Illum, din il-knisja tinsab aktar ’l isfel mil-livell tat-triq, sewwasew taħt blokka appartamenti fi Triq l-Inkurunazzjoni. Oriġinarjament, din kienet fil-ġenb ta’ wied li kien jibda mill-akkwati tal-Knisja Parrokkjali tal-Fgura, jaqsam minn taħt il-Kurtina ta’ San Nikola (Swar tal-Kottonera), jibqa’ nieżel fid-direzzjoni tal-Bieb ta’ Santa Liena (Swar ta’ Santa Margerita) u jiżbokka ġo bajja kennija fl-akkwati ta’ Pjazza Gavino Gulia. Il-parti t’isfel ta’ dan il-wied jidher li kienet pjanura ta’ raba’ għammieli tant li l-ismijiet antiki tal-madwar jindikaw il-preżenza ta’ ammont sostanzjali ta’ siġar tal-frott. Għaldaqstant, din il-knisja kienet imħaffra fl-irdum baxx li kien jinsab fil-ġenb ta’ din il-pjanura u jidher li oriġinat bħala daħla fil-blat. Maż-żmien, din id-daħla ġiet imkabbra, filwaqt li l-bokka ngħalqet permezz ta’ ħajt. Riżultat ta’ dan, il-knisja tissejjaħ troglodita, li jfisser imħaffra fil-blat.
Il-bini tas-Swar ta’ Santa Margerita u l-iżvilupp tat-tessut urban ta’ Bormla matul is-seklu 17 bidlu għal kollox id-dehra u l-konfigurazzjoni ta’ dawn l-inħawi. Il-livell tal-art tal-wied ġie mibdul bil-għan li jkun hemm aċċess aktar komdu mill-inħawi ta’ Pjazza Gavino Gulia għall-bieb ta’ Santa Liena. Riżultat ta’ dan, il-knisja spiċċat taħt il-livell tat-triq. Aktar tard, f’nofs is-seklu 17, il-knisja ġiet ipprofanata u bil-mod il-mod intesiet qalb il-bini. Kellha tkun il-gwerra biex il-knisja tinkixef mill-ġdid. Fil-fatt, din instabet b’kumbinazzjoni waqt il-bini tad-djar imġarrfa mill-bombi tal-għadu. Il-knisja reġgħet saret aċċessibbli permezz ta’ entratura u taraġ f’waħda mill-blokok tal-appartamenti li naraw illum fil-parti ta’ fuq ta’ Triq l-Inkurunazzjoni.
Id-Daħla Preżenti
Il-bieb li jservi ta’ daħla għat-taraġ li jwassal għal din il-knisja troglodita ma jingħażilx mill-bqija tal-bibien li nsibu fl-istess bini. L-unika distinzjoni hija lapida bil-Latin fuq ir-riħ tiegħu, li f’ilsienna tfisser: Din il-knisja li darba kienet iddedikata lill-Beata Verġni Marija tas-Sokkors u meqjuma b’devozzjoni qaddisa, wara li sfat minsija għal żmien twil u parti minnha ġġarrfet waqt l-attakki tal-għadu, il-Maltin fittxew li mill-ġdid jippreservawha fis-sena 1959 mit-twelid tal-Mulej.
Għalkemm l-imsemmija lapida ssemmi biss il-Madonna tas-Sokkors bħala dedika, jista’ jagħti l-każ li din inbidlet maż-żmien.
Minn Ġewwa
Il-parti l-kbira tal-fdalijiet eżistenti huma mħaffra fil-blat, u jidher li din il-knisja kienet 4 metri twila u 3.5 metri wiesgħa. Dan l-ispazju hu maqsum f’żewġ elementi ewlenin, sewwasew santwarju u parti pubblika. Is-santwarju jokkupa n-nofs ta’ ġewwa u huwa mmarkat permezz ta’ pilastru ma’ kull ġenb u arkata, ilkoll maqtugħa mill-blat. L-arkata għandha l-kitba ‘Patrvm Mater Virgo Genvi’, li tfisser Omm xebba welldet il-wirt li hu Ġesù Kristu. Fuq kull naħa tal-iskrizzjoni hemm spazju għall-medaljun ovali. Fl-istess waqt, il-pilastri għandhom il-marki ta’ fejn kien imqabbad kanċell, element komuni fil-knejjes rurali tal-Medju Evu tardiv u tal-Era Moderna bikrija. Is-santwarju jinkludi apside li għad għandha l-marki tal-post fejn kienu jitpoġġew it-titular u oġġetti sagri oħra.
Kif mistenni, postijiet bħal dawn iqanqlu l-immaġinazzjoni popolari. Għaldaqstant, kien hemm min ħareġ bl-għajdut li l-fetħa baxxa li tinsab fuq in-naħa tax-xellug tas-santwarju tinfed ma’ passaġġ sigriet li jwassal sa Marsaxlokk.
Dati Ewlenin
Bidu tas-seklu 17: bini tas-Swar ta’ Santa Margerita, bdil tal-livell tal-art tal-wied u rdim tal-knisja troglodita
1668: profanazzjoni perpetwa
L-aħħar tas seklu 17: minsija għal kollox
1946: sejba aċċidentali
1959: ħolqien ta’ aċċess ġdid
