Il-popolazzjoni tal-Isla esperjenzat żidiet kbar mat-temma tal-Assedju l-Kbir tal-1565. Għaldaqstant, fl-1575, il-knisja l-antika ta’ San Ġiljan li tinsab fuq ix-xaqliba tal-Grigal ta’ din il-peniżola, bdiet isservi bħala Viċi-Parroċċa għall-Isla fi ħdan il-Parroċċa ta’ San Lawrenz fil-Birgu. Fl-istess waqt, inħass il-bżonn ta’ knisja akbar, u f’qasir żmien ingħata l-bidu għall-bini ta’ knisja spazzjuża fis-sit tal-knisja parrokjali peżenti. It-tlestija tagħha ssarfet fit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Isla fl-1581, li kif kien mistenni ġiet iddedikata lit-Twelid tal-Madonna bħala tifkira dejjiema tar-rebħa tal-istess Assedju. Fil-fatt, il-festa tat-Twelid tal-Madonna (8 ta’ Settembru) għadha magħrufa bħala ‘Il-Vitorja’ sal-lum.
Din il-knisja ġarrbet ħsarat kbar matul it-tieni gwerra, tant li l-binja preżenti hija fil-biċċa l-kbira tagħha rikostruzzjoni ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-Knisja l-Antika
Fil-bidu, il-Knisja ddedikata lit-Twelid Tal-Madonna kellha artal maġġur u sitt artali laterali. Mal-medda tas-snin żdiedu xi artali oħra u s-simetrija oriġinali ntilfet. Għalhekk, lejn is-sena 1637, il-komunità tal-Isla nkarigat lil Tumas Dingli sabiex ikabbarha u jagħtiha l-forma ta’ salib Latin. Dan ix-xogħol dam għaddej madwar 20 sena u kien jinkludi wkoll il-bini tal-faċċata u tal-koppla. Imbagħad, lejn is-sena 1715, l-arkitett Claudio Duranti u l-kapumastru Francesco Zerafa ħadu ħsieb it-tkabbir tal-kor u tal-kappelluni. Żieda oħra seħħet bejn l-1784 u l-1786 bil-bini tal-Kappella tas-Sagrament, filwaqt li l-koppla nbniet mill-ġdid fl-1926.
Tiġrif fil-Gwerra
It-Tieni Gwerra Dinjija għamlet ħerba sħiħa f’din il-knisja. L-ewwel ħsarat ġew ikkawżati waqt l-attakk fuq l-HMS Illustrious nhar is-16 ta’ Jannar 1941. Ix-xhur ta’ wara ġabu aktar saram, iżda l-akbar tiġrif sar f’April tal-1942, meta l-koppla u l-kor spiċċaw borġ ġebel.
Il-Knisja Preżenti
Hekk kif intemmet il-gwerra, ingħata bidu għall-proġett ta’ restawr u rikostruzzjoni. Fil-bidu kien hemm il-ħsieb ta’ binja kompletament ġdida, iżda mbagħad ġie deċiż li partijiet tal-binja li ma ġġarrfux bil-bombardamenti tal-għadu jinżammu kollha. Għaldaqstant, il-periti Ġużeppi Caruana u Giuseppe Mallia Milanes mexxew ir-restawr tal-partijiet salvabbli u l-bini mill-ġdid tal-partjiet mitlufa. Dan il-proġett ħa numru ta’ snin, u l-knisja ġiet ikkonsagrata mill-ġdid mill-Arċisqof Mikiel Gonzi nhar l-24 ta’ Awwissu 1957.
Il-Faċċata tal-Knisja
Il-faċċata preżenti hija ferm differenti minn dik ta’ qabel il-gwerra. Id-disinn sar minn Victor Anastasi, filwaqt li x-xogħol tal-bini tmexxa mill-imgħallem Ġużeppi Sammut. Il-parti ċentrali tikkonsisti f’bieb spazzjuz bejn żewġ pari kolonni Korinti. Dawn tal-aħħar huma mqiegħda fuq bażi għolja u jwasslu sal-arkipjan tal-fronstispizju. L-ispazju ta’ bejn il-bieb u l-arkipjan hu meħud minn gallarija miftuħa, filwaqt li l-istess frontispizju hu inkurunat bi statwa tal-irħam ta’ Marija Reġina maħduma fuq disinn ta’ Emvin Cremona. It-truf ta’ din il-kompożizzjoni ċentrali jikkonsistu f’bibien sekondarji u fil-bażijiet pjuttost sempliċi tal-kampnari. Dawn tal-aħħar huma merfugħa fuq sekonda ordni u jispiċċaw f’piramida robusta.
Il-Knisja minn Ġewwa
Il-knisja għandha forma ta’ salib Latin, sewwasew korsija, żewġ kappelluni u kor. Il-korsija tikkonsisti f’erba’ bajjiet, filwaqt li s-saqaf huwa mibni f’għamla ta’trollijiet tal-erba’ flieli. L-istess tip ta’ troll isaqqaf il-kappelluni u l-kor. Dawn jiltaqgħu fuq l-altar maġġur u jservu ta’ bażi għall-koppla. It-taqsim tal-kursija huwa rifless fin-navi, li huma lkoll imsaqqfa b’kupletti. L-elementi arkitettoniċi ewlenin tal-ħitan u kif ukoll il-paviment huma miksija bl-irħam. Xogħlijiet oħra fl-irħam huma l-artali, it-tribuna, il-battisteru u l-pulptu.
Opri tal-Arti
Il-knisja tiġbor fiha diversi xogħlijiet tal-arti fosthom il-vara titulari bil-pedestall, il-bradella u l-bankun tagħha. Għandha wkoll numru ta’ kwadri ta’ rilevanza, fosthom xogħlijiet ta’ Francesco Zaha. Opri oħra partikulari huma s-serje ta’ riljevi tal-appostolat mal-pilastri tan-navi. Kif mistenni, il-knisja tkun armata b’għażla sabiħa ta’ xogħlijiet tal-fidda waqt il-festi.
Dati Ewlenin
1581: tlestija tal-ewwel knisja f’dan is-sit u twaqqif tal-Parroċċa tal-Isla
Seklu 17: tibdil strutturali estensiv
Seklu 18: tkabbir tal-kor u tal-kappelluni.
1786: għoti tad-dinjità ta’ Kolleġġjata
1921: għoti tad-dinjità ta’ Bażilika Minuri
1940-2: tiġrif estensiv mill-bumbardamenti tal-għadu
1945 ’il quddiem: restawr, bini mill-ġdid u proġett ta’ tisbiħ tal-binja l-ġdida
