Responsive Menu
Add more content here...
Skip to main content

IL-MONASTERU TA’ SANTA SKOLASTIKA: DEVOZZJONI U DIMONJI

Il-Knisja u il-Monasteru Ta’ Santa Skolastika

Għall-kenn fil-qalba tal-belt storika tal-Birgu, il-Monasteru ta’ Santa Skolastika għandu passat eċċitanti. L-ewwel użu tal-binja kien bħala sptar tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530. F’dan l-isptar kienu jiġu kkurati l-feruti matul l-Assedju l-Kbir tal-1565. Aktar tard, fil-binja bdew jgħixu s-sorijiet. Ħajjithom kienet waħda ta’ dixxiplina u talb, iżda l-istorja tagħhom tinkludi wkoll skandlu sorprendenti li xxokkja lil kulħadd!

Il-ġrajja tal-monasteru tibda bejn l-1492 u l-1496, meta ġemgħa sorijiet Benedittini niżlu mill-Imdina biex iwaqqfu komunità ġdida fil-Birgu. Fl-1572 kellhom imorru lura l-Imdina għal raġunijiet ta’ sigurtà, iżda rritornaw il-Birgu fl-1604 u bdew jgħixu fil-Palazz Maġistrali, li qabel kien ir-residenza tal-Gran Mastri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-palazz kien żgħir u skomdu wisq għalihom, u spiss kienu jitolbu biex jingħataw post aħjar. Fl-aħħar, fl-1643, ġarrew għall-isptar l-antik, li sar id-dar permanenti tagħhom. Matul is-sekli, il-monasteru kompla jikber, bil-bini ta’ kmamar ġodda u wkoll bir li tħaffer fl-1717.

Is-sorijiet ta’ Santa Skolastika kienu jgħixu skont ir-regolamenti stretti ta’ San Benedettu. Kienu jwiegħdu li jibqgħu xebbiet, li jkollhom ftit li xejn oġġetti personali tagħhom, li jobdu l-ordnijiet, u li jibqgħu jgħixu fil-monasteru għall-bqija ta’ għomorhom. Il-ġranet tagħhom kienu jimlewhom bit-talb, qari ta’ kitbiet reliġjużi, u ħinijiet twal fis-skiet. Kienu jieklu ikel sempliċi bħal soppa tal-ħaxix, ġobon u bajd u kienu jixorbu ftit inbid f’okkażjonijiet speċjali biss. Nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa kienu jsumu. Ma kienx permess li jiċċajtaw jew iqasqsu fuq ħaddieħor, u kienu jkantaw biss nhar ta’ Ħadd u f’festi speċjali.

Is-sorijiet kienu mħarrġin ukoll bħala infermieri, aktarx minħabba l-istorja tal-binja bħala sptar. Fil-monasteru kellhom sptar żgħir fejn kienu jieħdu ħsieb xulxin meta jimirdu. Jidher li ħadd ma kien marid meta l-Isqof Cagliares żar il-post fl-1615, għax is-sodod kienu vojti.

Fil-bidu tas-seklu 17, il-Madre Badessa tal-monasteru kien jisimha Imperia Aquilina. Hija kienet responsabbli għal 28 soru, seba’ novizzi (tfajliet li qed jitħarrġu biex isiru sorijiet), u żewġ qaddejja li ma kinux sorijiet. Kienet tara li s-sorijiet jobdu r-regolamenti iżda kienet tieħu ħsieb ukoll li jkunu kuntenti u f’saħħithom, anke jekk il-kumditajiet tagħhom kienu tassew ftit. Fl-1679, parti mill-monasteru nbniet mill-ġdid u l-knisja, li kienet imfassla minn Lorenzo Gafà u ffinanzjata minn mara nobbli magħrufa bħala Donna Aloisietta Dorel Pecos, tlestiet fl-1787.

Minkejja l-ħajja kwieta li kienu jgħixu, is-sorijiet ma kinux neqsin minn waqtiet drammatiċi. Fl-1765, fil-monasteru seħħ skandlu li kien jinvolvi lil Suor Leonora Muscat. Flimkien ma’ sorijiet oħra, hija ġiet mixlija bi mġiba ‘pagana’ u xokkanti. Skont Suor Rosalta Mifsud, Suor Leonora kienet iltaqgħet max-Xitan, li deher bħala raġel u kellu relazzjoni intima magħha. Is-sorijiet qalu li Suor Leonora saħansitra kellha karti speċjali li huma kienu jemmnu li waslu għandha bl-għajnuna tax-Xitan jew ingħatawlha bħala rigal.

Dawn l-akkużi ttieħdu bis-serjetà u Suor Leonora kellha tgħaddi minn eżami fiżiku imbarazzanti biex jiġi stabbilit jekk kinitx għamlet abort. Ma nafux x’ġara wara, iżda dan l-episodju baqa’ jissemma fl-istorja tal-monasteru.

Is-sorijiet baqgħu għaddejjin bir-rutina tagħhom. Kienu jorqdu mlibbsin u f’dormitorju wieħed, fejn kull waħda kellha l-ispazju żgħir tagħha. Lampa kienet titħalla mixgħula l-lejl kollu f’nofs il-kamra biex ikunu jistgħu jibdew jitolbu ma’ tlugħ ix-xemx. Kienu jaqraw kotba spiritwali u jitgħallmu affarijiet ġodda taħt il-gwida ta’ għalliema speċjali magħrufa bħala Maġistra.

Fi żmien il-ħakma Franċiża u t-Tieni Gwerra Dinjija, is-sorijiet kellhom jitilqu jfittxu l-kenn tal-komunità Benedittina fl-Imdina. Iżda dejjem marru lura lejn Santa Skolastika u wrew impenn lejn il-wegħdi u t-twemmin tagħhom. Illum hemm biss ftit sorijiet jgħixu fil-kunvent ta’ Santa Skolastika, li huwa binja ppreservata tajjeb ħafna fejn il-viżitaturi jħossuhom ħaġa waħda mal-paċi u l-istorja tal-post.

It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi: