L-Oratorju tal-Kandlora jinsab maġenb il-Bażilika tat-Twelid tal-Madonna, u l-istorja tiegħu hi marbuta mill-qrib mal-iżvilupp tal-istess Bażilika. Fil-fatt, ftit tas-snin wara l-bini tal-knisja u t-twaqqif tal-Parroċċa fl-1581, dan beda jintuża bħala ċimiterju għall-vittmi tal-mard li jittieħed, partikolarment matul l-imxija tal-pesta tal-1592-3. Mas-snin dan iċ-ċimiterju ġie mgħammar bi knisja ddedikata lil Santu Rokku, protettur mill-mard li jittieħed. It-titular tal-knisja kien jinkludi wkoll lil San Bastjan, filwaqt li d-dfin fiċ-ċimiterju ma baqax limitat għall-vittmi tal-mard li jittieħed.
Fl-istess waqt, il-komunità parrokkjali tal-Isla ssaħħet bit-twaqqif tal-Kongregazzjoni tal-Onorati. Għall-bidu, dawn kienu jiltaqgħu fil-Knisja ta’ San Ġiljan, iżda maż-żmien bdew jagħmlu użu mill-Knisja ta’ Santu Rokku. L-Onorati għażlu lil Santu Rokku u San Bastjan bħala protetturi tagħhom, u eventwalment ħadu taħt idejhom is-sit kollu taċ-ċimiterju. Imbagħad, fl-1622, il-Knisja ta’ Santu Rokku tħattet sabiex tinbena knisja akbar taħt it-titlu tal-Purifikazzjoni tal-Madonna (magħrufa wkoll bħala l-Kandlora). Din bdiet isservi wkoll ta’ Oratorju għall-Kongregazzjoni tal-Onorati.
Il-Binja tal-Oratorju
Il-proġett tat-tkabbir tal-Knisja Parrokkjali u l-bini tal-Oratorju tal-Kurċifiss fuq in-naħa l-oħra tal-istess knisja wassal ukoll għall-bini mill-ġdid tal-Knisja tal-Purifikazzjoni tal-Madonna. Għaldaqstant, il-binja tal-1622 twaqqgħet fl-1730 bil-għan li jinbena Oratorju għall-Fratellanza tal-Onorati. Bħal fil-każ tal-Knisja Parrokkjali u tal-Oratorju tal-Kurċifiss, id-disinn sar minn Claudio Durante, filwaqt li l-bini u l-iskultura ġew fdati f’idejn Francesco Zerafa u Pietro Paolo Zahra rispettivament.
Meta tlesta, dan l-Oratorju kien iħabbatha sew ma’ dak tal-Kurċifiss. L-abside kienet imżejna b’arranġament ta’ skultura Barokka u bil-pilastri ta’ bejn bajja u oħra kienu merfugħin fuq zukklatura għolja. Fl-istess waqt, fis-saqaf kien f’għamla ta’ troll u kien iddekorat b’disinji miżbugħa. Kif mistenni, il-parti l-kbira tad-dawra tiegħu kellha bank u katedra tal-injam għall-membri u l-uffiċjali. L-Oratorju tal-Fratellanza tal-Onorati kien imżejjen ukoll b’għad ta’ pitturi, fosthom it-titular maħdum minn Ġan Nicola Buhagiar u erba’ kwadri li juru episodji varji mill-ħajja tal-Madonna maħduma minn Rokku Buhagiar.
L-istess bħall-Knisja Parrokkjali, dan l-Oratorju ġarrab ħsarat kbar matul l-attakki tal-għadu fl-1942, tant li wara t-Tieni Gwerra Dinjija, dan kellu jinbena mill-ġdid. Minkejja li l-linji ġenerali tal-kompożizzjoni ta’ Durante ġew b’xi mod rispekkjati, il-binja l-ġdida baqgħet mingħajr dekorazzjoni skultorja. Fl-istess waqt, is-saram tal-gwerra xejjen il-Fratellanza tal-Onorati u dan l-Oratorju tilef l-iskop oriġinali tiegħu. Fil-fatt, dan beda jintuża bħala maħżen għall-armar tal-festa u fl-1993 inbidel f’Sala Parrokjali.
Minn Barra
Il-faċċata li naraw illum tagħti lemħa lil dik ta’ qabel l-1942, anke jekk il-Periti Ġużeppi Caruana u Ġużeppi Mallia Milanes qagħdu attenti li joħolqu kompożizzjoni li tibbilanċja dik tal-knisja parrokkjali. Fil-fatt, id-disinn hu pjuttost kiebes. Il-bieb hu mdawwar fi gwarniċ u inkurunat bi frontispizju fuq l-istess linji tal-bibien laterali tal-knisja parrokkjali. Daqstant prominenti huma l-gwarniċun u l-kampnar li jinsabu fuq in-naħa tax-xellug. Dan tal-aħħar jorbot ma’ bażi mmarkata permezz ta’ żewġ pilastri u tlett itwieqi ċkejknin.
Dati Ewlenin
1592-3: is-sit jibda jintuża għad-dfin tal-vittmi tal-pesta, u eventwalment jiġi mogħni bi knisja ddedikata lil Santu Rokku
bidu tas-seklu 17: mgħoddi f’idejn il-Konfraternità tal-Onorati li kienet għadha kif twaqqfet
1622: twaqqigħ tal-Knisja ta’ Santu Rokku u l-bini ta’ knisja ddedikata lill-Purifikazzjoni tal-Madonna
1730: jinbena mill-ġdid
1886: beda jintuża wkoll mill-Għaqda ‘Istitut ta’ Edukazzjoni Nisranija’ u aktar tard mill-Figli di Maria
1942: ġarrab ħsarat kbar mill-bumbardamenti tal-għadu
Wara l-1945: bini mill-ġdid
1993: bidla f’Sala Parrokkjali, u restawr tal-opri tal-arti li nġabru minn qalb it-tifrik tal-gwerra, fosthom l-erba’ pitturi ta’ Rokku Buhagiar li jinsabu fis-Sagristija tal-Bażilika
