Il-wesgħa ta’ maġenb il-Knisja Parrokkjali tal-Birgu kienet imsejħa Ras il-Knejjes minħabba l-preżenza ta’ ċimiterju b’numru ta’ knejjes. Parti minnha għaddiet għand il-Fratellanza tal-Kurċifiss fil-bidu tas-seklu 18 bil-ħsieb li jinbena Oratorju għal-laqgħat u t-talb tal-fratelli, u kif ukoll għall-irfigħ ta’ oġġetti marbuta mal-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
L-Oratorju
L-ewwel ġebla tqiegħdet mill-Kappillan Carlo Colonia, nhar it-18 ta’ Diċembru 1720, filwaqt li l-inawgurazzjoni u t-tberik saru mill-istess Kappillan fil-preżenza tal-Inkwiżitur Antonio Ruffo fid-29 ta’ Frar 1724. Ix-xogħol tal-bini tmexxa mill-kapumastru Francesco Zirafa.
Il-Faċċata
Il-faċċata hija definita b’pilastri u kontropilastri fit-truf u b’bieb ċentrali milħuq minn taraġ. Il-bieb huwa inkurunat bl-istemma tal-Fratellanza miżmuma minn żewġ anġli. Fil-livell tal-bejt, imbagħad, hemm kampnar bi tlett iqniepen, filwaqt li fuq in-naħa ta’ wara hemm kamra milħuqa minn taraġ minn barra, magħrufa bħala l-Ġenna, peress li fl-imgħoddi din kienet isservi ta’ maħżen tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira.
L-Oratorju tal-Kurċifiss għandu wkoll bieb mal-ħajt tal-ġenb.
Minn Ġewwa
L-idjoma Barokka tiddomina l-arkitettura interna. Oriġinarjament, l-artal kien iddedikat lid-Duluri, iżda fl-1867, il-kwadru titulari tad-Duluri tneħħa u minfloku tqiegħdet il-Vara l-Kbira. Minn dakinhar, l-Oratorju ġie ddedikat lill-Kurċifiss. Is-sekonda ordni tinkorpora tliet twieqi fuq kull naħa, filwaqt li s-saqaf għandu għamla ta’ troll. Elementi prominenti oħra huma l-gallarija tal-orgni fuq ir-riħ tal-bieb ewlieni, u żewġ statwi tal-Evanġelisti maħduma minn Antonio Fabri. Il-bankun tal-injam mad-dawra kollha (maqgħad għall-fratelli) u l-katedra tal-uffiċjali saru fl-1757.
Opri tal-Arti
L-Oratorju jiġbor fih diversi xogħlijiet tal-arti, fosthom sitta mit-tmien vari tal-Ġimgħa l-Kbira, u n-niċċa Neogotika li nħadmet fl-1869 għall-vara ta’ Kristu fl-Ort.
Dati Ewlenin
1720: tqegħid tal-ewwel ġebla
1724: inawgurazzjoni tal-binja
1726-57: tisbiħ tal-Oratorju u tlestija tal-għamara, sewwasew ix-xogħol tal-iskultura u l-bini tal-bankun tal-injam
1867: bini tan-niċċa għall-Vara l-Kbira flok il-kwadru titulari
1869: bini tan-niċċa għall-vara ta’ Kristu fl-Ort
1940: ħsarat konsiderevoli waqt ħbit mill-għadu, u eventwalment bini mill-ġdid
