Skond it-tradizzjoni, San Pawl rikeb il-ġifen fi triqtu lejn Ruma mill-inħawi ta’ Maħten it-Tin. Għaldaqstant, fit-13 ta’ Novembru 1590, Francesca Micallef għamlet għotja ġeneruża għall-bini ta’ knisja ddedikata lil dan il-qaddis fl-istess inħawi. Dan il-proġett tlesta fl-1595, u fi żmien qasir, il-knisja ġiet mgħammra bil-bżonnijiet neċessarji.
Il-Knisja Preżenti
Il-knisja nbniet mill-ġdid f’għamla ta’ rotunda Barokka fit-tieni kwart tas-seklu 18. L-ewwel ġebla tbierket mill-Isqof Paolo Alferan De Bussan fil-11 ta’ Awwissu 1735. Ix-xogħol tlesta fl-1740, u t-tberik tal-knisja preżenti sar fit-22 ta’ Ottubru 1741.
Minn Barra
Il-pjanta tal-elevazzjoni esterna hija maħduma fuq skorfina bi tmien faċċati. Fil-fatt, erbgħa mit-tmien faċċati jagħtu għal fuq it-triq. Il-faċċata ewlenija tħares lejn Triq San Pawl, u tinkludi l-bieb ewlieni, niċċa bl-istatwa ta’ San Pawl, tieqa u skudett bis-simboli tal-istess qaddis. Il-vertikalità ta’ din il-kompożizzjoni hi aċċentwata aktar permezz tal-pilastri u l-frontispizju fil-livell tal-bejt. Fl-istess waqt, il-bieb huwa milħuq minn zuntier arjuż.
Minn Ġewwa
Il-knisja għandha tliet artali u hi msaqqfa b’koppla bi tmien flieli. L-artali laterali huma ddedikati lil Santa Barbara u lis-Sagra Familja, filwaqt li l-kwadru titulari huwa tal-konverżjoni ta’ San Pawl. Jispikka wkoll ix-xogħol tal-lavur fil-ġebla, speċjalment il-kapitelli u l-gwarniċun. Daqstant artiġjanali huma ż-żewġ galleriji tal-injam li jinsabu fuq il-bieb. Dawn kienu maħsuba għall-mużiċisti u għall-kantanti.
Opri tal-Arti
L-arkitettura artikulata ta’ din il-knisja hija kkumplimentata minn għadd ta’ xogħlijiet tal-arti. Dawn jinkludu l-kwadru titulari mpitter minn Rocco Buhagiar, il-kwadru tas-Sagra Familja mpitter minn Ġanni Vella, il-kwadru ta’ Santa Barbara, u s-sotto kwadru ta’ Sant’Antnin ta’ Padova. Insibu wkoll l-istatwi tal-Bambin Ġesù, ta’ Santa Marija Goretti u tal-Qalb ta’ Ġesù. Din tal-aħħar hija xogħol Karlu Darmanin. Sal-1991, il-Knisja ta’ San Pawl kienet mogħnija wkoll bi statwa ta’ Sant’Andrija maħduma fl-injam minn Salvatore Psaila. Illum, din tinsab fis-sagristija tal-Kolleġġjata ta’ Bormla.
Dati Ewlenin
1595: tlestija tal-ewwel knisja
1602: żjara pastorali tal-Isqof Tomaso Gargallo
1735: tberik tal-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida
1741: tberik tal-knisja l-ġdida
1781: bidu tal-Vista Pastorali f’Bormla tal-Isqof Vincenzo Labini minn din il-knisja
1918: tneħħija tal-kwadru ta’ San Franġisk de Paola u tqegħid tal-kwadru tas-Sagra Familja
2002: restawr estensiv tal-binja
