GEROLAMO CASSAR
Ġerolamo Cassar twieled il-Birgu (jew il-Gudja), bejn wieħed u ieħor fl-1520. Huwa kien arkitett u inġinier militari, u kien il-perit militari uffiċjali tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann.
Madwar l-1560, Ġerolamo iżżewweġ lil Mattea u kellhom ħamest itfal, Vittorio li sar ukoll inġinier militari, Gabrielle, Mariette, Battistina u Caterinella. Huwa kellu wkoll iben ieħor minn relazzjoni barra ż-żwieġ li kien iġib l-isem ta’ Gio Domenico.
Cassar beda bħala kapumastru, jiġifieri bħala wieħed li jaf jaħdem sewwa s-sengħa tal-ġebla. Fi żmien is-sittax-il seklu, din is-sengħa kont takkwistaha bl-esperjenza meta tkun qed taħdem bħala scalpellino, jiġifieri bennej. Huwa kien student ta’ Evangelista Menga li kien inġinier militari. Matul l-Assedju l-Kbir tal-1565, Cassar uża l-abbiltajiet tiegħu biex jirrestawra l-ħsara fil-fortifikazzjonijiet. Wara l-Assedju, huwa ġie promoss bħala assistent għall-arkitett Francesco Laparelli u eventwalment ħa f’idejh il-bini tal-Belt Valletta.
Ġerolamo Cassar kien essenzjali fil-kostruzzjoni ta’ wħud mill-aktar binjiet importanti fil-belt kapitali ġdida ta’ Malta. Biex insemmu wħud, kien hemm – il-Palazz tal-Granmastru, il-Berġi, is-Sagra Infermerija, il-fortifikazzjonijiet u bosta knejjes fil-Belt Valletta. Madankollu, l-aktar li hu magħruf hu għall-bini tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Battista. Dan il-kon-katidral huwa ġojjell barokk u għandu korsija partikolari bl-arkati li tifforma l-parti ċentrali tal-knisja. Il-korsija ċentrali tal-kon-katidral ġejja kemmxejn għall-ponta u mhiex għat-tond kif kienu jkunu dak iż-żmien. Probabbilment, Cassar bnieha b’dan il-mod biex jassigura illi n-navati tal-ġnub isaħħu l-korsija ċentrali. L-arkata ppuntata hija diffiċli biex tidher minħabba li fis-seklu sbatax il-kon-katidral ġie dekorat bil-bosta minn Mattia Preti. Infatti, Preti għamilha tidher li tiġi għat-tond iktar milli tassew hi. Il-faċċata tal-knisja ġiet maħduma bi stil sever.
Ġerolamo Cassar miet bejn wieħed u ieħor fl-1592. Huwa ħalla legat li llum jifforma parti sinifikanti mill-kultura Maltija u huwa rappreżentattiv ħafna tal-arkitettura militari tas-sittax-il seklu.
Sorsi
https://en.wikipedia.org/wiki/Girolamo_Cassar
https://www.britannica.com/place/Valletta#ref161579
20/01/22
