QTIL FIŻ-ŻWIEĠ
Ħafna qabel ma d-divorzju ġie legalizzat f’Malta, ma kinitx xi ħaġa rari li koppji miżżewġin jinfirdu għax ma jkollhomx żwieġ hieni.
Sfortunatament, xi wħud ħadu passi estremi biex jeħilsu mir-rabta taż-żwieġ, u dan billi qatlu lill-mara jew lir-raġel tagħhom. Fil-belt storika tal-Isla seħħew żewġ każijiet minn dawn, fejn l-imħabba nbidlet f’infedeltà, mibegħda u mewt. It-tieni każ ġara fl-1971, aktar minn 200 sena wara l-ewwel wieħed, li seħħ fl-1748. Kull każ jirrifletti kapitlu differenti fl-istorja ta’ Malta fil-qasam tal-kriminalità u l-kastig.
1748: Felice Spiteri u l-qtil ta’ martu tqila
L-ewwel ġrajja teħodna lura sa Diċembru tal-1748, meta l-orfni Felice Spiteri, li kellu 22 sena, iddeċieda li jtemm iż-żwieġ tiegħu bl-aktar mod xokkanti minflok ma telaq għal triqtu. Huwa kien imdejjaq ma’ martu u kellu relazzjoni sigrieta ma’ mara oħra, u kien determinat li jneħħi minn ħajtu lil martu li kienet qed tistenna tarbija. Meta l-katavru tagħha nstab f’wiċċ il-baħar fil-port tal-Isla, l-evidenza kixfet verità kerha: il-mara kienet ġiet fgata, mhux għerqet b’mod aċċidentali.
L-istħarriġ ma damx ma xeħet l-akbar suspetti fuq Spiteri, li b’dak li għamel issiġilla d-destin tiegħu. Biex jingħoġob mal-maħbuba, huwa taha għonnella li kienet ta’ martu u mċappsa bid-demm, u dan wassal għall-arrest tiegħu. Spiteri sab kenn f’santwarju reliġjuż fejn il-liġi ma setgħetx tilħqu, iżda fil-bidu tal-1749 ġie mqarraq biex joħroġ minn fejn kien mistoħbi u nqabad fil-pront.
Għall-ewwel ċaħad li kien qatel lil martu iżda ammetta meta ġie ttorturat. Huwa ġie interrogat b’metodu magħruf bħala ‘corda’, fejn idejn l-akkużat jintrabtu wara dahru u jinġibdu ’l fuq, u ma damx ma qal il-verità.
Id-destin ta’ Spiteri ġie deċiż fi tmiem ġuri mqanqal li matulu kellu jiġi appuntat imħallef ġdid mill-Gran Mastru Manuel Pinto da Fonseca. Fit-30 ta’ Awwissu 1749, Felice Spiteri ttella’ fuq il-forka fil-Ponta tal-Isla, qrib il-baħar fejn instabet martu. Il-kastig tiegħu ma waqafx hemm, għax wara mewtu ġismu nqasam f’erba’ biċċiet li tħallew fejn jarahom kulħadd biex ifakkru x’kien ir-riżultat ta’ delitt bħal dak. Aktar tard, il-katavru nġarr f’purċissjoni mill-Fratellanza tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann u ndifen il-Furjana.
Ir-ritwal makabru tal-eżekuzzjoni pubblika f’Malta tas-seklu 18 kien iservi bħala twissija serja għall-folol li kienu jinġabru biex jaraw il-ġustizzja sseħħ b’taħlita ta’ orrur u faxxinu. Ħafna familji kienu jqisu dawn l-eżekuzzjonijiet bħala opportunità ta’ ħarġa, tant li kienu jieħdu l-ikel u x-xorb magħhom. L-ispettaturi kienu joqogħdu jitkellmu bejniethom mimlijin eċċitament, u kienu jisktu biss biex jisimgħu l-aħħar kliem tal-ikkundannat eżatt qabel jinqatel. Normalment, jekk l-ikkundannat kien jgħid li sogħobbih, li xtaq li dnubietu jinħafru, u li kien qed joffri ruħu lill-Ħallieq, il-folla kienet tinfexx iċċapċap. Illum in-nies jaraw il-films tal-biża’ bħala divertiment minflok.
1971: Il-kumplott ta’ Maria Costa u Crispino Delia kontra Carmelo Costa
F’Mejju tal-1971, fl-Isla seħħ att ieħor ta’ tradiment li kien makabru daqs il-każ ta’ Spiteri – din id-darba ppjanat minn mara u l-maħbub tagħha. Maria Costa, ta’ 21 sena, kienet imdejqa fiż-żwieġ tagħha ma’ Carmelo Costa, li kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs. Waqt li kienet qed taħdem f’lukanda, hija ltaqgħet ma’ Crispino Delia u saru jinħabbu. Meta Carmelo Costa ħareġ mill-ħabs, sar jaf bir-relazzjoni bejn martu u Delia u pprova jifridhom. Iżda Maria u Crispino kienu diġà sabu soluzzjoni għall-problema tagħhom: kienu ddeċidew li joqtlu lil Carmelo.
Fil-lejl tal-5 ta’ Mejju, Maria marret inkiss inkiss biex tiftaħ il-bieb ta’ barra ħalli jidħol Crispino, waqt li Carmelo kien rieqed fid-dar tagħhom fi Triq il-Vitorja, l-Isla. Crispino qatel lil Carmelo billi tah diversi daqqiet fuq rasu b’martell. Il-maħbubin imbagħad ħelsu mill-katavru billi xeħtuh minn fuq irdum fl-inħawi ta’ Għar Ħasan. Wara d-delitt, Maria kriet taxi biex marret ix-Xgħajra, fejn tefgħet il-baħar xi xugamani kif ukoll l-arma li ntużat fid-delitt.
Is-suspetti waqgħu fuq Maria meta l-għada talbet lil ħabibtha taħslilha ħwejjeġ imċappsin bid-demm. Aktar tard Maria stqarret kollox. Il-katavru ta’ Carmelo nstab minn bugħaddas tar-Royal Navy. Huwa kien liebes jeans blu, qmis roża ċċangjata, u ġakketta tas-suede kannella. F’saqajh kellu l-kalzetti iżda kien bla żarbun.
Il-ġuri ta’ Maria Costa u Crispino Delia sar f’Novembru tal-1971 u kien l-ewwel ġuri kbir li sar f’Malta wara li ġiet abolita l-piena tal-mewt. L-Imħallef Joseph Flores ippresieda u Oliver Gulia kien l-avukat prosekutur. L-avukati difensuri, Joseph Brincat u Paul Mallia, bnew l-argument tagħhom fuq il-fatt li l-vittma, Carmelo Costa, kien bniedem psikopatiku magħruf għal imġiba vjolenti u kien ilu mdaħħal fil-kriminalità minn meta kellu 12-il sena. Minkejja din id-difiża, Maria u Crispino nstabu ħatja. Maria ntbagħtet il-ħabs għal għomorha filwaqt li s-sentenza ta’ Crispino kienet ta’ 18-il sena priġunerija.
Dawn iż-żewġ delitti twettqu minn adulti żgħażagħ li l-imġiba impulsiva tagħhom irrovinatilhom ħajjithom. Il-qtil kien soluzzjoni ta’ malajr b’konsegwenzi dejjiema.
It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:
- ‘Kissing the Gallows – A Cultural History of Crime, Torture and Punishment in Malta, 1600–1798’ by William Zammit, BDL Malta 2016.
- ‘Unravelling darkness: accounts of murders in Senglea’ by Fabio Mangion. Accessed November 2024: https://timesofmalta.com/article/unravelling-darkness-accounts-murders-senglea.1097886
