QSARI LI JAQGĦU GĦAL ISFEL
Int u għaddej mit-toroq dojoq u mserrpin tat-Tlett Ibliet, forsi tapprezza l-ħdura kotrana li ssebbaħhom. Fil-ħoġor tat-twieqi, il-fjuri u l-qsari bil-ħxejjex tistħajjilhom qed jiġġieldu għall-ispazju, u xtieli kollha weraq tarahom ħdejn il-bibien jew jixxebilku għal isfel mill-gallariji tal-ħadid.
Ħafna turisti u nies li mhumiex mill-Kottonera jieqfu jieħdu r-ritratti ta’ dawn it-toroq u l-isqaqien storiċi, mimlija dettalji arkitettoniċi fil-franka safranija tagħhom u msebbħin b’din il-ħdura kollha. Ir-residenti tal-bliet tal-Kottonera huma kburin bix-xtieli tagħhom u jikkompetu ma’ xulxin biex ikollhom l-isbaħ triq.
Iżda dan ma kienx dejjem il-każ. Lejn tmiem is-snin tmenin tas-seklu 18, stajt taqla’ multa kbira jekk ikollok il-qsari fil-ħoġor tat-tieqa. Il-Gran Mastru de Rohan, wieħed mill-aħħar Gran Mastri ta’ Malta, ma tantx kien iħobb ix-xtieli, u bir-raġun! It-tqegħid ta’ qsari fil-ħoġor ta’ twieqi fis-suldari ta’ fuq tad-djar kien meqjus bħala perikoluż. Iżda aktar dwar dan dalwaqt.
Fit-28 ta’ Mejju, 1782, Antonio di Battista Visconte mar fil-pjazez tal-Belt Valletta, il-Furjana, il-Birgu, l-Isla u Bormla u daqq it-trumbetta tiegħu tliet darbiet wara xulxin. Ovvjament dak iż-żmien ma kienx hemm it-televixin, ir-radju, it-telegrafija jew il-mowbajl, u għalhekk dan kien il-mezz li kien jintuża biex ir-residenti ta’ lokalità tinġibdilhom l-attenzjoni li kien hemm xi ħaġa ġdida x’titħabbar.
Waqt li n-nies inġabru madwaru, Antonio qara l-kontenut ta’ bandu (avviż legali) importanti miktub bl-idejn, maħruġ mill-Gran Mastru Franċiż u ffirmat minn Samuel Caruana, avukat tal-Castellania (il-qorti ċivili tal-kavallieri). Il-bandu pprojbixxa l-qsari fil-ħoġor tat-twieqi u fil-gallariji minħabba l-periklu għal min ikun għaddej minn taħthom. Il-Gran Mastru kien xeba’ jirċievi rapporti dwar nies li ndarbu bi qsari li waqgħu għal isfel f’toroq pubbliċi, u pprova jtejjeb is-sitwazzjoni.
Id-deterrent kien jikkonsisti f’multa sostanzjali għal kull min jinstab ħati li qiegħed imqar l-iċken qasrija f’ħoġor ta’ tieqa. Min jinqabad kellu jagħti erba’ uqijiet fidda, li kienu ħafna flus għal dak iż-żmien. Barra minn hekk, jekk il-qasrija taqa’ fuq xi ħadd u tweġġgħu, kien l-imħallef li jiddeċiedi l-piena.
Huwa minnu li l-Gran Mastru de Rohan kien patrun kbir tal-arti f’Malta, iżda x-xtieli xejn ma kellu grazzja magħhom. Madankollu, kien maħbub mill-Maltin għax ħadem ħafna biex itejbilhom l-għajxien u għalhekk aktarx ħafrulu talli ħareġ dan il-bandu. Wara kollox, kien qed jipproteġilhom rashom minn daqqa kbira!
Min-naħa l-oħra, ix-xebbiet żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom forsi ma ħadux gost bil-liġi l-ġdida ta’ de Rohan. Fl-1575, il-Viżitatur Appostoliku Monsinjur Pietro Dusina ntbagħat Malta mill-Vatikan biex iħejji rapport dwar il-qagħda tal-Gżejjer Maltin. Fir-rapport tiegħu, huwa jsemmi drawwa ħelwa lokali. Il-ġuvintur li kienu qed ifittxu mara għaż-żwieġ kienu jaraw jilmħux qsari bil-ħabaq barra d-djar. Dawn il-qsari kienu sinjal li f’dawk id-djar partikolari kienu jgħixu tfajliet tajbin għaż-żwieġ. Kulma ried jagħmel il-ġuvni kien li jqabbad mara biex tagħmilha ta’ ħuttaba, jiġifieri biex tmur tgħaddilu kelma mal-familja tat-tfajla.
Illum, in-nies spiss iwaħħlu l-qsari bis-siment mal-ħoġor tat-twieqi biex ma jkunx hemm periklu li jaqgħu, u t-toroq u l-isqaqien qed iħaddru mill-ġdid. Imma xorta m’għandekx tgħaddi eżatt minn taħt qasrija, għal li jista’ jkun. Jaf ikun hemm xi qattus imqareb li jitfagħha għal isfel!
It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:
- ‘Malta, a Collection of Tales and Narratives’ ta’ Robert Attard (tpinġijiet ta’ Kenneth Zammit Tabona). Il-Fondazzjoni Edward De Bono, Malta, 2001
- ‘Malta in 1575, Social Aspects of an Apostolic Visit’ ta’ Joseph Cassar Pullicino. Melita Historica Vol. 2 Nru 1 1956-4
