IL-ĦOBŻ U L-FURNARA
25
To Share
IL-ĦOBŻ U L-FURNARA
Matul l-istorja ta’ Malta, minn dejjem kienet biċċa wġigħ ta’ ras għall-mexxejja ta’ dawn il-gżejjer biex jaraw li jkun hawn biżżejjed qamħ għal kulħadd. Il-qamħ li kienu jkabbru l-bdiewa Maltin kien jitma’ biss lil madwar terz tal-popolazzjoni. Għalhekk kien jiġi importat ħafna qamħ minn Sqallija, iżda ma kienx hemm għalfejn jitħallsu taxxi fuqu. Staġun ħażin kien joħloq bosta problemi, bħal prezzijiet għoljin, ġuħ fost il-poplu, u saħansitra rewwixti.
Fi żmien il-Medjuevu, tħabbira pubblika magħrufa bħala ‘bandu’ kienet tistieden lin-nies – anke lin-nisa u s-sorijiet – jinvestu fin-negozju tal-qamħ. Il-Birgu kien wieħed minn tliet irħula li kellhom kunsill (dak iż-żmien kien jissejjaħ ‘Università’) jiggvernahom. Il-kunsill kellu sehem importanti fit-tmexxija ta’ dawn l-investimenti. Kien jagħti l-flus lis-sidien tal-bastimenti biex bihom jixtru l-qamħ minn Sqallija, li dak iż-żmien kienet parti mill-istess renju ta’ Malta, u jġibuh f’pajjiżna.
Aktar tard, il-Kavallieri ta’ San Ġwann ippruvaw iżommu l-prezzijiet stabbli. Saħansitra kienu jżommu l-qamħ fi mħażen fi Sqallija u Marsilja biex jiżguraw li l-provvista qatt ma tonqos. Tant kien importanti li dejjem ikun hawn biżżejjed qamħ, li bil-Malti għandna l-qawl “Malta qatt ma rruftat qamħ”.
Meta l-gvern Ingliż introduċa l-kummerċ ħieles, li permezz tiegħu kulħadd seta’ jimporta l-qamħ u jbigħu bil-prezz li jrid, dan ġab bidla fis-sistema tax-xiri u l-bejgħ tal-qamħ f’Malta. Minħabba f’hekk, il-prezzijiet tal-qamħ kienu jvarjaw spiss u n-nies bdew isibuha diffiċli biex jixtru x’jieklu. Il-poplu daħal jipprotesta fil-Belt Valletta fis-7 ta’ Ġunju 1919, u s-suldati Ingliżi sparaw fuq il-Maltin.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Sqallija ma setgħetx tibqa’ tgħin lil Malta fl-ikel għax kienet fuq in-naħa tal-għadu. Biex il-ftit provvisti li kien hawn iservu fit-tul kemm jista’ jkun, il-furnara kien ikollhom jużaw taħlita ta’ tipi differenti ta’ dqiq. Kwart mit-taħlita kien ikun dqiq tal-qamħ mill-Kanada, kwart ieħor dqiq tax-xgħir minn Malta, u nofs it-taħlita kien ikun dqiq tal-qamħirrun. Aktar ma l-gwerra kaxkret fit-tul, kien jintuża saħansitra dqiq magħmul mill-patata u minn kwalunkwe ħaġa oħra li setgħet tintaħan.
Fl-imgħoddi n-nies kienu jieklu ħafna ħobż, flimkien ma’ ikel bażiku ieħor bħal ġobon magħmul mill-ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, basal, żebbuġ, ħut immellaħ, żejt, bajd, minestra, u l-frott li jkun fi żmienu. It-tip ta’ ħobż li kont tiekol kien jikxef kemm ikollok flus. L-għonja kienu jieklu ħobż abjad magħmul minn dqiq tajjeb ħafna, filwaqt li l-foqra kienu jieklu l-ħobż tal-maħlut – ħobż aktar skur magħmul b’taħlita ta’ qamħ u xgħir. Fil-fatt, l-Inkwiżitur Fabio Chigi (1634-1639) jiddeskrivi lir-raħħala bħala nies li jieklu l-ħobż tax-xgħir. Għandna wkoll l-idjoma “x’ħobż jiekol dan?” li kienet tintuża biex wieħed jistaqsi jekk xi ħadd partikolari hux sinjur jew fqir. Dan ifisser li l-ħobż li persuna kienet tiekol kien jindika wkoll il-pożizzjoni tagħha fis-soċjetà.
Il-forn tal-Ordni fil-Belt Valletta
Ġewwa l-Forn tal-Ordni fil-Belt Valletta
Fl-1590, daqs terz (xi 10,000 ruħ) tal-popolazzjoni ta’ Malta kienet tgħix qrib il-port. Sas-snin ħamsin tas-seklu 18, in-numru kien kiber għal madwar 40 fil-mija tal-popolazzjoni. F’Ħal Qormi, magħruf ukoll bħala ‘Casal Forno’, kien hemm bosta furnara jagħmlu l-ħobż. Il-bejjiegħa tal-Belt Valletta kienu jixtru l-ħobż mingħandhom u mill-forn immexxi mill-Ordni ta’ San Ġwann, li biss biss kien jaħmi aktar minn 26,000 ħobża fix-xahar għas-Sacra Infermeria (l-isptar tal-Ordni). Wara l-Belt, Bormla kienet l-aktar belt awtosuffiċjenti qrib il-port. Nafu b’furnar jismu Leonardo Abate li biegħ ħobż frisk lil Gioanne Lopes, resident ġdid ta’ Bormla, fl-1603. Ir-‘rollo’ (inventarju) tal-1760 għal Bormla jsemmi erba’ għaġġiena u erba’ ħabbieża professjonali. Fl-1784 f’Bormla kien hemm ħamest ifran (imsejħa ‘fornari’), filwaqt li l-Isla kien hemm tnejn. Dan ifisser li kien hawn ftit postijiet mhux ħażin fejn kien isir il-ħobż biex jitma’ lil kulħadd.
Lura fl-1593, kien hemm mara jisimha Bartholomea de Milo li kienet taħmi l-ħobż fil-forn tagħha stess f’Bormla. Iżda din kienet rarità. Ħafna nies ma kienx ikollhom forn f’darhom, kif għandna llum. Minflok, kienu jmorru għand il-furnar u jużaw il-forn kbir tiegħu. Il-furnar kien jieħu ħsieb il-forn, filwaqt li n-nies kienu jieħdu l-ingredjenti tagħhom stess u jagħmlu l-ħobż flimkien. Huma u jaħdmu, kienu jpartu kelmtejn u dan kien jgħin biex il-komunità ssir aktar magħquda. Il-ħlas tal-furnar kien jikkonsisti f’xewk, li huwa kien juża biex iqabbad il-forn.
‘Casal Forno’ ġewwa Hal Qormi
L-għaġina tal-ħobż
Il-familji kienu jieħdu wkoll ikel ieħor għand il-furnar, bħal torti jew ħaxix, biex jissajjar fil-fran imqabbdin bl-injam sakemm ikunu l-knisja. Kulħadd kien jimmarka d-dixx tiegħu b’labra tal-metall biex ħadd ma jieħu dixx li mhux tiegħu. Din id-drawwa għadek issibha sal-lum f’xi nħawi.
Bil-Malti nużaw il-kelma ‘forn’ kemm għall-post minn fejn il-furnar ibiegħ il-ħobż u kemm għall-post fejn il-furnar idaħħal il-ħobż nej biex jinħema. Dan tal-aħħar ikun forma ta’ nofs koppla kbira magħmula mill-ġebla tal-franka, b’bieb tqil tal-metall. Fl-imgħoddi, il-fran kien ikollhom ukoll kamra fejn kien jintaħan il-qamħ biex isir id-dqiq.
Il-ħobż jibda jinħema tard filgħaxija, għall-ħabta tad-9:00, u l-proċess jibqa’ għaddej sa kmieni filgħodu, f’xi l-5:00. Biex il-forn jisħon sew, jitqabbad in-nar fi kmajra tal-ġebel ħdejh li tissejjaħ ‘gali’. Il-forn itella’ temperatura ta’ 275 grad Celsius!
F’Bormla kien hemm żewġ imtieħen tar-riħ: waħda fi Triq San Ġwann t’Għuxa magħrufa bħala tal-Maħruq u l-oħra fi Triq il-Mitħna, li tinsab fin-naħa tal-Grigal ta’ Bormla, sewwasew fuq is-Swar ta’ Santa Margerita (din tikkonsisti minn żewġ imtieħen ħdejn xulxin). Dawn iż-żewġ imtieħen inbnew flimkien ma’ sitta oħra mill-Fondazzjoni Cotoner fl-1674. Il-Gran Mastru Nikola Cotoner u ħuh waqqfu din il-fondazzjoni biex permezz tad-dħul mill-kirjiet tagħhom jitħallsu s-salarji tas-suldati tal-Forti Ricasoli.
It-taħħan kien iżomm l-għodda u l-annimali fil-kmamar t’isfel, filwaqt li hu u l-familja tiegħu kienu jgħixu fl-ewwel sular. Fis-seklu 19, l-imtieħen ta’ Santa Margerita bdew jintużaw biex jitħnu l-qamħ. Qabel dan, minħabba li kienu qrib ħafna tal-imħażen tal-porvli, x’aktarx li kienu jintużaw għad-dħin tal-faħam tal-kannol.
Id-dokumenti juru li fl-1795, l-imtieħen tar-riħ ta’ Santa Margherita kienu mikrija lil Matteo Fenech u lin-neputi tiegħu. Meta dawn il-gżejjer għaddew f’idejn l-Imperu Brittaniku, dawn l-imtieħen, ġew mikrija lil Ġiuseppe Falzon u aktar tard lil ċertu Bonavia min-Naxxar, għal perjodu ta’ 100 sena.
L-imtieħen ta’ Santa Margerita baqgħu jintużaw għad-dħin tal-qamħ sal-1916. Ftit anqas minn mitt sena wara, fl-2010, il-makkinarju tagħhom tneħħa u ttieħed fil-Mitħna Xarolla fiż-Żurrieq. L-ispiża għall-bini tal-mitħna ta’ San Ġwann t’Għuxa, li kienet tintuża għall-produzzjoni tal-porvli, kienet ta’ 1,200 skud u kienet tinkera għal 300 skud fis-sena. Fl-1809, sajjetta laqtitha u ġarrbet xi ħsarat. Wara li saru t-tiswijiet meħtieġa, bdiet topera mill-ġdid fl-1832 u waqfet topera fl-1879.
Giacomo Bosio u Francesco Balbi da Correggio jirriferu għal mitħna tat-tħin tal-porvli li kienet topera fil-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu fl-1565.
Fl-istess żmien, fl-Isla kienu joperaw żewġ imtieħen tar-riħ oħra. Dawn jidhru fl-affreski tas-seklu 16 ta’ Matteo Perez d’Aleccio li jinsabu fis-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta. Skont Clifford Vella, fil-ktieb tiegħu dwar l-imtieħen tar-riħ f’Malta, dawn kienu l-ewwel imtieħen fuq l-Gżejjer Maltin li kienu mħaddma bir-riħ, u id-dokumenti juru li kienu jiffunzjonaw bejn l-1532 u l-1631. Fil-fatt, maġenb il-Knisja ta’ Porto Salvo (San Filippu), hemm lapida li tfakkar il-bini ta’ mitħna mill-Gran Mastru L’Isle Adam fl-1533. Din iż-żona kienet magħrufa bħala Monte del Molino, li tfisser “l-Għolja tal-Mitħna tar-riħ”. Huwa probabbli ħafna li dawn l-imtieħen oriġinarjament inbnew għat-tħin tal-porvli. Id-distanza bejn l-imtieħen u l-Forti San Mikiel hija ta’ madwar 120 metru, bħala prekawzjoni f’każ ta’ splużjoni. L-imtieħen kienu simili ħafna għal dawk f’Rodi, u differenti minn dawk li nbnew aktar tard mill-Kavallieri. Mappa bikrija tal-Isla saħansitra turi tliet imtieħen minflok tnejn.
L-inġinier militari William Scamp kien responsabbli mill-bini tal-Fran Navali industrijali fix-xatt tal-Birgu. Dawn ħadu post l-Arsenal tal-Ordni u kienu jaħdmu bis-sistema tal-fwar. Hawn, kuljum kienu jitħejjew 17,500 irtal (14,000 kg) ħobż u gallettini biex jitimgħu l-Flotta Navali Brittanika.
Sa ftit tas-snin ilu, fil-Birgu kien hemm tliet ifran privati: wieħed f’27, Triq it-Tramuntana, magħruf bħala l-Forn ta’ Ġorġ; ieħor fi Triq il-Majjistral; u l-aħħar wieħed li għalaq kien jinsab fi Triq San Anton. Dan tal-aħħar kien magħruf bħala l-Forn ta’ Gejtu jew Cassar Bakery.
Mitħna ta’ Santa Margerita
Kreditu tar-ritratt: Heritage Malta
Birgu
Fost il-fran li kien hemm f’Bormla, insibu wieħed fi Triq il-Pellegrinaġġ. Illum dan ma għadux jagħmel il-ħobż iżda ġie konvertit f’ħanut tal-pizza bl-isem il-Forn tal-Għawdxi. Il-proprjetarju huwa furnar Għawdxi rinomat minn Nadur, u l-aktar prodott popolari li jinxtara minn hawn hija l-ftira Għawdxija.
Minn dak li qallulna, jidher li fl-Isla kien hemm ukoll xi fran, fosthom dak fi Triq il-Vitorja viċin il-Knisja ta’ San Filippu, li baqa’ jopera sa tard is-snin 80 tas-seklu 20. Forn ieħor, li kien jinsab qrib l-venda, eventwalment inbidel f’għassa tal-pulizija. Forn ieħor, li għadu jopera sal-lum fl-Isla, jinsab fit-triq parallela ma’ Triq San Ġiljan li tagħti għal fuq il-baċir.
Ara lil Emanuel Cassar fil-forn tiegħu, Cassar Bakery, fil-Birgu qabel ma’ għalaq:
Il-ħabbież
Fil-forn Malti ssib persuna speċjali magħrufa bħala ‘l-għaġġien’. Dan xogħlu hu li jħallat id-dqiq, l-ilma, il-melħ u t-tinsila, li hija biċċa għaġina minn tal-jum ta’ qabel li titħalla tiffermenta fl-ilma. Fis-sajf tintuża inqas tinsila għax il-ħobż jogħla aktar malajr meta tkun is-sħana, iżda jintuża aktar melħ biex il-ħobż iżomm iżjed. Fix-xitwa jsir bil-kontra.
Wara li titħallat, l-għaġina trid titħalla toqgħod għal xi tliet sigħat biex togħla – proċess li bl-Ingliż jissejjaħ ‘proving’. Imbagħad iqattgħuha biċċiet u kull biċċa tintiżen u tingħata forma tonda. Xi drabi jagħmlulha qatgħat żgħar jew slaleb fil-ġenb jew fil-wiċċ. Il-biċċiet tal-għaġina mbagħad jitqiegħdu fuq it-tilari, f’ringiela li tissejjaħ ‘triq’, u hemmhekk ikomplu jogħlew għal siegħa oħra. Il-ħabbież imbagħad juża l-palun – bħal maqdef kbir ħafna – biex idaħħal l-għaġina fil-forn.
Hemm tip ta’ ħobż speċjali magħruf bħala ‘ftira’, li jkun ċatt u tond b’toqba fin-nofs u li m’għandux bżonn ħafna ħin biex jogħla. Il-ftajjar jiddaħħlu fil-forn l-ewwel, għax jinħtieġu temperaturi ogħla iżda inqas ħin biex jinħmew – xi għaxar minuti kollox. Il-ħobża tal-Malti tieħu aktar ħin, daqs tliet kwarti. Meta l-ħobż ikun sar u r-riħa tfuħ tiegħu tibda tinxtamm sew, jintuża l-palun tal-ħruġ biex jinħareġ mill-forn.
Biex jiċċajtaw, il-furnara jgħidu li l-ħabbieża żgur se jmorru l-ġenna meta jmutu, għax diġà jkunu qattgħu ħafna ħin fis-sħana tan-nar f’din id-dinja! Hu għalhekk, fil-fatt, li l-ħabbieża jitħallsu iżjed u jaħdmu inqas sigħat minn dawk li jagħġnu u jqattgħu.
Minbarra l-ħobż tradizzjonali, fil-fran jinħmew u jinbiegħu wkoll ħlewwiet bħall-biskuttini tar-raħal u l-qagħaq tal-ħmira, ħobż miksi bil-ġulġlien, ħobż tal-Franċiż, bziezen u panini. Illum ħafna fran jaħdmu bl-elettriku minflok jitqabbdu bl-injam, għax ir-regolamenti jesiġu li ċ-ċmieni jkunu ta’ ċertu għoli u m’għadux jista’ jintuża injam miżbugħ biċ-ċomb.
Il-ħobż tradizzjonali,
It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:
- ‘Bread in Early Modern Malta: The Voice Within’ by Noel Buttigieg. Published in ‘Welcome, The Journal of the Institute of Tourism Studies’ Issue no. 5, May 2010.
- ‘The Administration of the Order’s Bakery: Some Preliminary Observations’ by Noel Buttigieg. Published in ‘Sacra Militia’, Issue no. 10, 2011.
- ‘Bread and the City: 1740-1798’ by Noel Buttigieg. Published in ‘Sacra Militia’, Issue no. 13, 2014.
- ‘Breadways and Black-Market Intrigues in 1942 Malta’. by Noel Buttigieg. Published in Global Food History, 7:3, 2021
- ‘State Intervention in the Grain Trade of Malta (16th-20th Century)’ by Carmel Cassar. Published in ‘Mediterranean Review’ Vol. 6, No. 2, December 2013.
- ‘The Way We Ate: Memories of Maltese Meals’ by Matty Cremona. Published by Midsea Books, 2010.
- ‘Windmills and the Production of Gunpowder in Malta’ by Simon Mercieca and Joseph Muscat. Published in Symposia Melitensia Number 9 (2013)
- ‘Ħobżna ta’ Kuljum: Qormi Bakeries and the Role of Bread in Society’ by Rachel Radmilli. MA Qualifying Dissertation Anthropology, University of Malta, 1999
- ‘Windmill Street’ Kottonera Foundation Website. Accessed February 2025: https://www.kottonera.mt/things_to_do/windmill-windmill-street/
- ‘Windmills’ Bormla Local Council Website. Accessed February 2025: https://bormlalc.gov.mt/en/historical-places/
- ‘L-Imtieħen tat-Tħin tal-Qamħ fil-Gzejjer Maltin’ by Clifford Vella, Printit Ltd, 2013.
