L-oriġini ta’ din il-knisja huma mistura fiċ-ċpar taż-żmien. Probabbilment, l-ewwel knisja ddedikata lil dan il-qaddis fix-xatt tal-Birgu nbniet minn negozjanti Spanjoli matul il-ħakma Aragoniża (1283-1530). Fil-fatt, l-eqdem evidenza miktuba tal-Knisja ta’ San Lawrenz f’dawn l-inħawi marittimi tmur lura għall-1432 u tinsab f’manuskritt fl-Arkivju tal-Katidral tal-Imdina.
Il-Knisja Preżenti
Il-binja tal-knisja preżenti hi fil-parti l-kbira tagħha tas-seklu 17, u saret fuq pjanta ta’ Lorenzo Gafà. L-ewwel ġebla tqiegħdet mill-Isqof Miguel Jeronimo de Molina fil-11 ta’ Mejju 1681, filwaqt li l-ftuħ uffiċjali seħħ fl-10 ta’ Awwissu 1697. Eventwalment, din ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Gaspare Gori-Mancini fl-24 ta’ Ottubru 1723.
Il-Faċċata tal-Knisja
Il-faċċata monumentali li naraw illum ġiet modifikata minn Romano Carapecchia fis-seklu 18, u hija maqsuma f’ħames bajjiet permezz ta’ pilastri Korinti. Għandha bieb ċentrali milħuq minn zuntier, u niċċa fuq kull naħa bl-istatwi ta’ San Pawl u San Lawrenz. Il-bajjiet tat-truf, imbagħad, jiffurmaw kampnari arjużi. Dak tax-xaqliba tan-Nofsinhar inbena fil-bidu tas-seklu 20, peress li l-kompożizzjoni oriġinali kienet b’kampnar wieħed.
Il-Knisja minn Ġewwa
L-idjoma Barokka tispikka ferm fl-ispazji interni tal-knisja. B’tul ta’ 39 metru u wisa’ ta’ 22 metru, din il-knisja għandha pjanta ta’ salib Latin, sewwasew korsija, żewġ kappelluni u kor. Il-korsija tikkonsisti fi tliet bajjiet. Dawn huma kkumplimentati b’volti tal-erba’ flieli u bi twieqi kbar, kif ukoll permezz ta’ navi msaqqfin bil-kupletti. Il-kor u l-kappelluni għandhom l-istess tip ta’ soqfa. Dawn il-volti jingħaqdu permezz ta’ koppla. Din tal-aħħar reġgħet inbniet mill-ġdid fl-1954 fuq disinn tal-Prof. R.V. Galea peress li dik ta’ qabilha ġġarrfet waqt il-ħbit tal-għadu matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz hija mogħnija b’diversi opri tal-irħam, fosthom 10 artali, il-battisterju, u diversi monumenti. Il-pilastri u l-paviment huma miksija wkoll b’irħam dekorattiv.
Opri tal-Arti
Kif mistenni, il-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz tgħożż ġabra notevoli ta’ xogħlijiet tal-arti. Dawn jinkludu l-kwadru titulari li juri l-martirju ta’ San Lawrenz, xogħol Mattia Preti, u l-istatwa titulari bil-pedestall, il-bradella u l-bankun tagħha. Insibu wkoll pulptu u gallerija tal-orgni maħduma b’ħila kbira fl-injam, u għażla estensiva ta’ xogħlijiet fil-fidda għat-tiżjin tal-knisja matul il-festi. Dawn tal-aħħar jinkludu l-ventartal tal-artal maġġur.
Dati Ewlenin
1432: referenza għall-Knisja ta’ San Lawrenz f’dak li kien is-subborg tal-baħar
1508: bini mill-ġdid tal-knisja
1530-71: użu bħala Knisja Konventwali tal-Ordni
1532: ħruq tal-knisja u bini mill-ġdid ta’ partijiet estensivi
1570s-1798: użu bħala l-knisja prinċipali tal-Inkwiżituri
1681: tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida fuq disinn ta’ Lorenzo Gafà
1697: ftuħ uffiċjali tal-knisja l-ġdida
1723: konsagrazzjoni mill-Isqof Gaspare Gori-Mancini
1820: għotja tad-dinjità ta’ Kolleġġjata
Seklu 19: twettiq ta’ proġett estensiv ta’ dekorazzjoni u ta’ tiżjin b’opri tal-arti
1941-42: tiġrib ta’ ħsarat kbar mill-bumbardamenti tal-għadu
Wara l-1945: restawr tal-partijiet imġarrfa u tal-opri tal-arti li sofrew ħsarat, u proġetti ġodda ta’ tisbiħ
