għall-esportazzjoni. Fil-bliet tal-port, il-qalli tal-bajd, bacon u chips kienu saru moda. Riċetti bħas-shepherd’s pie, beef steak, Irish stew u trifle wkoll bdew jidhru f’kotba tat-tisjir lokali, bħal Il- Chtieb tal-Chcina (The Book of the Kitchen), ippubblikat għall-ewwel darba fl-1894 minn E.L. Vella.
Jidher biċ-ċar li t-Tieni Gwerra Dinjija ħalliet l-impatt qawwi fuq il-kċina Maltija. Il-ġobon tradizzjonali tan-nagħaġ (ġbejniet) beda jiġi sostitwit ma’ Cheddar, Edam u blue cheese. Il-butir u x-xaħam ħadu post iż-żejt taż-żebbuġa. Il-corned beef u l-piżelli mgħafġa saru l-mili l-aktar popolari tal-pastizzi, filwaqt li l-ħalib tal-mogħż ġie sostitwit mal-ħalib tal-bott. F’dan iż-żmien ġew introdotti prodotti ġodda bħal ma huma il-baked beans li ħallew l-influwenza tagħhom fuq it-tradizzjonijiet kulinari Maltin.
F’Ġunju 1940 ir-Regia Aeronautica Taljana bdiet tibumbardja l-gżejjer Maltin, b’mod speċjali iż-żona tal-Port il-Kbir. Dan wassal biex ħafna min-nies tal-Kottonera (32,000 ruħ) u l-Belt Valletta (24,000 ruħ) irħewla lejn irħula oħra l-bogħod mit-tarzna, filwaqt li dawk li baqu’ hemm kienu jffitxu kenn fil-mini, kripti tal-knejjes u aktar tard, fix-shelters imħaffra fil-blat. Kienu bosta dawk li wara xi wieħed mill-attakki x’ħin ħarġu mill-kenn, sabu dahrom borġ ġebel. L-eżodu tan-nies miż-żona tal-Port il-kbir kompla għaddej speċjalment wara l-attakk devastanti tal-Luftwaffe fuq H.M.S. Illustrious f’Jannar 1941. Din id-devastazzjoni mhux biss wasslet biex il-kotra emigrat lejn l-irħula tal-kampanja, iżda xi familji saħansitra irħewla lejn Għawdex, fejn l-attakki mill-ajru kienu anqas frekwenti.
Il-bumbardamenti bla waqfien, l-aktar fiż-żona tal-port, nisslu fost il-popolazzjoni biża’ u terrur tant li xi drabi lanqas setgħu joħorġu mill-postijiet tal-kenn biex ifittxu l-ikel. Aktar ma n-nies iffullaw fix-shelters pubbliċi, aktar marru għall-agħar il-kundizzjonijiet sanitarji. Dan wassal biex feġġew mard bħal scabies, stomatite, pellagra, u mard ieħor ikkawżat minn nuqqas ta’ nutrizzjoni u iġjene. Il-mibki Lino Bugeja huwa wieħed minn dawk li, fi żmien il-Gwerra, baqa’ jgħix fil-Birgu. Huwa kien jgħid li f’Settembru 1941 d-dar tal-familja tiegħu sfat imġarrfa, għalhekk huma kienu kostretti jmorru jgħixu f’kamra żgħira mħaffra fil-blat. Kien jgħid ukoll li bħala tifel, huwa ħa sehem fit-tħaffir ta’ dan is-shelter, li dam għaddej madwar sitt xhur. Iżda bejn l-1941 u l-1942, is-sitwazzjoni tant igravat, li xi drabi anke l-ftit ħobż razjonat mhux dejjem setgħa jasal faċilment għand dawk li kienu jistkennu fix-shelters minħabba li t-toroq kienu imblukkati bid-debris. Bħala tifel, Lino kien ifittex fl-għelieqi li kien hemm fl-inħawi tal-Kalkara biex isib xi tilqit u xi drabi saħansitra kien jgħum fid-daħla tal-Kalkara biex jiġbor xi ħut mejjet li kien jitla’ fil-wiċċ wara l-bumbardamenti.
Il-Bumbardament ta’ HMS Illustrious
Shelters tat-Tieni Gwerra Dinjija, illum parti mill-Malta at War Museum fil-Birgu.
Fost il-miżuri meħuda biex jiġu konservati l-ftit proviżjonijiet tal-ikel, fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, ġew introdotti miżuri stretti sabiex jinżammu l-bhejjem meħtieġa għat-tgħammir. Għaldaqstant, kien ipprojbit li jinqatlu baqar u għoġġiela taħt id-disa’ xhur. Il-ġonna pubbliċi u spazji oħra bħal Marsa Sports Grounds bdew jinħadmu mill-ħabsin li kienu jkabbru fihom ħxejjex, patata, u għalf għall-annimali. Il-produzzjoni tal-basal, li qabel kienet l-esportazzjoni ewlenija, ġiet limitata, u l-ħażniet tal-ilma pubbliċi fl-ibliet u l-irħula ġew irranġati biex jiġi żgurat aċċess għall-ilma.
L-industrija tal-bhejjem f’Malta kienet tiddependi fuq l-importazzjoni ta’ 58,000 tunnellata ta’ għalf. Iżda matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-importazzjoni tal-għalf saret dejjem aktar diffiċli. Dan in-nuqqas wassal lil bdiewa biex ikabbru s-silla biex tintuża bħala għalf, b’hekk l-art użata għaż-żrigħ tal-qamħ naqset ġmiela. Fl-1941 is-sitwazzjoni saret kritika, u kien hawn skarsezza kbira ta’ laħam, bajd u ħalib. Il-produzzjoni tal-ħalib tal-mogħża naqset bi 23%, filwaqt li d-domanda għalih żdiedet hekk kif il-laħam u l-bajd komplew jiskarsaw.
Bil-ħsieb li tiġi ndirrizata l-kriżi, l-gvern obbliga lil dawk li kellhom iktar minn ħames tumoli ta’ raba’ sabiex nofshom jintużaw għall-produzzjoni taċ-ċereali. Iż-żrieragħ tal-qamħ ġew ikkontrollat mill-gvern, biex il-bdiewa jżommu biss dak meħtieġ u jiġu evitati l-ispekulazzjonijiet li dawn jintużaw għall-produzzjoni tal-ħobż u l-profitt.
Biex jiġi żgurat li l-ħsad tal-qamħ lokali jinġabar fil-fossos pubbliċi u ma jispiċċax jintuża għal skopijiet ulterjuri, f’Lulju 1941, tnediet l-Iskema tal-ġbir taċ-Ċereali. Minn Mejju 1942, il-bejgħ tal-qamħ kien ġie ipprojbit, u l-imtieħen tad-dħin fl-irħula ingħalqu. Il-bdiewa kellhom iwasslu l-qamħ tagħhom fil-pjazza tar-raħal skont skeda stabbilita. Il-gvern offra prezzijiet attraenti ta’ £14 għal kull kwart qamħ u £8 għat-tgħam.
Sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq il-qamħ, il-gvern irrikkora lejn l-użu tal-patata. F’Jannar 1941, ġew importati 2,600 tunnellata ta’ żerriegħa tal-patata, li wasslu għal ħsad tajjeb. Permezz ta’ Avviż Nru 344, il-gvern ordna lill-furnara biex jħalltu mill-inqas 20% patata msajra, imqaxxra u mgħaffġa fl-għaġna tal-ħobż, u b’hekk nibtet varjetà ġdida ta’ ħobż imsejjaħ ‘wheatato’. Din l-innovazzjoni iffrankat madwar 1,000 tunnellata ta’ dqiq, u r-razzjonijiet ta’ patata kuljum żdiedu minn 10 għal 14-il uqija.
Ix-xitwa ta’ l-1941 u l-1942, baqgħet magħrufa bħala x-xitwa s-sewda, għaliex kienet waħda mill-aktar xtiwi kiesħa u mxarrba f’għexieren ta’ snin. Fil-15 ta’ April 1942, meta l-bumbardamenti u n-nuqqas ta’ provvisti kienu fl-aqwa tagħhom, ir-Re Ġorġ VI ta lill-Malta l-midalja tal-George Cross. Xi uħud b’sarkażmu bdew isejħulu l-‘Ġuħ Cross’, filwaqt li ħaddiem frustrat saħansitra kiteb ittra fil-ġurnali bit-titlu ‘Tawna Salib u Mhux Ħalib’.
Ir-Razzjon
Fis-7 ta’ April 1941 ingħata bidu għar-razzjon tal-affarijiet essenzjali. Dan kien jinkludi zokkor, kafe, sulfarini, u sapun. Ir-razzjon kien jitqassam fis-6 u fil-21 ta’ kull xahar. Minn Mejju 1941, ta’ kull ġimgħa beda jitqassam ukoll il-pitrolju, u minn Awwissu beda jitqassam ukoll iż-żejt tal-ikel, xaħam, u margerina. Fil-5 ta’ Mejju 1942 ġie razzjonat ukoll il-ħobż. Biex it-tqassim ikun ġust, il-familji rċevew kotba tar-razzjon skont id-daqs tal-familja, id-dħul, u l-età tat-tfal. L-Uffiċċju tad-Distribuzzjoni tal-Ikel ħareġ ukoll permessi lill-ħwienet tal-merċa biex ikunu huma li jmexxu l-proċess tar-Ration. Ir-Razzjon tal-ħobż kien kif ġej: L-irġiel kienu intitolati għal ‘kwart u nofs’, in-nisa għal ‘nofs artal’, u it-tfal għal ‘kwart’. Sriebet twal ta’ nies jistennew għar-razzjon tagħhom quddiem il-ħwienet kienet saret xi ħaġa komuni.
Il-‘Gaxin’
Meta ngħidu ‘Gaxin’ inkunu qed nirreferu għax-xiri ta’ dak li kien jibqa’ mill-ikel servut lis-servizzi militari Britanniċi. Dawn kienu jinkludu biċċiet ta’ laħam, ġlud tal-bejken, ħobż, patata, u ħxejjex, mibjugħa għal prezz ta’ xelin f’karta tal-gazzetta. Jingħad li fil-Gaxin ta’ spiss kienu jinstabu loqom tas-sigaretti u biċċiet tal-karti. Il-Kuntratturi tal-Gaxin bdew jgħamlu qliegħ kbir mill-bejħ ta’ dawn il-fdalijiet l-aktar dawk fl-inħawi ta’ Bormla. Dan in-negozju meta kien fl-aqwa tiegħu, ħalla flus kbar fil-bwiet tal-kuntratturi. Din il-prattika mibdija fi żmien il-gwerra, saħansitra baqgħet sejra sa l-aħħar tas-snin ħamsin tas-seklu 20, u kienet ta’ sostenn għall-familji fqar fiż-żoni urbani bħal ma hi l-Kottonera.
Il-Black Market
Fil-ħwienet kien diffiċli ħafna li ssib tixtri prodotti oħra barra dawk razzjonati. Min-naħa l-oħra, ħafna oġġetti skarsi kienu jinbiegħu bil-kuntrabandu għal prezzijiet fenomenali. Fin-nuqqas ta’ produzzjoni adegwata ta’ bajd lokali, dan is-sors ewlieni ta’ proteina kien jiġi importat mill-Eġittu. In-nuqqas ta’ għalf għall-annimali, kif ukoll l-iskarsezza ġenerali, wasslu biex bejn l-1941 u l-1943, il-maġġoranza tat-tjur u t-tiġieġ ġew maqtula, u b’hekk l-iskarsezza kompliet tikber. Dan il-fatt ħoloq inflazzjoni kbira fil-prezzijiet.
Per eżempju, tużżana bajd li fis-suq kienet tiswa biss sitt soldi, bil-kuntrabandu kienet qed tinbiegħ għal lira u nofs, fi żmien meta l-paga ma kinitx aktar minn żewġ liri. Għaldaqstant, il-gvern introduċa t-trab tal-bajd bħala sostitut għal dak frisk, iżda jidher li dan ma kienx popolari.
Il-bdiewa Għawdxin ħadu l-okkażjoni u bdew ibiegħu l-prodotti tagħhom lill-maltin bi prezzijiet għoljien infern. Is-sitwazzjoni tal-kuntrabandu bejn Malta u Għawdex kienet saret rampanti, b’tali mod li l-bdiewa Għawdxin spiss kienu jitolbu li jitħallsu bid-deheb. L-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mikiel Gonzi, konxju li il-proviżjon tal-ikel f’Malta kien kważi sab il-qiegħ, ħadem u stinka biex jipperswadi lill-bdiewa Għawdxin joħorġu l-qamħ u l-ħxejjex mill-imħażen tagħhom u jintbagħtu lejn Malta u b’hekk itaffu ftit il-ġuħ kbir tal-popolazzjoni u Malta ma ċċediex.
Is-sitwazzjoni tant kienet saret iddisprata li uħud min-nies tal-Kottonera kienu saħansitra jterqu lejn ir-Rabat u l-Mosta biex jixtru bajd, patata jew tqiq bil-kuntrabandu.
L-Isqof Mikiel Gonzi ta’ Għawdex
Victory Kitchen
Salvazzjoni
Il-Konvoj ta’ Santa Marija
F’diversi lokalitajiet, inkluż il-Kottonera, ġew introdotti l-Victory Kitchens. Dawn kienu jipprovdu ikliet għal dawk li sfaw bla dar, kif ukoll lil dawk il-familji jew individwi li applikaw għal dan is-servizz. Dawk li bdew jibenefikaw minn dawn il-kċejjen kienu jħallsu 6 soldi għal porzjon ta’ stufat tal-laħam jew tal-ħaxix, 3 soldi għall-minestra, jew minflok ipartu porzjonijiet mir-razzjon tagħhom. F’Jannar 1942, għal dan is-servizz applikaw biss 269 persuna, iżda sa Ġunju, in-numru tela’ għal 7,000. Ġew imposti pieni ħorox, inkluż piena ta’ priġunerija, għal dawk li jinqabdu jabbużaw bil-kupuni tal-ikel. Il-laħam tal-mogħoż kien jifforma parti sostanzjali mill-menu; fil-fatt, dan xi drabi kien jiġi servut diversi drabi matul il-ġimgħa bħala parti minn strateġija li kienet tippromwovi l-qtil tal-mogħoż sabiex jiġi iffrankat l-għalf. Fil-ġurnal The Times of Malta tat-28 ta’ Awwissu 1942, ġie irrappurtat li l-menu tal-Victory Kitchen f’dak iż-żmien kien jinkludi:
- Il-Ħadd: Stufat ta’ laħam bit-tadam u piżelli
- It-Tnejn: Imqarrun bil-ġobon u t-tadam
- It-Tlieta: Balbuljata (platt tradizzjonali Malti magħmul mill-bajd u tadam)
- L-Erbgħa: Minestra (soppa tal-ħaxix)
- Il-Ħamis: Stufat ta’ laħam bit-tadam u piżelli
- Il-Ġimgħa: Minestra
- Is-Sibt: Imqarrun bil-ġobon u t-tadam
Il-Victory Kitchens baqgħu joperaw sa Settembru 1943, meta kien hemm titjib sostanzjali fil-provvisti tal-ikel u tal-fjuwil, u għalhekk ma kienx baqa’ ħtieġa għalihom.
Nhar il-festa ta’ Santa Marija jiġifieri fil-15 ta’ Awwissu 1942, Fil-Port il-Kbir daħal il-tanker Ohio li kien jgħamel parti mill-Convoy Operation Pedestal. Tul il-vjaġġ Mill-14 il-bastiment li kienu jġorru merkanzija, fjuwil u munnizjon intilfu 9. Minkejja dan il-5 li wasslu qawwijien u sħaħ f’dawk il-jiem kellhom provisti biżżejjed biex Malta tibqa’ tireżisti u ma ċediex.
Sorsi li ġew ikwotati:
- ‘Agriculture and Peasant Politics in Wartime Malta, 1939-1945’ by James Baldacchino. Master of Arts in History dissertation, University of Malta, 2021.
- ‘When Hell was an Air Raid Shelter’ by Lino Bugeja. Accessed January 2025: https://timesofmalta.com/article/When-hell-was-an-air-raid-shelter.602417
- ‘Agriculture in Malta: A Historical Note’ by S. Busuttil. In: Busuttil S. (ed.), Lerin F. (ed.), Mizzi L.(ed.). Malta: Food, agriculture, fisheries and the environment. Montpellier : CIHEAM, 1993. p. 9 -2 6 (Options Méditerranéennes: Série B. Etudes et Recherches; n .7).
- ‘When Hell was an Air Raid Shelter’ by Lino Bugeja. Accessed January 2025: https://timesofmalta.com/article/When-hell-was-an-air-raid-shelter.602417
- ‘British Colonial Malta: A Melting Pot of Culinary Diets (1800-1900)’ by Dr Noel Buttigieg & Prof. George Cassar. Biennial Report, January 2018 to December 2019, Institute for Tourism, Travel and Culture, University of Malta, 2020.
- ‘Food under Siege: A Historical Sociology Exploration into Food and Hunger during World War II and its Effect on the Maltese Population’ by Mariella Farrugia, Masters in Education dissertation, University of Malta, 2013.
- ‘Storja tal-Kultura ta’ l-Ikel f’Malta’ by Kenneth Gambin and Noel Buttiġieġ (Malta, PIN Publications, 2003).
- ‘Feeding the Besieged: Food Supply and Shortages during the Siege of Malta, 1940 – 1942’ by Horace Grazio Vella. B.A. (Honours) History undergradutate dissertation. University of Malta, 2016
- ‘Food of the Rock’ Roll Generation’ by Vanessa Mifsud. Master Chef Diploma, University of Malta, Institute for Tourism, Travel & Culture, 2018.
- ‘Malta During World War II, Vittoriosa Under Blitz’ by Lawrence Zahra. Heritage: an Encyclopedia of Maltese Culture and Civilization, 66, 1297-1300.
