Il-Gvernatur Frederick Ponsonby ħa f’idejh medda ta’ art fl-inħawi ta’ Bighi biex fuqha jkun jista’ jinbena sptar. Ix-xogħol fuq il-bini ta’ dan l-isptar beda fl-1830, u l-proġett sewa għoxrin elf lira sterlina. Il-kumpless tal-binjiet inbena fi stil neoklassiku skont disinn tal-inġinier militari George Whitmore. Fl-1903, nbnew żewġ blokki oħra, waħda li tagħti lejn il-bajja tar-Rinella u l-oħra li tagħti lejn il-bajja tal-Kalkara. L-isptar għalaq fl-1970 u fis-snin ta’ wara il-binja intużat skola tas-snajja.
Illum, parti minn dan il-kumpless isservi bħala l-Uffiċċju Amministrattiv ta’ Heritage Malta, l-aġenzija nazzjonali għal ħarsien tal-patrimonju storiku u kulturali, kif ukoll bħala ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni u Restawr. Il-Laboratorji tar-Restawr u Konservazzjoni f’Bighi jipprovdu servizz ta’ restawr u konservazzjoni, kif ukoll servizzi ta’ dijanjosi xjentifiċi lill-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta. F’dawn il-laboratorji jsir konservazzjoni ta’ kull tip ta’ artifatti. Dawn jinkludu pitturi, metall, ċeramika, ġebel, drapp, kotba, u xogħol fuq il-karti, kif ukoll fuq injam.
