IL-BARKLOR U L-PAPPAĠALL TIEGĦU
BERTU U OSCAR
Bertu ġej minn razza ta’ nies tal-baħar u ssibu jħuf max-xtut tal-Kottonera. Kultant iġorr il-merkanzija minn fuq bastimenti merkantili, iwassal lin-nies, jew jagħmel xogħol ta’ tiswija u xogħlijiet oħra fuq dgħajsa. Għalkemm qatta’ ħajtu kollha fuq il-baħar, qatt ma mar lil hinn mid-dell tal-Forti Sant’Anġlu.
Ma jistax jingħad l-istess għal Oscar, il-pappagall leali tiegħu, li huwa salva minn fuq bastiment tal-merkanzija li għereq fil-port. Oscar dar is-seba’ ibħra bosta drabi u kellu tant avventuri inkredibbli li jirrakkontahom bi kburija u b’ħila kbira. Bertu ma jħobb xejn aktar milli joqgħod jisma’ dawn ir-rakkonti tal-għaġeb waqt li jixrob pinta nbid.
