CHARLES CLEWS
Charles Clews twieled f’ Settembru 1919, it-tifel ta’ William George Clews u Mary Scerri. Huwa tilef lil missieru ta’ eta’ żgħira. Din affetwatlu ħajtu, iżda fl-istess ħin skattat fih il-kreattivita’ artistika tiegħu.
Fl-1939 iltaqa’ ma’ Anne Pavia u żżewġu fl-1943, sena wara l-attakki tal- Luftwaffe Ġermaniża fuq Malta. F’ intervista ma’ Charles, huwa jirrakkonta kif f’ jum it-tieġ, irnexxilhom iġibu kaxxa birra, xi ħaġa li fi żmien il-gwerra kienet lussu. Charles u Anne kellhom tmien ulied. It-tfal jgħidu li missierhom kien ta’ dixxiplina kbira, filwaqt li ommhom kienet aktar fuq ruħha.
Għalkemm Charles kien bla missier, irnexxielu jieħu edukazzjoni tajba fil-liċeo u eventwalment, l-apprendistat fit-tarzna. Il-karriera artistika bdieha f’ post u żmien mhux mistennija, fit-tarzna u waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Flimkien mal-artist u l-ħabib tiegħu, Johnny Catania, huwa beda jferraħ lill-ħaddiema tat-tarzna. Il-gwerra kienet ġabet ħerba fuq il-gżejjer Maltin u n-naħat tal-port il-kbir kienu għaddejjin minn bombardamenti kontinwi. Biċ-ċajt u l-praspar umoristiċi tagħhom, kienu qegħdin iżommu l-moral għoli, kemm tas-suldati kif ukoll tal-ħaddiema. Dan għen lil Charles ikompli jsegwi l-karriera umoristika u teatrali tiegħu.
Fl-1945, huma għaqdu l-kumpanija teatrali tagħhom, Stage Commandos. Atturi oħra ngħaqdu magħhom u eventwalment l-iStage Commandos bdiet tagħmel il-wirjiet fit-teatri. Tajjeb wieħed josserva li Charles kien jesieġi l-aqwa u l-aħjar kemm mill-atturi u anki minnu stess. L-etika tiegħu fix-xogħol kienet impekkabli.
Huwa kiteb skripts u makkjetti (kitbiet komiċi/kanzunetti popolari fl-Italja tas-seklu 19) u kien jassigura li l-kumpanija tkun magħquda. Fil-fatt kien irid li wara kull wirja, l-atturi jiltaqgħu għal xarba jew ikla.
Clews kien innovattiv bis-sitcoms tar-radju u x-shows televiżivi. Dawn kienu relattivament ġodda għall-Maltin. Fis-sittinijiet huwa kien pijunier fuq shows televiżivi li ġew trasmessi l-Awstralja, fejn komunita kbira ta’ Maltin kienu jsegwu l-programmi tiegħu. Flimkien mal-bravissimu Johnny Navarro, huma esegwixxew sketches kemm għat-televiżjoni u r-Rediffusion. Huma żaru l-Awstralja darbtejn, fl-1962 u fl-1983. Clews iltaqa’ u ħadem ma’ Rolf Harris, attur internazzjonali Awstraljan. L-attur Malti mpresjona bil-kbir lill-istilla nternazzjonali. Johnny Catania, ħabib kbir ta’ Clews, emigra lejn l-Awstralja, bħal ħafna Maltin oħra, fejn għex il-kumplament ta’ ħajtu. Il-mewt ta’ Catania ħalliet impatt kbir fuq Charles Clews.
Clews ħadem mal-aqwa artisti Maltin ta’ dak ż-żmien, fosthom, Johnny Navarro, Johnny Catania, Vitorin Galea, Terry L. Bencini, Josette Ciappara, Gemma Portelli and Nosi Ghirlando. Dan tal-aħħar kien talab lil Clews biex jingħaqad mal-famużi Radju Muskettieri u biex joħloq karattru femminili għax-show. Il-karattru kien Karmena Abdilla. Din kienet important għad-drama Maltija, fejn ħolqot ġenerazzjoni ġdida ta’ artisti li komplew isegwu dawn il-passi fis-snin disgħin u anki fl-elfejn. Sakemm in-nisa ma kienux permessi fuq l-istage, ir-rwol ta’ Karmena Abdilla kien jagħmilha Nosi Ghirlando. Eventwalment dan l-irwol għadda f’ idejn il-bravissima Vitorin Galea, fejn irnexxila tiddomina l-immaġinazzjoni tal-Maltin u tagħti l-ħajja lill-karattru li ħoloq Clews.
Televiżjoni u shows tar-radju, karrijiet tal-karnival, ġurnaliżmu, kantant u scriptwriter, Charles Clews jappartjeni għall-ġenerazzjoni ta’ artisti kbar li għexu waqt żminijiet diffiċli u li użaw it-talent artistiku tagħhom biex jgħollu l-moral tal-poplu. Clews kien pijunier fid-drama Maltija u x-xandir, attur u kummidjant eċċellenti, missier u raġel rispettat u maħbub li qatt ma nesa’ l-oriġini tiegħu. Imma fuq kollox huwa kien eroj Malti veru.
Sorsi
Times of Malta
Charles Clews, the man who made us smile
September 2019/Fabian Mangion
https://timesofmalta.com/articles/view/charles-clews-the-man-who-made-us-smile.737063
27/04/2022
Bijografiji Charles Clew
https://www.youtube.com/watch?v=igzBOByLWFo&t=2359s
25/04/2022
