SUOR MARIA DE DOMENICIS
Maria De Domenicis twieldet il-Birgu fl-1645 ġewwa familja artistika. Il-familja De Domenicis ġiet Malta minn Napli. Missierha kien jaħdem bħala arġentier u pproduċa oġġetti prezzjużi għall-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Maria De Domenicis kienet soru terzjarja, jiġifieri soru li tista’ tgħix barra l-kunvent. Kienet studenta ta’ Mattia Preti u hu kien tassew sodisfatt bit-talenti artistiċi tagħha. Ħutha Raimondo u Francesco kienu wkoll assistenti ta’ Mattia Preti u f’xogħolhom wieħed jista’ jara l-influwenzi tiegħu. Hija għenet lil Mattia Preti biex ipitter is-saqaf famuż tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
Flimkien ma’ ħuha Francesco, Maria siefret len l-Italja fejn ħadmet bħala artista indipendenti. Bħala pittriċi, Maria kienet superjuri għal ħuha Francesco, filwaqt li ħuha Raimondo kien tal-istess kalibru tagħha.
Iben Raimondo, Bernardo De Domenicis, kien il-bijografu prinċipali ta’ Mattia Preti. Fil-ktieb tiegħu ‘Lives of the Neapolitan Artists’, fejn hu msemmi Mattia Preti, Bernardo jsemmi wkoll lil oħtu Maria De Domenicis.
Maria kienet ukoll skultriċi imma sfortunatament, ma fadal l-ebda skultura tagħha, ħlief l-istatwa proċessjonali tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla. Madankollu, l-istatwa ta’ Bormla ġiet restawrata ferm.
Hemm sitt pitturi attribwiti lilha. Il-pitturi huma kollha reliġjużi u juru stil differenti meta kkomparati ma’ dawk ta’ ħuha Raimondo u tal-Mastru tagħha Mattia Preti. Maria De Domenicis kienet tuża l-istess skema ta’ kuluri li hija tipika tal-pittura Barokka bħal ta’ Mattia Preti, kif ukoll il-kompożizzjonijiet tiegħu. Iżda l-pinzellati tagħha huma aktar angolati u t-tiwi fid-drapp huwa aktar riġidu. Hija rnexxielha toħloq stil li permezz tiegħu hu possibli tidentifika xogħolha. Probabbilment storiċi tal-arti għad iridu jiskopru ħafna aktar xogħolijiet tagħha iżjed il-quddiem.
Maria De Domenicis mietet fl-1703 f’Ruma fejn kienet marret tgħix fl-1682. Xi sorsi jgħidu li kienet iltaqgħet ma’ Lorenzo Bernini. Hi kienet l-ewwel mara Maltija li rnexxielha ssir artista rinomata.
