MERĦBA FIL-KOTTONERA!

Sa minn meta l-ewwel nies rifsu fuq Malta, dejjem għexu madwar il-qaliet tal-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Kalkara, li lkoll flimkien huma magħrufa bħala l-Kottonera. Dawn il-qaliet kienu mhux biss kennija iżda wkoll faċli biex tiddefendihom.

Saħansitra qabel il-wasla tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, dan kien il-post fejn Malta kienet tiltaqa’ mal-bqija tad-dinja, permezz tal-kummerċ ma’ portijiet oħra fil-Mediterran. Hawn kont issib irħula żgħar fejn sajjieda u baħrin kienu jitħalltu ma’ nies tas-sengħa u negozjanti biex flimkien joħolqu ċentru marittimu mimli ħajja li kien jixpruna ideat ġodda u tagħlim. Filwaqt li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni kienet taqla’ għajxien fqajjar billi taħdem ir-raba’, it-tarzna u l-qawwiet navali ta’ dawn l-inħawi kienu joffrulek impjieg u opportunità li tara d-dinja.

Dawn l-akkwati ssemmew għal Fra’ Nicolás Cotoner y del Oleza, Gran Mastru Spanjol li kien ordna l-bini ta’ swar ta’ difiża li baqgħu magħrufa bħala l-Cottonera Lines. Dawn il-ħitan għoljin idawru t-tlett ibliet u s-Santa Margherita Lines, biex iħarsuhom minn ħbit mill-art.

Mappa tal-Kottonera

Lesti ruħek biex tesplora kosta kuraġġuża li tirrakkonta ġrajjiet storiċi u avventurużi! Se nlaqqgħuk ma’ poplu qalbieni u felħan, li baqa’ ħaj minkejja żewġ assedji u rnexxielu jadatta ruħu għaċ-ċirkostanzi mhux darba jew tnejn.

Bertu l-barklor għadu kemm laqagħkom fid-dgħajsa tiegħu, li ssib bħalha fit-tiġrijiet tar-Regatta, iżda dwar dan nitħaddtu iżjed tard. Attent miċ-ċaqliq tad-dgħajsa int u miexi lejn postok! Malli nħallu l-Belt Valletta warajna biex nagħmlu dal-vjaġġ qasir għan-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir, il-Kottonera titfaċċa quddiemna.

ll-Marina tal-Birgu (Birgu xellug u Isla lemin)

Żewġ ilsna ta’ art jisporġu ’l barra, bħallikieku qed jilagħqu l-Baħar Mediterran, fond u ikħal. Is-swar ta’ fuqhom jogħlew lejn is-sema, bil-franka safranija tagħhom tiddi fix-xemx sajfija. Fuq ix-xellug hemm il-belt tal-Birgu, jew Vittoriosa kif issemmiet wara r-rebħa mhux mistennija tal-Assedju l-Kbir fl-1565. Ħares ’il fuq, lejn il-bnadar tal-Forti Sant’Anġlu jittajru qrib il-Kappella ta’ Sant’Anna. Hemmhekk waqqfu l-kwartieri tagħhom il-Kavallieri ta’ San Ġwann meta ġew Malta fl-1530, flimkien ma’ komunità ċkejkna ta’ familji li ħarbu mill-gżira ta’ Rodi. Huma saħħew il-Castrum Maris (kastell ħdejn il-baħar) fil-ponta tal-peniżola, ħaffru foss bejn il-kastell u l-Birgu, u tellgħu ħajt madwar l-irħajjel medjevali. Qabel ma l-Kavallieri ġarrew għall-belt kapitali l-ġdida Valletta, dan kien il-post fejn waqqfu l-ewwel bereġ tagħhom, l-isptar (is-Sacra Infermeria, li llum hi l-Monasteru ta’ Santa Skolastika), u l-qorti (il-Castellania, Ii wara saret il-Palazz tal-Inkwiżitur).

Fil-Birgu ilhom jgħixu n-nies sa minn żmien il-qedem. Kien hawnhekk li l-Feniċi u r-Rumani bnew santwarju għall-allat tagħhom, u kien hawnhekk ukoll li n-Normanni u l-Hohenstaufen ipproteġew il-promontorju lejn tmiem is-seklu 12 billi bnew torri żgħir li wara sar il-Castrum Maris. L-Anġovini u l-Aragoniżi ġġieldu għall-kastell fiż-żmien meta Malta kellha sidien Sqallin. Taħt l-Ingliżi, il-forti kien jintuża bħala bażi navali u kien magħruf bħala HMS St Angelo.

L-Isla, jew Senglea, tinsab fuq il-peniżola tal-lemin. Inbniet mill-Gran Mastru Claude de la Sengle, li taha ismu. Qabel kienet magħrufa bħala L’Isola di San Giuliano billa fuqha kien hemm kappella żgħira dedikata lil San Ġiljan. Malajr tqiegħdu s-sisien biex jinbena l-Forti San Mikiel, u ttella’ wkoll ħajt faċċata ta’ Kordin bi tħejjija għal invażjoni mistennija. L-Isla rnexxielha żżomm sod fl-attakk Ottoman, u ta’ dan ingħatat it-titlu Città Invicta (li jfisser ‘belt mhux megħluba’).

Jekk tittawwal min-naħa tax-xellug ta’ waħda mill-gardjoli għassiesa fuq is-swar tal-Isla, taħtek tara Qalet il-Franċiżi jew French Creek. Hawnhekk l-Ingliżi bnew ħames baċiri bejn l-1861 u l-1909, hekk kif żdied it-traffiku navali lejn u mill-Indja bil-ftuħ tal-Kanal ta’ Suez.

Ara! Sieħbi Anġlu qed ixejrilna. Fuq il-gardjola fejn qiegħed, forsi tistgħu taraw simboli ta’ għassa skolpiti fil-ġebla. Qed tagħrfuha l-forma ta’ għajn u ta’ widna? U forsi l-forma ta’ għarnuq ukoll? Insomma, illum il-ġurnata Anġlu ma tantx fadallu x’jgħasses, issa li ‘nistgħu nistrieħu bla tħassib’ kif tgħid l-iskrizzjoni, u għalhekk ħafna drabi ssibu rieqed!

Tajjeb wisq, qed noqorbu, u issa l-Birgu u l-Isla qegħdin eżatt quddiemna. Fuq in-naħa l-oħra tal-Birgu, iħares lejn Qalet il-Kalkara u l-parroċċa ta’ San Ġużepp minn fuq għolja, hemm l-isptar navali rjali l-antik ta’ Bighi, b’dawk il-kolonni klassiċi tiegħi. Oriġinalment dan kien il-palazz tas-sajf tal-kavallier Fra’ Giovanni Bichi, u llum fih insibu l-Esplora, ċentru eċċitanti ta’ xjenza interattiva, kif ukoll l-uffiċini u l-laboratorji ta’ Heritage Malta. Faċċata ta’ Bighi, il-Forti Rikażli jħares id-daħla tal-Port il-Kbir minn dik in-naħa. Jekk tkun għarqan xraba, dejjem tista’ tieħu għawma fil-Bajja tar-Rinella, ramla żgħira f’tarf il-Wied tar-Rinella taħt Bighi.

Bħalissa deħlin f’Qalet ix-Xwieni, jew Porto delle Galere. Minflok il-lukanda moderna fuq in-naħa tal-lemin, darba kien hemm il-kwartieri tal-Partit Laburista ta’ Malta, li kienu jokkupaw dik li kienet magħrufa bħala ‘il-Maċina’. Fi żmien il-Kavallieri, din kienet tintuża biex jintrefgħu u jitniżżlu l-arbli tax-xwieni ankrati fil-qala.

Villa Bighi, Kalkara

Fi żmien il-Feniċi, l-isem ‘Maleth’, li jfisser port jew kenn, kien jintuża kemm għal Malta kif ukoll għal Bormla. Waħda mill-eqdem binjiet f’dawn l-inħawi hija kappella ddedikata lill-Madonna tas-Sokkors, li tħaffret fil-blat qrib il-Bieb ta’ Santa Liena. Fuq ġewwa nett ta’ Qalet ix-Xwieni kien inbena l-ewwel baċir fl-1844, fuq pjanta tal-perit William Scamp. Il-baċir kien ħa post is-suq l-antik. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-ħbit mill-ajru fuq it-Tarzna u t-Tlett Ibliet kien qawwi ħafna. Ħafna familji ġew evakwati lejn inħawi rurali, u suldati ta’ kontra l-ajruplani kienu jaħdmu lejn u nhar biex jipproteġu l-vapuri għat-tiswija fit-Tarzna.

Seħħew bosta mwiet, u l-moral kien baxx ħafna. Iżda meta Malta kienet għoddha messet il-qiegħ, ix-xorti bdiet titbissmilha. Fil-15 ta’ Awwissu 1942, dak li kien fadal mill-konvoj ta’ Operation Pedestal zappap bil-mod il-mod għal ġol-Port il-Kbir u miegħu ġab żejt, munizzjon u provvisti ta’ ikel li salvaw lill-Maltin mill-ġuħ u reġgħu qajmuhom fuq tagħhom.

SS Ohio dieħel fil-Port il-Kbir

Senglea Peninsula

Ix-Xatt tal-Birgu

Għoddna wasalna! Il-binja kbira bit-twieqi koħol u t-torri tal-arloġġ fuq ix-xatt tal-Birgu hija l-forn navali l-antik, li kien tfassal minn Scamp ukoll u li fl-aqwa tiegħu mill-fran ta’ ġo fih kienu joħorġu 17,500 ratal (14,000 kilo) ħobż u galletti kuljum. Qabel ma nbena l-forn, il-post kien jintuża biex fih jinbnew u jissewwew ix-xwieni tal-Ordni. Illum, kif jixraq lill-istorja tal-binja, hawnhekk insibu l-Mużew Marittimu ta’ Malta.

U hawn se jkollna ngħidulek saħħa. Moħħok hemm xħin tqum bilwieqfa!

Monument tal-Ħelsien u l-Knisja ta’ San Lawrenz

Il-mafkar li qed tara quddiemek fuq din l-għolja magħmula mill-bniedem jissimbolizza l-mixja twila ta’ Malta biex issir nazzjon ħieles. Wara sekli sħaħ maħkuma mill-barrani, dan il-monument ifakkar l-għeluq tal-bażi militari Ingliża f’Malta fil-31 ta’ Marzu 1979. Suldat Ingliż jidher jieħu b’id ħaddiem Malti qabel jitlaq, waqt li qed tittella’ l-bandiera Maltija. Wara l-mafkar hemm il-Knisja ta’ San Lawrenz, li l-Ordni ta’ San Ġwann kien jużaha bħala l-knisja konventwali tiegħu malli wasal Malta, u b’hekk nagħlqu ċirku sħiħ.

Ara, wasal Salvu biex jieħdok sal-Palazz tal-Inkwiżitur ftit passi ’l bogħod minn hawn.

Nittama li ħadt gost b’din l-introduzzjoni qasira dwar dawn l-inħawi. Qabel titlaq, tinsiex tkompli tgħarrex f’din il-website biex issir taf aktar sigrieti fl-istorja affaxxinanti tal-Kottonera. Idħol f’binjiet maestużi, iltaqa’ ma’ nies interessanti, u isma’ ġrajjietna!

Cottonera: Three Cities behind Brother-in-Arms

It-Tliet Bliet – kif inhuma magħrufa kollettivament il-Birgu, Bormla u l-Isla – jaqsmu l-istess storja, u l-importanza ta’ din l-istorja testendi lil hinn mill-grand enceinte ikkummissjonat mill-Gran Mastru Nicholas Cotoner fl-1670. Huwa essenzjali għal apprezzament sħiħ tal-gżira- istat ta’ Malta, b’mod partikolari l-aħħar 500 sena. Flimkien mal-Belt Valletta, fuq il-ġenb oppost tal-Port il-Kbir, it-Tliet Ibliet aġixxew bħala l-portal ta’ Malta matul il-mandati tal-Ordni u tal-Ingliżi. Il-wasla tal-Ordni fl-1530 metamorfosizzat Galleys’ Creek f’ċentru marittimu bieżel.

Inħolqu rabtiet kummerċjali qawwija mal-portijiet ewlenin kollha tal-Mediterran, filwaqt li mijiet ta’ nies tas-sengħa u negozjanti barranin tħalltu
mal-folk lokali. Għal aktar minn erba’ sekli, il-Kottonera wriet li kienet il-hotspot multikulturali ta’ Malta.