Responsive Menu
Add more content here...
Skip to main content

IS-SINJURA IL-GRIŻA TA' CASTRUM MARIS

X’hemm iħuf qalb il-ħitan maestużi tal-Forti Sant’Anġlu – jew Castrum Maris, kif kien magħruf fil-Medjuevu?

Kreditu għar-riċerka tal-kontenut: “Ta’Barra Min Hawn” minn Vanessa MacDonald

Ħafna qabel ma waslu Malta l-Kavallieri, dawn il-gżejjer kienu parti mill-kuruna Spanjola ta’ Aragona. F’Lulju tal-1469, in-nobbli Aragoniż di Nava ħa f’idejh it-tmexxija tal-Forti Sant’Anġlu u sar magħruf bħala l-Castellano del Castello di Malta. Huwa wiret dan it-titlu minn membru tal-familja li kellu l-istess rwol qablu.

Dak iż-żmien, il-kastell ftit li xejn kien jixbah il-forti imponenti li bnew il-Kavallieri u li għadu jiddomina l-inħawi sal-lum. Kien binja wisq iżgħar, fil-quċċata tal-promontorju.

Di Nava żżewweġ waħda mit-tfajliet nobbli ta’ Malta, iżda ma damx ma sab maħbuba ġdida. Din insistiet li tkun trattata daqslikieku kienet martu, b’konsegwenzi traġiċi.

Fix-xnigħat jissemmew kmamar issiġillati taħt l-art, fejn jingħad li nstabu tliet katavri – ta’ żewġ irġiel u mara – meta l-awtoritajiet kienu qed jirrestawraw dawn il-kmamar, iżda fid-dokumenti uffiċjali ma jissemma xejn minn dan.

Xi sorsi jgħidu li l-attenzjoni tal-maħbuba ma baqgħetx mixtieqa. Dan jimplika li di Nava xeba’ minnha, jew li bdiet issirlu pressjoni minn martu. Di Nava ma felaħx jgħix aktar f’din il-qagħda u beda jibża’ wkoll li l-iskandlu joħroġ fil-pubbliku. Għalhekk ordna lill-għassiesa tiegħu biex jeħilsu mill-maħbuba.

L-għassiesa qatluha u ssiġillaw il-katavru fil-kmamar ta’ taħt il-kastell. Di Nava rrabja mhux ftit, għax xewqtu kienet biss li jibagħtuha ’l bogħod. Tant inkorla li ordna l-qtil tal-għassiesa.

U hekk bdew l-istejjer dwar fatat ħiereġ mid-dellijiet – figura misterjuża marbuta għal dejjem mal-forti, tiġġerra mal-kurituri tiegħu f’nofs ġrajja ta’ mħabba u tradiment. Għall-ewwel, fl-istejjer il-maħbuba kienet deskritta bħala vulgari u aggressiva, iżda tfal li rawha b’għajnejhom dejjem irreferew għaliha bħala ‘il-mara l-ħelwa’. Fuq l-inizjattiva ta’ mara Maltija miżżewġa kaptan Ingliż, xi qassisin wettqu eżorċiżmu fil-forti u l-fatat ma baqax jidher.

Leġġendi bħal din spiss iċajpru l-linja bejn ir-realtà u l-immaġinazzjoni. Madankollu jibqa’ l-fatt li l-Forti Sant’Anġlu għadu mdawwar b’misteru intriganti li kompla jagħmlu l-ikona li hu llum. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Forti Sant’Anġlu kien importanti ħafna għall-militar Ingliż. Bosta nħawi tal-forti taw kenn lil suldati li kienu midruba jew qed ibatu minn kundizzjonijiet mhux serji ħafna, bħal pulmonite jew appendiċite. Dawk li kienu f’qagħda aktar gravi kienu jintbagħtu fl-Isptar Navali Rjali ta’ Bighi, li jinsab fil-qrib.

Jum fost l-oħrajn, grupp ta’ rġiel irrapportaw li f’daqqa waħda, bla spjegazzjoni ta’ xejn, fil-kwartieri tagħhom waqgħet kesħa kbira u fatat ta’ mara deher għaddej minn nofshom. Il-mara għamlitilhom sinjal biex isegwuha ’l barra mill-kamra u malli ħarġu warajha, bomba Ġermaniża farrket il-kamra li kienu fiha ftit mumenti qabel. Il-mara mbagħad għebet, iżda s-suldati baqgħu jirrakkontaw il-ġrajja straordinarja ta’ kif is-Sinjura l-Griża tal-Forti Sant’Anġlu salvathom minn ħalq il-mewt.

“Lejl minnhom fl-1968 kont xogħol bħala Leading Hand meta ħaddiem ieħor qal li ra s-Sinjura l-Griża f’tarf soddtu, fin-naħa ta’ fuq tal-forti. Minn dakinhar ’il quddiem, kull meta kien imissu xogħol kien jorqod fin-naħa t’isfel tal-forti. B’xejn ma ried jerġa’ jorqod fin-naħa ta’ fuq. Imma l-biża’ li kellu mis-Sinjura l-Griża ma kinitx iżżommu milli jmur jixrob fil-Junior Rates Bar!”

Niżżel verżjoni PDF ta’ din l-istorja