Fil-bidu tas-seklu 16, il-Fratellanza ta’ Santa Marija Annunzjata offriet il-knisja tagħha u dar imdaqqsa lill-Patrijiet Dumnikani bil-għan li jibdew jagħtu servizz fil-Birgu. Il-Patrijiet aċċettaw u ħadu l-pussess tal-knisja u tad-dar nhar l-4 ta’ Frar 1528. Minħabba li d-dar ma kinitx kbira biżżejjed biex taqdi l-funzjoni ta’ kunvent, qrib l-1535, il-patrijiet taw bidu għall-bini ta’ kunvent. Dan kompla jitkabbar mal-medda tas-snin, speċjalment waqt il-bini mill-ġdid tal-Knisja tal-Lunzjata fil-bidu tas-seklu 17. Eventwalment, dawn ġarrbu ħsarat kbar waqt il-ħbit fuq l-HMS Illustrious fid-19 ta’ Jannar 1941.
Il-Kunvent
Il-binja eżistenti tal-kunvent saret fuq pjanta tal-Perit Edwin England Sant Fournier. L-ewwel ġebla tqiegħdet u tbierket fis-27 ta’ Lulju 1952 mill-Provinċjal Edmond Klimeck OP, filwaqt li l-inawgurazzjoni u t-tberik solenni saru mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fit-23 ta’ Ottubru 1954. Il-Patrijiet Dumnikani, li temporanjament kienu qed joqgħodu fil-Palazz tal-Inkwiżitur u f’dar privata, ittrasferew ruħhom f’dan il-kunvent fl-4 ta’ Diċembru 1954.
Il-kumpless tal-kunvent jinkludi wkoll l-Oratorju tal-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju. Dan jagħti għall-kjostru.
Il-Knisja l-Qadima
Fil-bidu tas-seklu 17, il-Patrijiet Dumnikani iddeċidew li jħottu l-knisja mogħtija lilhom fl-1528 u jibnu oħra ġdida. L-ewwel ġebla ġiet imqiegħda mill-Inkwiżitur Fabio Chigi fit-23 ta’ Marzu 1636, filwaqt li l-Isqof Miguel Juan Balaguer Camarasa inawguraha u berikha fl-1657. Mal-medda tas-snin, sarulha bosta alterazzjonijiet u proġetti ta’ tisbiħ, filwaqt li fil-bidu tas-seklu 20 inbnitilha koppla. Din tal-aħħar ma damitx wieqfa ħafna għax intlaqtet mill-bombi tal-għadu u ġġarrfet fl-1941.
Il-kampnar, però, baqa’ bla mittiefes. Madankollu, dan inħatt waqt il-proġett ta’ rikostruzzjoni ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-Knisja l-Ġdida
Hekk kif tlesta l-bini tal-kunvent, il-Patrijiet imbarkaw fuq il-bini mill-ġdid tal-knisja. L-ewwel ġebla tqiegħdet mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fis-27 ta’ Marzu 1955, filwaqt li l-inawgurazzjoni u t-tberik tagħha saru mill-Provinċjal Serafin Zarb fl-20 ta’ Awwissu 1960. Il-konsagrazzjoni, imbagħad, saret mill-Arċisqof Gonzi fit-3 ta’ Diċembru tal-istess sena.
Il-knisja għandha tul ta’ 34 metru u wisa’ ta’ 20 metru. Il-pjanta hija msejsa fuq salib Latin, sewwasew korsija, żewġ kappelluni u kor. Il-korsija hi maqsuma fi tliet bajjiet permezz ta’ pilastri Korinti, u hija kkumplimentata minn tliet navi msaqqfa bil-kupletti fuq kull naħa. Is-saqaf tal-korsija, tal-kappelluni u tal-kor jikkonsisti f’volti tal-erba’ flieli. Dawn jingħaqdu flimkien permezz ta’ koppla arjuża.
Il-Faċċata tal-Knisja
Il-faċċata hija maqsuma fi tliet bajjiet permezz ta’ pilastri Korinti. Għandha bieb f’kull bajja u kif ukoll zuntier mat-tul kollu tagħha. Il-bieb ċentrali huwa inkurunat bl-arma tal-Ordni Dumnikana, iżda l-aktar element li jispikka huwa l-fontispizju monumentali. Insibu wkoll kampnar imponenti fuq ix-xaqliba tan-nofsinhar.
Opri tal-Arti
Il-ġabra ta’ xogħlijiet tal-arti interessanti li jagħnu din il-knisja tinkludi l-kwadru titulari tat-tħabbira ta’ Santa Marija Annunzjata, il-vara ta’ San Duminku bil-pedestall, il-bradella u l-bankun tagħha, il-vara tal-Madonna tar-Rużarju, il-ġilandra tal-Kwaranturi u l-ventartal tal-artal maġġur.
Dati Ewlenin
1445: twaqqif tal-Fratellanza ta’ Santa Marija Annunzjata
1528: għotja tal-knisja u ta’ dar fil-Birgu lill-Patrijiet Dumnikani
1530-80: użu tal-knisja bħala parroċċa peress li l-Knisja ta’ San Lawrenz intużat bħala Knisja Konventwali mill-Ordni
1636: bini tal-knisja l-ġdida
1941-42: tiġrif tal-kunvent u l-knisja
1960: tberik u konsagrazzjoni tal-knisja l-ġdid
