Forti Sant’Anġlu għandu żewġ knejjes: waħda ddedikata lil Sant’Anna u oħra lit-Twelid tal-Madonna. Din tal-aħħar tinsab ħdejn il-bieb Medjevali tal-kumpless Medjevali (Castrum Maris). Il-knisja hija żgħira u mħaffra fil-blat (troglodita). L-oriġini tagħha huma mistura fiż-żmien, però nafu li kienet teżisti diġà fl-1274, meta l-oġġetti tal-kult li kienet tipposjedi ġew elenkati f’inventarju.
Parroċċa tal-Inħawi
Skond it-tradizzjoni, il-parroċċa tal-Birgu hija meqjusa bħala l-eqdem waħda wara l-Katidral tal-Imdina. Il-bidu tagħha kien f’din il-knisja, liema knisja kienet isservi ta’ sede parrokkjali għall-Castrum Maris u l-madwar. Jingħad ukoll li din kienet ġiet imwaqqfa mill-Konti Ruġġieru.
Il-Faċċata
Il-faċċata preżenti nbniet wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-bieb u l-istemma ta’ Malta li tinsab fuqu huma ingwarniċati permezz ta’ pilastri magħquda b’arkata. It-truf tal-faċċata huma mmarkati b’pilastri dojoq li jwasslu sa gwarniċa eleganti li taqsam l-għoli tal-faċċata fi tnejn. Fuqha nsibu tieqa ovali u faxxa f’għamla ta’ arkata, filwaqt li l-ogħla parti għandha għamla ta’ frontispizju, u hija inkurunata bi gwarniċa u b’salib tat-tmien ponot.
Minn Ġewwa
Il-knisja hija ħames metri twila u erba’ metri wiesgħa. Il-ħitan tal-ġnub huma maqsumin f’erba’ bajjiet permezz ta’ pilastri ingastati fil-blat. It-tieni bajja ta’ kull naħa tikkonsisti f’altar laterali f’għamla ta’ arkosolju. Jingħad li dawn tħaffru fi żmien il-Kastellani De Nava matul is-seklu 15. Dawn kienu ddedikati lil (1) Sant’Anġlu ta’ Licata flimkien ma’ San Onofriju u Sant’Antnin ta’ Padova, u lil (2) Santa Barbara flimkien ma’ San Blas u Santa Appolonja. L-altar maġġur għandu prospettiva fuq stil Barokk tas-seklu 17 kif tixhed id-data 1654 mnaqqxa fuqha. Din hija maqsuma fi tliet bajjiet permezz ta’ pilastri stil Korintu. Il-kwadru titulari juri lill-Madonna Bambina flimkien ma’ ommha Sant’Anna, filwaqt li l-kwadri tal-ġnub juru lil San Pawl u lil San Ġwann il-Battista rispettivament. Ħafna minn dan ix-xogħol tar-ridekorazzjoni tlesta fi żmien il-Gran Mastru Martin De Redin kif indikat mill-arma eraldika tiegħu.
Il-Kwadri Titulari
Matul is-sekli, il-knisja kellha diversi kwadri titulari. L-ewwel li nafu bih kien ikona tal-Madonna tal-Kandlora. Warajh, tpoġġa ieħor tal-Madonna tas-Sokkors. Dan kien iġib id-data tal-1462, u tneħħa fis-seklu 19 għal skop ta’ konservazzjoni. Minfloku nxtrat pittura ta’ Sant’Anna bil-Madonna Bambina. Dan it-tielet kwadru nqered fil-gwerra, u fl-1955 saret kopja tiegħu mill-pittur Rafel Bonniċi Calì. Fl-2024 sar kwadru titulari ġdid mill-artist Manuel Farrugia. Dan juri il-Madonna tarbija flimkien ma’ Sant’ Anna u San Ġwakkin.
Dati Ewlenin
1274: referenza f’inventarju għall-knisja ddedikata lil Sant’Anġlu fil-Castrum Exterioris
Sekli 14 u 15: isservi ta’ Knisja Parrokkjali tal-Castrum Maris u l-madwar
1430: tħaffir tal-arkosolja laterali
1462: bdil tat-titular għall-Madonna tas-Sokkors
Seklu 17: xogħol tal-lavur
Seklu 19: bdil tat-titulari għall-Bambina ma’ Sant’Anna.
1810: twaħħil ta’ iskrizzjoni kommemorattiva b’rabta mat-tradizzjoni dwar it-twaqqif ta’ din il-knisja mill-Konti Ruġġieru
It-Tieni Gwerra Dinjija: tiġrib ta’ ħsarat konsiderevoli waqt ħbit mill-għadu
1955: ftuħ u tberik mill-ġdid wara t-tlestija tar-restawr
2015: serje ta’ interventi ta’ restawr u konservazzjoni, u ftuħ tal-knisja għall-viżitaturi
