IL-ĦAJJA TA’ SAJJIED
To Share
IL-ĦAJJA TA’ SAJJIED
Il-ħajja tas-sajjieda Maltin mimlija xogħol iebes u dedikazzjoni. Il-ġurnata tibda kmieni ħafna, xi drabi anke fis-1:00am, meta s-sajjieda joħorġu fuq il-baħar bid-dgħajjes tradizzjonali tagħhom, bħal-luzzu, u b’qasab twal biex jaqbdu ħut bħall-paġell, l-awrat u l-ispnott, li huma mfittxija fir-ristoranti lokali. Oħrajn jibdew f’xi l-5:00am u jistadu bil-parit biex jaqbdu tipi differenti ta’ ħut.
Ix-xogħol hu iebes u ma jispiċċa qatt. Is-sajjieda jridu jilbsu lbies protettiv, jużaw il-winċijiet biex iqandlu xbieki tqal immarkati bis-sufruni, u jaħżnu fil-bramel il-ħut li jaqbdu. Minbarra li jaqbdu l-ħut, is-sajjieda jieħdu ħsieb id-dgħajjes u t-tagħmir tas-sajd – biċċa xogħol li tieħu l-ħin u tiswa l-flus. Ix-xbieki jitqattgħu faċilment mal-blat ta’ qiegħ il-baħar Malti u dan iżid l-isfidi għas-sajjieda lokali.
Is-sajd hu tradizzjoni li tintiret fil-familji. F’din is-sengħa huwa importanti li tkun taf kif issewwi l-ħsarat li jinqalgħu fuq id-dgħajsa. L-aktar ħut li jinqabad hu t-tonn, il-pixxispad u l-lampuki. Is-sajjieda ħafna drabi jaħdmu f’timijiet ta’ bejn ħamsa u tnax-il ruħ, aktarx membri tal-istess familja. It-tmexxija tkun f’idejn il-padrun, jew kaptan, li jkun sid id-dgħajsa u jieħu sehem akbar mill-oħrajn mill-qabda tal-ħut. Minkejja li jaħdmu ħafna, is-sajjieda xorta waħda jkollhom bżonn li x-xorti tidħkilhom, għax ma għandhom l-ebda garanzija li dejjem se jaqbdu ħafna ħut.
Is-sajd hu marbut man-natura, u fatturi bħall-ħin tal-ġurnata, it-temp, il-qamar, u l-frugħ u l-mili tal-baħar għandhom effett fuq is-suċċess tiegħu. Sajjieda bħal Joseph Callus mill-Birgu u Emanuel Mallia mill-Kalkara jgħidulek li dan ix-xogħol ma jippermettix waqfiet għall-mistrieħ, lanqas meta jkun maltemp. Meta ma jkunux jistgħu joħorġu fuq il-baħar, is-sajjieda joqogħdu jsewwu t-tagħmir waqt li jżommu għajnejhom fuq il-bidliet fit-temp.
Tlugħ u nżul ix-xemx huma l-aqwa ħinijiet għas-sajd, speċjalment meta l-qamar ikun ġdid u s-sema jkun mudlam. Is-sistema tal-lampara, fejn jintuża dawl artifiċjali biex jattira l-ħut, hija l-aħjar waħda meta jkun dlam ċappa. Madankollu, għal ċertu tip ta’ sajd bħal dak għall-klamari, id-dawl ta’ qamar kwinta jista’ jkun ta’ għajnuna.
Ix-xogħol kien jirrikjedi saħħa fiżika kbira, bis-sajjieda jtellgħu xbieki tqal b’idejhom stess. Illum, l-għodda moderna u t-teknoloġija li tippermettilek tkun taf fejn hemm il-ħut għamlu s-sajd aktar faċli u l-qabda akbar minn qabel. Iżda t-teknoloġija tfisser ukoll li l-ħut qed jinqabad b’rata mgħaġġla wisq biex jiġi sostitwit, u li metodi qodma tas-sajd, magħrufa bħala sinjali tal-art, qed jgħibu. Din il-ħila tradizzjonali, li fl-imgħoddi tant kienet importanti, issa qed tisfuma fix-xejn għax is-sajjieda żgħażagħ jippreferu t-teknoloġija mill-metodi l-antiki.
Is-sajd f’Malta qed isir aktar diffiċli, b’regolamenti ġodda tal-Unjoni Ewropea u kwistjonijiet ambjentali jagħmluh inqas attraenti f’għajnejn iż-żgħażagħ. Kien hemm ukoll tnaqqis kbir fl-għadd ta’ nisa involuti fis-sajd u s-sitwazzjoni llum hija differenti ħafna mill-imgħoddi, meta n-nisa kellhom sehem ewlieni biex jgħinu lill-familja permezz tas-sajd. Illum tista’ tgħid li n-nisa huma involuti biss fil-bejgħ tal-ħut, u għalhekk ir-rabta tagħhom mat-tradizzjoni tas-sajd hija minima.
Il-movimenti tal-frugħ u l-mili tal-baħar f’Malta huma żgħar, iżda xorta waħda għandhom rwol importanti biex iqanqlu qiegħ il-baħar u jwasslu ilma mimli ossiġnu li jattira l-ħut. Dan iċ-ċiklu naturali huwa utli partikolarment matul l-istaġun tal-lampara, minn Mejju sa Awwissu, meta s-sajjieda jkollhom l-aqwa ċans ta’ qabda tajba. Permezz ta’ dawn il-metodi tradizzjonali, is-sajjieda Maltin ikomplu jilqgħu l-isfidi tas-sengħa tagħhom, filwaqt li jadattaw ruħhom għall-forzi tan-natura.
Sajjieda Maltin imdaħħlin fiż-żmien jiftakru meta kienu jiddependu fuq l-istint tagħhom u fuq kemm kienu jafu dwar in-natura biex jibqgħu ħajjin fuq il-baħar. Dak iż-żmien, mingħajr mezzi moderni bħat-tbassir tat-temp u l-komunikazzjoni bir-radju VHF, kienu bosta dawk li mietu f’maltempati u inċidenti.
Sajjieda tal-esperjenza huma mħassba għax jekk iż-żgħażagħ ma jitħajrux għal karriera fis-sajd, l-industrija lokali taf ixxaqleb dejjem aktar lejn ħut imrobbi fl-irziezet. Dan it-tip ta’ ħut, bħall-awrat u l-ispnott, ma għandux togħma tajba daqs ħut li jgħix fis-selvaġġ u lanqas ma għandu l-istess valur nutrittiv, billi d-dieta tiegħu hija artifiċjali. Għalkemm il-ħut imrobbi fl-irziezet huwa orħos u aktar komuni fir-ristoranti, issib ristoranti ta’ ċerta klassi li għadhom joffru biss ħut frisk maqbud mis-selvaġġ fil-baħar Malti. Sfida oħra tal-industrija tas-sajd hi li l-ħaddiema tagħha qed jixjieħu, tant li l-parti l-kbira tas-sajjieda qabżu l-40 sena u inqas żgħażagħ qed jidħlu f’dan il-qasam.
IX-XBIEKI TAS-SAJD
Fil-bidu tas-seklu 20, meta pajjiżi oħra kienu diġà bdew jużaw metodi avvanzati bħat-tkarkir f’qiegħ il-baħar, Malta kienet għadha tiddependi fuq sistemi tas-sajd tradizzjonali. Is-sajd f’postijiet bħal bajjiet, qaliet u portijiet kien limitat u kienu meħtieġa liċenzji speċjali biex jintużaw ix-xbieki. Ir-riċerka ta’ Dott. Farrugia Randon tixħet dawl fuq il-varjetà kbira ta’ metodi tas-sajd li ntużaw matul is-snin mis-sajjieda Maltin, kemm dawk professjonali kif ukoll dilettanti. Dawn jinkludu tipi differenti ta’ qasab, xbieki u nases, fosthom il-parit, it-tartarun u oħrajn li kull wieħed minnhom hu maħsub għall-qbid ta’ ħut partikolari bħat-tumbrell, il-pagru, u l-gambli.
Kull għodda tas-sajd għandha l-istorja tagħha. Ngħidu aħna, it-tartarun kien jintuża l-aktar minn sajjieda mdaħħlin fiż-żmien li bih kienu jiċċirkondaw il-ġlejjeb tal-ħut. Parti mill-qabda kienet tingħata lill-qassis tar-raħal bħala tpattija talli s-sajjieda ħadmu nhar ta’ Ħadd.
Xi drawwiet marbutin mas-sajd, bħall-użu tal-imqass għall-frott tal-baħar u l-użu tal-gaffa għar-rizzi, saru inqas komuni minħabba bidliet ambjentali bħat-tniġġis. Dawn l-għodod u metodi, li dari kellhom rwol kruċjali fil-kultura tas-sajd ta’ Malta, illum iservu biex ifakkruna fl-istorja marittima għanja ta’ dawn il-gżejjer u juruna kif il-metodi lokali tas-sajd inbidlu maż-żmien skont it-tibdil fl-ambjent u fir-regolamenti,
IN-NASES
Nassa tal-Vopi
Din in-nassa tinħadem bil-qasab, xi drabi qasab speċjali importati mill-Afrika. Is-sajjieda jixħtu n-nases tal-vopi waranofsinhar u jħalluhom fl-ilma għal erba’ sigħat jew ħamsa. Normalment jitfgħu madwar 15-il nassa f’fond ta’ bejn 15 u 20 metru, daqs metru ’l fuq minn qiegħ il-baħar. Fin-nassa jdendlu lixka magħmula minn ħobż mgħaffeġ u fażola mfarrka. Il-vopi jidħlu fin-nassa minn fetħa żgħira fil-qiegħ biex jieklu l-lixka.
Nassa tal-Qarnit:
Din in-nassa tkun magħmula minn wajer tal-gallinari u tintuża biex jinqabad il-qarnit. Is-sajjieda jixħtu n-nases fl-ilma, imbagħad itellgħuhom bejn il-5 u s-7 pm. Jieħdu l-qarnit li jkun hemm, jerġgħu jqiegħdu lixka tal-kavalli, u jitfgħu n-nases lura fil-baħar. Jistgħu jinxteħtu sa 150 nassa ħdejn xulxin f’qiegħ il-baħar, f’fond ta’ bejn 10 u 20 metru.
In-Nassa tal-Arznell:
In-nassa tal-arżnell tkun magħmula mill-qasab u hija nassa speċjali li tintuża biss f’Għawdex biex jinqabad il-lizz. Dawn in-nases jinxteħtu waranofsinhar, għall-ħabta tat-tlieta, u jittellgħu xi erba’ jew ħames sigħat wara. In-numru massimu ta’ nases li jinxteħtu huwa erbgħa. Dawn jitqiegħdu madwar metru ’l fuq minn qiegħ il-baħar, f’fond ta’ bejn 15 u 20 metru. M’hemmx bżonn lixka għal dawn in-nases, għax il-ħut jidħol fihom minn rajh biex ibejjet.
(Għal tagħrif dettaljat dwar nases, xbieki, snanar u qasab, idħol hawn: https://vassallohistory.wordpress.com/fishing-in-malta/)
Id-Dgħajjes tas-Sajd – (Iċċekkja dgħajjes u bini tal-vapuri)
Kajjikk
Frejgatina
Speronara
Bastimenti tas-Sajd
Bejn is-snin 60 tas-seklu 19 u s-snin 20 tas-seklu 20, l-aktar dgħajjes użati mis-sajjieda Maltin kienu l-firilla, il-luzzu, u l-kajjikk. Il-frejgatina spiss kienet tintuża biex twassal lis-sajjieda mix-xatt sa dgħajjes kbar sorġuti ’l barra. Id-dgħajjes tas-sajd kienu jkunu tal-injam u mgħammra b’nases, xbieki u qasab. Is-sajjieda Maltin kienu jistadu f’nofs il-Mediterran u ma kinux jispeċjalizzaw f’xi qasam partikolari, għall-kuntrarju ta’ nħawi bħat-Tuneżija, Sqallija u l-Andalusija, li kienu magħrufa għal oqsma speċifiċi bħas-sajd għat-tonn u l-ipproċessar tal-inċova.
Fl-1895, il-familja ta’ negozjanti bil-kunjom Gollcher ippruvat tidħol fil-qasam tas-sajd f’baħar fond iżda din kienet xi ħaġa mhux tas-soltu. Ħafna mid-dgħajjes tas-sajd f’Malta kienu għadhom żgħar u tal-injam, u l-manutenzjoni tal-injam kienet tiswa l-flus. Fil-bidu tas-seklu 20, il-firilla saret l-aktar dgħajsa tas-sajd popolari f’Malta filwaqt li l-użu ta’ dgħajjes tradizzjonali oħra bħall-brigantin u l-ixprunara nqata’ bil-mod il-mod.
Fi żminijiet riċenti, id-dgħajjes tradizzjonali tal-injam ġew sostitwiti minn dgħajjes tas-sajd akbar, bħal-laneċ u t-trawlers magħmulin mill-fibreglass, li huma inqas addattati għall-baħar. Din il-bidla, flimkien ma’ numru iżgħar ta’ sajjieda u regolamenti aktar stretti, qed thedded il-ġejjieni tad-dgħajjes tas-sajd tradizzjonali Maltin. Minkejja t-titjib li sar, bħal metodi aħjar ta’ bejgħ u swieq ħielsa, jinħtieġ li jsir aktar biex ikunu mħarsa kemm dawn id-dgħajjes tradizzjonali kif ukoll l-għajxien tas-sajjieda.
It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:
‘Lands of Hunger’ – food scarcity and famine in Early Modern Malta by William Zammit. In Food as ‘Voice’ Proceedings of History Week 2017, The Malta Historical Society, edited by Noel Buttigieg and George Cassar.
‘Living on Fishing, Caught in the Market: The Maltese fishing communities, 1860s-1920’ by John Chircop, Journal of Maltese History Volume 2 Number 1, 2010.21.
‘Maltese Fishing Villages: the Fishers’ Changing Identities’ by Stephanie Cumbo, Master of Arts (Maltese Studies), 2023.
‘Fishing in Malta’ uploaded online by Vassallo Malta. Accessed in August 2024: https://vassallohistory.wordpress.com/fishing-in-malta/
