Il-Knisja ta’ Sant’Anna tinsab fl-ogħla parti tal-promontorju li fuqu huwa mibni l-Forti Sant’Anġlu. Matul is-sekli, din il-knisja tkabbret diversi drabi. Mhux magħruf meta twaqqfet l-ewwel knisja, iżda f’inventarju tal-1274 insibu li fuq din ix-xaqliba tal-forti, (dak iż-żmien imsejħa Castrum Interioris), kien hemm knisja ddedikata lill-Madonna. L-eqdem parti tal-binja preżenti jingħad li nbniet fi żmien il-Kastellani De Nava fis-seklu 15.
Il-Kappella Privata tal-Gran Mastru
Hekk kif il-Gran Mastru L’Isle Adam stabilixxa r-residenza tiegħu fil-Forti Sant’Anġlu fl-1530, din bdiet tagħmel parti mill-kumpless tal-Palazz Maġistrali u nbidlet fil-knisja privata tal-Gran Mastru. F’dan iż-żmien, tkabbret u żdiedet magħha l-Kappella tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesù. Il-Gran Mastri L’Isle Adam, Del Ponte, D’Homedes u La Sengle kienu ġew midfuna f’waħda miż-żewġ kripti li hemm taħtha. Aktar tard, il-fdalijiet tagħhom ġew trasferiti fil-kripta tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
Il-Faċċata
Il-faċċata għandha għamla kubika u hija ddominata minn gwarniċ mistrieħ fuq is-saljaturi, fuq l-istess linji ta’ dak tal-Palazz Maġistrali. Fil-parti ċentrali insibu bieb nofs tond u tieqa ovali fuqu. It-tieqa hija nieqsa minn kull dekorazzjoni filwaqt li l-bieb għandu gwarniċa b’elementi Gotiċi tardivi. Dawn huma kkumplimentati minn kampnar b’qanpiena ċkejkna fil-livell tal-bejt. Il-kampnar għandu denfil għamla ta’ skroll fuq kull naħa, u huwa inkurunat b’salib ta’ tmien ponot.
Il-Knisja Minn Ġewwa
Il-knisja hi magħmula minn navata u kappella fuq in-naħa tal-Punent. In-navata tikkonsisti f’atriju, tliet volti tal-erba’ flieli u presbiterju msaqqaf b’kopletta. Il-kappella miżjuda mill-Kavallieri tikkonsisti f’żewġ volti tal-erba’ flieli bil-kustilji. Dawn il-volti jikkorispondu mal-ewwel żewġ volti tan-navata, u huma mifruda minnhom permezz ta’ kolonna tal-granit ħamrani Eġizzjan, mistrieħa u inkurunata minn bażi u kaptell tal-irħam abjad. Jidher li l-elementi arkitettoniċi ta’ din il-kolonna ġew riċiklati minn bini tal-era Klassika li kien jinsab fl-inħawi.
Dedikazzjoni u Arti
It-titular ta’ din il-knisja nbidel kemm il-darba matul is-sekli sakemm ġie stabbilit dak ta’ Sant’Anna. Fl-istess waqt, din il-binja mhux dejjem baqgħet tintuża bħala post ta’ kult. Matul is-seklu 19 u l-ewwel parti tas-seklu 20, din intużat bħala maħżen tal-artillerija, armerija u skola rispettivament. Eventwalment, fl-1935 reġgħet bdiet tintuża għall-kult mill-Anglikani, u aktar tard mill-Kattoliċi.
L-opri tal-arti li nsibu llum f’din il-knisja nġabu mill-Ordni ta’ San Ġwann matul l-aħħar deċenji. Fost dawn insibu l-artal, l-iskultura ta’ Sant’Anna b’Marija Bambina f’idejha, diversi statwetti u lanterni, kif ukoll kurċifiss kbir tal-kartapesta. Dan tal-aħħar kien jappartjeni lill-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu li tinsab fix-xatt tal-Birgu.
Dati Ewlenin
1274: referenza f’inventarju għall-Ecclesia Sancte Marie
Seklu 15: bini ta’ knisja ġdida mill-Kastellan de Nava
Seklu 16: tkabbir tal-knisja u użu bħala kappella privata tal-Gran Mastru
1861: użata bħala maħżen tal-artillerija
1866: użata bħala armerija
1882: użata bħala skola
1935: wara żmien magħluqa, użata mill-ġdid bħala post ta’ kult
It-Tieni Gwerra Dinjija: milquta mill-bombi tal-għadu
Snin 90 tas-seklu 20: xogħol ta’ restawr mill-Ordni ta’ San Ġwann
Seklu 21: miftuħa b’mod regolari għall-viżitaturi
