LOUIS SHICKLUNA
Louis Scicluna twieled f’Ġunju tal-1808 lil Joseph, ħaddiem tat-tarzna u Therese, it-tnejn mill-Isla. Minn età żgħira, Louis wera li ma kellux wisq interess fl-iskola u kien aktar mitfugħ fuq il-bini tad-dgħajjes. Huwa ħalla Malta ta’ età żgħira u emigra lejn l-Istati Uniti qabel mexa lejn it-tramuntana u ssetilja ġewwa l-Kanada.
Fil-Kanada bidel kunjomu għal Shickluna biex jinstema’ aktar Ingliż. Huwa qatta’ ħin twil josserva l-biċċiet tal-baħar li kienu jaħdmu fir-reġjun, u wara xi żmien, fetaħ tarzna ġewwa St Catherine, f’Welland. Mill-1836, Louis beda karriera ta’ suċċess, grazzi għall-fatt li beda jinbena kanal, li permezz tiegħu l-bastimenti setgħu jaqbżu n-Niagara Falls fit-triq tagħhom lejn il-Great Lakes. In-negozju ta’ Shickluna kiber u minn 2000 ħaddiem li kienu jgħixu f’St Catherine, 300 kienu jaħdmu fit-tarzna tiegħu. Akkost li kellu l-kompetizzjoni ta’ żewġ tarzni oħra fil-qrib, huwa xorta waħda rnexxielu jiġbed diversi ordnijiet. Louis kellu qalbu kbira u kien jagħmel kontribuzzjonijiet kbar fil-komunità ta’ St Catherine. Infatti, hu kien meqjus bħala benefattur kbir. Saħansita kien jipprovdi x-xogħol lil skjavi maħruba mill-Amerika. Il-prodotti tiegħu kienu ta’ kwalità superjuri, iservu aktar, u kien hemm dejjem domanda għalihom.
Min-naħa l-oħra, il-ħajja privata tiegħu ma kienetx daqstant sabiħa għax huwa tilef żewġ nisa u reġa’ żżewweġ għat-tielet darba fl-1858 lil Mary Ann Dunn. Huwa rritorna lura Malta darbtejn, u fiż-żewġ okkażjonijiet, ġie milqugħ tajjeb ħafna. Huwa miet fl-età ta’ 71 sena fl-1881. Shickluna għadu mfakkar fit-triqat u s-siti msemmija għalih. Hu wkoll ikkunsidrat bħala personaġġ importanti fl-istorja marittima tal-Kanada.
https://web.archive.org/web/20200216070552/http://www.islalocalcouncil.com/promseng.htm
