Il-Patrijiet Kapuċċini ngħataw is-sit tal-knisja u tal-kunvent tagħhom fil-Kalkara minn Ġużeppi Valerju Abela fl-1736 u fl-1737. L-għażla tas-sit kienet imsejsa fuq il-konswetudni tal-Patrijiet Kapuċċini li jibnu l-kunventi tagħhom ’il barra mill-ibliet. Fil-fatt, dan jinsab tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mis-swar tal-Kottonera.
Il-Bini tal-Kunvent u tal-Knisja
L-ippjantar u l-bini tal-kunvent u tal-knisja mxew id f’id, anke jekk tal-ewwel tlesta qabel. Il-pjanti tħejjew minn Fra Ġużepp, membru tal-istess Ordni li kien involut f’diversi proġetti oħra f’Malta, f’Għawdex u fi Sqallija, u huma kkaretterizzati mill-prinċipju tas-sempliċità kif kien jesiġi San Franġisk ta’ Assisi.
Il-proġett ġie varat nhar is-26 ta’ April 1736 permezz ta’ purċissjoni mill-Parroċċa tal-Birgu ippreseduta mill-Inkwiżitur Carlo Francesco Durini u mill-Kappillan tal-istess Parroċċa. Dan tal-aħħar ġarr salib u qiegħdu fis-sit tal-konstruzzjoni. Ix-xogħol mexa ġmielu tant li nhar it-30 ta’ Diċembru tal-istess sena, l-ewwel grupp ta’ patrijiet bdew jgħixu f’dan it-tieni Kunvent tal-Kapuċċini f’Malta.
Fl-istess waqt, ingħata bidu għall-bini tal-knisja. L-ewwel ġebla tqiegħdet mill-Isqof Paolo Alpheran de Bussan fit-18 ta’ Ġunju 1736. Id-dedikazzjoni lil Santa Barbara hija għall-memorja ta’ omm il-benefattur Ġużeppi Valerju Abela, li mietet f’qasir il-għomor bil-pesta fl-1676. Ix-xogħol tal-bini tlesta f’Awwissu 1743. Il-Gwardjan, Patri Ġużepp Grech, berikha u fetaħha għall-pubbliku minnufih. L-Isqof de Bussan, imbagħad, ikkonsagraha nhar it-18 ta’ Ġunju 1747.
Il-Faċċata tal-Knisja u l-Kampnar
Ftit tas-snin wara, sewwasew fl-1754, il-faċċata tal-knisja ġiet modifikata drastikament. Id-disinn tal-verżjoni l-ġdida jikkonsisti f’portiku sporġut ’l barra mil-linja tal-faċċata tal-kunvent. Dan il-portiku huwa maqsum fi tliet bajjiet u għandu żewġ livelli. Il-livell t’isfel jikkonsisti f’arkata ċentrali u żewġ bibien spazzjużi b’tieqa ovali fuqhom, filwaqt li l-livell ta’ fuq hu meħud minn tieqa ċentrali u żewġ niċeċ bl-istatwi ta’ Santa Barbara u Santa Liberata. Il-kompożizzjoni tieħu xejra aktar armonjuża bil-frontispizju u biż-żewġ finjali li jinsabu fil-livell tal-bejt, filwaqt li tiddistakka ruħha mill-bqija tad-disinn kiebi tal-bqija tal-kumpless. Element daqstant dominanti fil-faċċata ta’ dan il-kumpless huwa l-kampnar b’erba’ kwadranti tal-arloġġ. Il-makkinarju tal-arloġġ inħadem minn Mikelanġ Sapiano bejn l-1873 u l-1875, filwaqt li l-kampnar reġa’ nbena mill-ġdid fl-1946 minħabba l-ħsarat li ġarrab matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-Knisja Minn Ġewwa
Il-pjanta tikkonsisti f’navata u sitt kappelli. Il-parti ta’ ġewwa tal-istess navata hi meħuda mill-presbiterju u għandha prospettiva li toqrob ħafna lejn l-istil ta’ Romano Carapecchia. Il-kwadru titulari juri l-martirju ta’ Santa Barbara. Dan hu xogħol Agostino Mausucci u kien ġie kkummissjonat mill-Gran Prijur tal-Lingwa tal-Ġermanja Fra Filipp Wilhelm von Nesselrode Reichenstein. L-apside hija mżejna wkoll b’żewġ pitturi ta’ Antonio Falzon, sewwasew San Franġisk ta’ Assisi u San Duminku ta’ Gusman.
Xogħlijiet oħra ta’ kwalità misjuba f’din il-knisja jinkludu l-kwadri mpittra minn Francesco Zahra, Rocco Buhagiar u Antonio Grech, u kif ukoll l-istatwi tar-Redentur u ta’ San Ġużepp, xogħol Wistin Camilleri, u l-korp sant ta’ Santa Liberata. Il-fdalijiet ingastati f’dan il-korp sant kienu nstabu fil-katakombi ta’ San Kallistu f’Ruma u eventwalment miġjuba Malta fl-1752.
Din il-knisja jidher li kienet mogħnija b’aktar opri tal-arti li nqerdu matul iż-żmien, b’mod partikolari waqt l-imblokk tal-Franċiżi bejn l-1798 u l-1800, u eventwalment matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Dati Ewlenin
1736-7: għotja tal-art lill-Patrijiet Kapuċċini u bidu tal-proġett tal-bini
1743: tlestija tal-knisja
1747: konsagrazzjoni tal-knisja
1754: bini mill-ġdid tal-faċċata
1752: wasla tal-korp sant ta’ Santa Liberata
1875: installazzjoni tal-arloġġ fil-kampnar
1946: bini mill-ġdid tal-kampnar
