Minkejja d-dedikazzjoni lil Santa Marija tal-Anġli, din il-knisja hija magħrufa bħala ta’ San Filippu. Dan minħabba r-rabta tagħha mall-komunità ta’ saċerdoti Maltin imsieħba fil-Kongregazzjoni tal-Oratorjani. Din kienet ġiet imwaqqfa minn San Filippu Neri ġewwa Ruma fis-snin sebgħin tas-seklu sittax. Il-Kongregazzjoni kienet akkwistat parti minn ġnien tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod u bniet Oratorju minfloku fl-1650. Iżda dan kien żgħir wisq u għaldaqstant l-Isqof Miguel Juan Balaguer Camarasa għaddielhom din il-knisja fl-1652. Ftit tas-snin wara, imbagħad, huma bnew ukoll kunvent u għaqdu t-tliet proprjetajiet f’kumpless wieħed.
Knisja Ġdida
Oriġinarjament, il-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli kienet inbniet bit-tħabrik tal-Kanonku Ġwann Abela fl-1624. Din kellha għamla rettangolari, kienet imsaqqfa bi troll bil-kustilji, u kellha artal wieħed. Il-Kongregazzjoni, imbagħad, bnietha mill-ġdid fuq medda ta’ kważi sittin sena. Bejn l-1737 u l-1739, inbnew il-kor, il-kappelluni u l-koppla fuq in-naħa ta’ wara, filwaqt li fl-1779 ħattew il-Knisja tal-1624 u bnew korsija b’żewġ artali kull naħa minflokha. Il-knisja l-ġdida żżejnet b’gallarija tal-orgni fl-1784 u ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Vincenzo Labini fit-28 ta’ Settembru 1786.
Il-Faċċata
Il-faċċata tikkonsisti fi tliet bajjiet. Il-bieb ewlieni huwa defenit bil-pilastri u frontispizju. Fil-livell tal-bejt hemm kampnar bi tlett iqniepen u koppla tal-istess għamla ta’ dawk ta’ San Filippu tal-Isla u tal-Madonna ta’ Liesse fix-xatt tal-Belt. Oriġinarjament, din il-koppla kellha lanterna.
Minn Ġewwa
Il-knisja għandha forma ta’ salib Latin u hija mżejna b’diversi pitturi. Dawn jinkludu l-kwadru titulari ta’ Santa Marija tal-Anġli, il-kwadri tat-Twelid ta’ Ġesù u ta’ San Filippu Neri fil-kappelluni, u l-kwadri ta’ San Isidor, tal-Madonna taċ-Ċintura, ta’ Sant Andrija ta’ Avellino, u ta’ Sant’Antnin ta’ Padova fil-korsija. Fil-passat, din il-knisja kienet imżejna wkoll b’sotto kwadru ta’ Mattia Preti.
Tagħrif ieħor
L-aħħar quddiesa f’din il-knisja ġiet iċċelebrata fil-11 ta’ Ġunju 1940, sewwasew jum wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta. Matul l-istess gwerra ġarrbet xi ħsarat li ġew restawrati bejn l-1945-47. Wara l-gwerra, il-kunvent tal-Kongregazzjoni tal-Oratorjani serva bħala skola mmexxija mis-sorijiet tal-Karmnu, u kif ukoll bħala ċentru għat-tagħlim tad-duttrina. Eventwalment, fl-1955 ġiet miftuħa triq u nħolqot pjazzetta minflok il-ġnien u parti mill-kunvent.
Illum, il-knisja u l-fdal tal-kunvent jintużaw għall-ħażna tal-armar tal-festa ta’ San Lawrenz.
Dati Ewlenin
1624: bini tal-ewwel knisja
1642: mewt tal-benefattur tagħha u difna fl-istess knisja
1652: għoti lill-Kongregazzjoni tal-Oratorjani
1662: bini tal-kunvent
1737-39: tkabbir tal-knisja
1762: bini tas-sagristija
1779: twaqqif tal-fdal tal-knisja tal-1624 u bini tal-korsija preżenti
1786: konsagrazzjoni mill-Isqof Vincenzo Labini
1941: tiġrib ta’ ħsarat mill-bombardamenti tal-għadu
1955: twaqqigħ tal-parti l-kbira tal-kunvent b’rabta mal-ftuħ ta’ triq u mal-ħolqien ta’ pjazzetta
