ANDREA DEBONO
Andrea Debono twieled l-Isla fis-7 ta’ Novembru 1821. Missieru Mikiel kien kaptan tal-flotta merkantili. Debono kellu biss oħt oħra, li kienet tewmija miegħu u kien kien jisimha Battistina. Fil-kulleġġ huwa studja l-kimika u l-mediċina. Il-familja tiegħu emigrat lejn l-Eġittu u ssetiljat f’Lixandra, fejn hu kien jaħdem fi sptar. Meta l-ġenituri tiegħu mietu, hu u oħtu ħallew Lixandra u marru jgħixu l-Kajr. Eventwalment, telaq minn hemm ukoll u mar jgħix, f’Khartoum, is-Sudan, fejn beda ħajja ġdida. Huwa żżewweġ lil Victoria, li kienet Etjopjana, u kellu tlett itfal, li minnhom salva wieħed biss. Huwa fetaħ mitħna tal-qamħ u kien involut fil-produzzjoni tal-materjal tal-bini. Fl-1851 huwa sar jismu Latif Effendi meta beda jaħdem għall-gvernatur Eġizzjan tas-Sudan. Andrea ġie nvolut fil-kummerċ tal-avorju u kien jimpjega madwar 400 persuna bejn portiera u barklori.
Beda jesplora n-Nil u kien l-ewwel Ewropew li esplora x-Xmara Sobat li hija tributarju tan-Nil Abjad. Huwa laħaq il-kurrenti veloċi ta’ Djiamoudj f’April tal-1853 u kiseb għarfien dwar il-Lag Albert u x-Xmara Semliki. Bejn l-1854 u l-1855, flimkien ma’ martu u ibnu, hu għamel vjaġġ ta’ 480 km fejn sab it-tarf tax-Xmara Sobat.
Bejn l-1855 u l-1856, Debono serva bħala Aġent Konsulent Brittanniku f’Khartoum. Huwa kompla bl-esplorazzjonijiet tiegħu u kiteb ukoll ktieb dwar il-vjaġġi tiegħu. Sfortuntament, il-ġrajja tiegħu ma tispiċċax wisq tajjeb. Huwa ġie akkużat flimkien man-neputi tiegħu li kienu nvoluti fin-negozju tal-iskjavi. Wara xi żmien, dawn l-akkużi twaqqgħu iżda r-reputazzjoni t’Andrea kienet laħqet tħassret ferm. Wara l-mewt ta’ neputih, u b’saħħtu qiegħda tmil, huwa biegħ il-proprjetà li kellu s-Sudan u rritorna lejn il-Kajr. Huwa miet fl-età ta’ 49 sena fid-29 t’Ottubru 1871.
https://en.wikipedia.org/wiki/Andrea_Debono#cite_note-kunsill-1
https://web.archive.org/web/20200216070552/http://www.islalocalcouncil.com/promseng.htm
