Din il-kappella tinsab taħt Advance Gate, u taf il-bidu tagħha għas-Sibt, 21 t’Ottubru 1837. Hemmhekk kien instab pissidi misruq mimli bl-ostji kkonsagrati. Is-serqa seħħet fil-Knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla fil-lejl ta’ bejn it-18 u d-19 t’Ottubru. Maż-żmien, id-daħla u l-foss tar-ravelin ta’ Aragona bdew jissejħu bħala ‘Fejn Sabu s-Sinjur’.
Serqa Sagrilega
Il-Ħamis, 19 t’Ottubru 1837, Patri Teodosju tal-Immakulata Kunċizzjoni ħareġ iqaddes tal-ewwel. X’ħin resaq lejn l-artal, intebaħ li l-bieba tat-tabernaklu kienet sgassata u l-pissidi bl-ostji kkonsagrati ma kienx hemm. L-aħbar tas-serqa qajmet għagħa kbira u nisslet sentiment ta’ biża’ fost il-poplu li kien għadu qed jistejqer mill-burraxka tal-imxija tal-kolera. L-Isqof Francesco Saverio Caruana ordna li jsir talb ta’ riparazzjoni fil-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex. Hu ordna wkoll li l-artal maġġur tal-Knisja ta’ Santa Tereża, jiġi mgħotti b’sinjal ta’ luttu.
Tfittxija fl-Inħawi
Il-patrijiet u bosta nies oħra bdew it-tfittxijiet minnufih, iżda l-pissidi bl-ostji kkonsagrati baqa’ ma nstabx. Is-Sibt, 21 t’Ottubru, Francesco Cachia, tifel ta’ 11-il sena minn Ħaż-Żabbar, lemaħ ċarruta ġo xaqq fil-blat, bil-pissidi u bl-ostji kkonsagrati mgeżwrin fiha. L-aħbar li nstab is-‘Sinjur’ ġriet bħal leħħa ta’ berqa. Il-poplu feraħ u l-qniepen semmgħu leħinhom b’mota ta’ ferħ u radd il-ħajr. Is-Sagrament ġie trasportat mill-post tas-sejba sal-Knisja ta’ Santa Tereża mill-Vigarju Ġenerali Mons. Salv Lanzon. Miegħu ngħaqdet folla kbira ta’ nies. Fit-tlett ijiem ta’ wara kienu ċċelebrati festi ta’ radd il-ħajr u saret mixgħela ġenerali.
Il-ħalliel, Pawlu Galea mlaqqam Bagollu, inqabad ftit wara. Hu ġie mgħoddi ġuri, misjub ħati, u mibgħut il-ħabs għal għomru.
Il-Kappella
Minħabba li kienu bosta dawk li bdew iżuru l-inħawi, il-patrijiet Tereżjani ħasbu biex jittrasformaw il-volta fejn instab il-pissidi f’kappella żgħira b’qies ta’ disa’ piedi kwadri. Il-post fejn instab il-pissidi ġie mmarkat permezz ta’ artal tal-irħam abjad. Dan jinkludi niċċa bi xbieha ta’ Ġesù jħaddan is-salib, riljiev ta’ pissidi mdawwar b’raġġiera, żewġ anġli adoraturi, u s-simboli ewkaristiċi tal-għeneb u ż-żbul.
Il-faċċata tal-mejda tal-artal fiha kitba bil-Latin li f’ilsienna tgħid hekk:
HEKK KIF IT-TJIEBA BLA TARF TIEGĦU
B’TALB PUBBLIKU SSEJĦET
IL-MULEJ SETGĦANI KIXEF IT-TEŻOR TAL-EWKARISTIJA
MAGĦLUQA F’PISSIDI TAL-FIDDA
LI B’ATTENTAT SAGRILEGU
MILL-KNISJA TAL-OMM SERAFIKA
FID-19 T’OTTUBRU 1837 ITTIEĦED,
GĦALL-BIŻA’ MILL-KASTIG
FIX-XQUQ TA’ DAN IL-ĦAJT
XI SEBA’ PIEDI ‘L FUQ MILL-ART TQIEGĦED.
MINN HAWN B’IMĦABBA ĦERQANA LEJN IR-RELIĠJON
FOST ID-DMUGĦ TA’ FERĦ
LEJN IT-TABERNAKLU MILL-ĠDID ITTIEĦED.
DIN HI L-FIDI QAWWIJA TAL-MALTIN
SABIEX IL-ĠRAJJA MA TINTESIEX MAL-MEDDA TAŻ-ŻMIEN
B’GĦOTJA MIĠBURA
HAWN DIN IL-LAPIDA
GĦELM TAN-NUQQAS TA’ QIMA TAL-BNIEDEM
XHIEDA TAL-GRAZZJA TAL-MULEJ. P.C.
