Il-Kumpless tal-Kunvent u l-Knisja tal-Karmnu jokkupa post prominenti fix-Xatt tal-Birgu, sewwasew bejn il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-xwieni u l-Fran tas-Sinjurija u t-Teżor. Il-baħħara kkontribwew għall-bini u ż-żamma ta’ din il-knisja għal mijiet ta’ snin. Fil-fatt, iz-zuntier ta’ quddiemha kien magħqud max-xatt permezz ta’ żewġ turġien laterali. Dawn tneħħew wara l-gwerra, u l-istess zuntier sar aċċessibli biss minn Triq il-Karmnu.
Il-Bini tal-Knisja u tal-Kunvent
Lejn l-aħħar tas-seklu 16, patrijiet Karmelitani mill-komunità tal-Belt bdew iwettqu xogħol pastorali fil-Birgu. Din il-ħidma intensifikat fl-1582, meta l-Knisja tal-Madonna ta’ Monserrat u dar fil-qrib ġew mislufa lilhom. Huma baqgħu hemm sal-bini tal-kunvent u tal-knisja fix-Xatt tal-Birgu fl-1611. Dan il-proġett twettaq bit-tħabrik ta’ Patri Ascanio Minucci u bl-għotjiet ta’ diversi benefatturi, speċjalment tal-ekwipaġġi tal-galeri.
Il-Faċċata tal-Knisja
Il-faċċata Manjerista tal-bidu tas-seklu 17 ġarrbet ħsarat estensivi matul it-Tieni Gwerra Dinjija u għaldaqstant inbniet mill-ġdid. Din ir-rikostruzzjoni ħalliet barra diversi elementi mill-kompożizzjoni oriġinali, u l-faċċata preżenti hija ferm anqas mirquma. Il-bieb għandu kolonna fuq kull naħa, filwaqt li l-bqija tal-ispazji huma minfuda minn niċeċ u twieqi. Matul l-aħħar snin, waħda minn dawn it-twieqi nbidlet f’gallarija tal-injam. Il-faċċata għandha wkoll frontispizju fil-livell tal-bejt.
Ironikament,il-faċċata sekondarja li tinsab fuq in-naħa ta’ wara hija ferm aktar interessanti. Din tinkludi kampnar u niċċa bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu maħduma fl-1786.
Il-Knisja minn Ġewwa
Qabel ma ġġarrfet fil-gwerra, din il-knisja kellha ħames artali, sewwasew il-maġġur u żewġ artali ta’ kull naħa tal-korsija. Il-kor huwa magħżul permezz ta’ arkata mistrieħa fuq pilastri bi stil Toskan-Doriku. Dan għandu għamla kwadrata, huwa msaqqaf b’kopletta, u għandu l-prospettiva tal-kwadru titulari. Jinkludi wkoll sedji tal-injam fuq iż-żewġ ġnubijiet u artal maġġur tal-irħam. L-artali laterali li ħelsuha mit-tiġrif tal-gwerra għandhom prospettiva Barokka. Oriġinarjament, il-korsija kienet imsaqqfa bi troll tal-ġebel, iżda s-saqaf preżenti huwa ċatt u tal-konkos.
Jitilqu l-Patrijiet u jiġu s-Sorijiet
Il-Patrijiet Karmelitani kienu kostretti jitilqu l-kunvent u l-knisja fl-1652. Sena wara, din il-knisja ngħatat lill-Kongregazzjoni tal-Oratorjani. Huma baqgħu jagħtu servizz minnha sax-xoljiment tagħhom fil-bidu tas-seklu 19. Fl-istess waqt, fl-1886 il-Beata Katerina Traini waqqfet komunità tas-Sorijiet tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija f’dan il-kunvent. Dawn baqgħu jagħmlu użu mill-knisja sakemm waqgħet fil-gwerra, filwaqt li l-kunvent ngħalaq fis-sena 2000.
Ċelebrazzjonijiet Matul il-Ġimgħa Mqaddsa
Il-Fratellanza tal-Galeri stabbilita f’din il-knisja kienet torganizza l-Purċissjoni s-Sewda. Din kienet toħroġ tard filgħaxija bil-parteċipazzjoni tal-ilsiera jkaxkru l-ktajjen marbuta ma’ saqajhom. Nhar Sibt il-Għid, imbagħad, l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt kienet tittieħed lejn il-Parroċċa ta’ San Lawrenz bil-banda, peress li din kienet tinżamm hawnhekk matul il-bqija tas-sena.
Dati Ewlenin
1611-52: bini u użu tal-knisja u tal-kunvent mill-Patrijiet Karmelitani
1653: użu tal-knisja mill-Kongregazzjoni tal-Oratorjani (ara Il-Knisja u l-Kunvent ta’ Santa Marija tal-Anġli, il-Birgu)
1671: tkabbir tal-knisja u bini tas-saqaf f’għamla ta’ troll
1763: ħruġ ta’ digriet mill-Gran Mastru Manoel Pinto de Fonseca għall-ħlas ta’ sitt tari b’risq l-istess knisja mingħand dawk li jużaw il-moll ta’ quddiemha għall-ħatt u t-tagħbija tal-merkanzija
1843: il-ħsieb tal-Gvernatur Henry Frederick Bouverie sabiex tintara din il-knisja jintlaqa’ b’reżistenza kbira u jibqa’ ma jseħħx
1886-2000: twaqqif ta’ komunità ta’ Sorijiet Franġiskani tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija (magħrufa bħala tal-Egittu) mill-Beata Katerina Traini
1940: tiġrib ta’ ħsarat estensivi mill-bumbardamenti tal-għadu
1962: rikostruzzjoni u profanazzjoni tal-knisja, tant li tibda tintuża bħala maħżen għall-armar tal-festa
