Responsive Menu
Add more content here...
Skip to main content

IL-PRODUZZJONI TAL-BIRRA FIL-KOTTONERA

To Share

IL-PRODUZZJONI TAL-BIRRA FIL-KOTTONERA

Minkejja li madwar 5,000 sena ilu, l-Eġizzjani tal-qedem kienu diġà jixorbu l-birra magħmula minn xgħir fermentat, il-konsum tal-birra f’Malta beda fis-seklu 19, meta l-gżejjer Maltin kienu kolonja tal-Imperu Brittaniku. Prinċipalment, il-birra kienet tiġi importata biex tforni lir-Royal Navy u lill-gwarniġjuni Britanniċi stazzjonati f’Malta.

Dik il-ħabta, il-Maltin kienu jippreferu jixorbu l-inbid u l-ispirti milli l-birra, iżda bil-mod il-mod din tal-aħħar kulma jmur bdiet tinxtorob dejjem iżjed, speċjalment fiż-żoni tal-Port il-Kbir, fejn il-kuntatt ma’ nies tas-servizzi kien aktar frekwenti.

L-Eġizzjani jixorbu il-birra madwar 5000 sena ilu

Is-suldati Inglizi jixorbu il-birra

Fl-1880, il-birrerija Simonds Brewery, ibbażata f’Reading l-Ingilterra, fetħet fergħa f’Malta. Din kienet timporta btieti tal-birra manifatturata fl-Ingilterra u tibottiljhom lokalment fil-fliexken tal-ħġieġ li kienu jġibu fuqhom il-marka Simonds Brewery. Il-birer tat-tip Ale, Stout u Ginger kienu jiġu ibbotiljati fi fliexken tal-fuħħar igglejżjat, simili għal dawk użati minn Charles Julius ta’ Strada Zecca (Old Mint Street), il-Belt Valletta.

F’dawk iż-żminijiet, kienu bosta n-nies tal-Kottonera li ħadu l-opportunità li jiftħu jew ikabbru xi negozju. Dan kienu jagħmluh billi jidħlu bi sħab ma’ Maltin oħra u xi drabi saħansitra mal-barranin. Fost dawn insibu lil Annunziata, armla ta’ Paolo Portelli, mill-Għarb Għawdex li kienet toqgħod il-Belt Valletta. Din fl-1889, fetħet ħanut bi sħab ma’ Giuseppe u Antonio Formosa minn Bormla. Il-ħanut tagħhom li minnu kien ibigħ xorb alkoħoliku kien iġib l-isem ta’ Formosa e Compagna, u kien jinsab f’70 Strada Mercanti, il-Belt Valletta.

Fl-istess żmien, fil-Furjana mar joqgħod l-Irlandiż Stannus Geoghegan, li kien midħla tal-produzzjoni tal-birra sa mill-inqas 20 sena qabel. Huwa ssieħeb mal-Bormliż Antonio Despott biex flimkien jipproduċu l-birra tat-tip Stout u Ale. Din is-sħubija ġiet formalizzata nhar il-15 ta’ Marzu 1895 quddiem in-Nutar Achille Micallef.

Fl-imgħoddi, fost l-aġenti tal-birra magħrufa sew fil-Kottonera, kien hemm Francesco Cuschieri, fundatur tal-kumpanija Fco. Cuschieri & Co. Dan kien jinnegozja l-birra Simonds Ale & Stout, kif ukoll il-birra Dreher Lager, mill-fond numru 18, Strada Marina, fl-Isla. Tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod, sewwasew fin-numru 29, Strada Vittoria, huwa kellu maħżen imdaqqas għall-ħażna tal-birra.

Birra tal-Ginger

Birra tal-Youngers

Xi drabi joħroġ il-fatt li n-negozjanti tax-xorb alkoħoliku kienu jimportaw ukoll it-tabakk. Każ tipiku huwa dak ta’ Antonio u Michele Callus minn Bormla. F’lista tal-1888 huma jissemmew bħala manifatturi tas-sigarri u t-tabakk f’Malta. Il-familja Callus kellha fabbrika tas-sigarri qrib il-Kunvent tal-Karmelitani Skalzi f’Bormla.

Bormliż ieħor prominenti fejn jidħol il-kummerċ tax-xorb u t-tabakk huwa l-Kaptan A. Caruana, li kien imħallat ukoll mal-familja Callus. In-negozju ta’ Caruana jaf il-bidu tiegħu billi fetaħ ħanut f’belt twelidu. Wara s-suċċess miksub, huwa fetaħ ħanut ieħor f’Kingsway, il-Belt Valletta (illum Triq ir-Repubblika). Caruana kien involut fl-ibbottiljar tal-birra, fosthom tal-marka popolari Youngers, li l-Maltin b’mod popolari bdew isejħulha “Ta’ Youngers”.

‘Malta Għada Tagħna’ riklam

M. Callus & Sons, Bormla

Minn riklam ippubblikat fil-ġurnal Malta Għadha Tagħna Nru. 962, ippubblikat fl-1905, sirna nafu li f’numru 20, Strada Reale, il-Belt Valletta, il-kumpanija Ind Coope & Co LD kienet tibbottilja “Il-Birra ta’ Burton”.

Anki l-President Emeritus ta’ Malta Ugo Mifsud Bonnici jiġi mill-familja Callus peress li oħt nanntu kienet miżżewġa lil wieħed mill-aħwa ta’ din il-familja. Ta’ min jgħid li l-aħwa Lino u Victor Callus kellhom ċinema bl-isem ta’ The Windsor, f’Bormla. Id-dar residenzjali tagħhom kienet kantuniera bejn Strada San Giorgio u Strada Toro, iżda matul it-Tieni Gwerra Dinjija huma telqu minn Bormla u marru joqogħdu Birkirkara.

Id-dixxendenti tal-familja Callus iżommu bħala l-patrijarka tagħhom lil Michelangelo Callus. Iżda hawn tqum il-mistoqsija jekk dan huwiex l-istess Michele Callus li kien imexxi fabbrika tas-sigarri f’Bormla. Fl-2017 il-kobba kompliet titħabbel, wara li l-istoriku u Professur tal-Università ta’ Malta, Simon Mercieca, irċieva email intriganti minn Andrzej Kuczkowski, arkeologu f’Koszalin, il-Polonja. Waqt skavi li Andrzej kien qed jagħmel fil-Polonja, huwa sab flixkun tal-birra antik li jġib fuqu l-isem M. Callus & Sons Cospicua.

Andrzej staqsa lill-professur jekk għandux xi ħjiel dwar l-oriġini ta’ dan il-flixkun. Din is-sejba kompliet toħloq bosta mistoqsijiet  u anke tweġibiet, fosthom dawn li ġejjin: L-ittra M tirreferi għal Michele jew għal Michelangelo Callus? Dan il-flixkun minn Bormla kif spiċċa l-Polonja? Mill-iskrizzjoni ta’ fuq il-flixkun jidher li l-familja Callus mhux biss kienet tibbottilja l-birra ġewwa Bormla, iżda saħansitra kienet tipproduċiha.

Waħda mit-teoriji plawsibbli dwar kif dan il-flixkun spiċċa l-Polonja hija marbuta mal-Ewwel Gwerra Dinjija. Matul dan il-kunflitt, numru ta’ priġunieri tal-gwerra Ġermaniżi kienu miżmuma fil-Barracks ta’ Verdala f’Bormla. Peress li dak iż-żmien il-belt ta’ Koszalin kienet tagħmel parti mill-Ġermanja, hu possibbli li fosthom kien hemm xi priġunieri minn din il-belt. Skont il-Professur Mercieca, wieħed minn dawn seta’ ħadu miegħu bħala tifkira, u b’hekk inkiteb kapitlu ieħor fl-istorja affaxxinanti tal-familja Callus.

Xi anzjani Bormliżi għadhom isemmu żewġ birreriji ewlenin li fl-imgħoddi kienu jipproduċu l-birra f’Bormla. Waħda kienet tinsab taħt il-Konservatorju ta’ San Ġużepp, filwaqt li l-oħra kienet qrib Bieb Santa Liena, fejn kienet issir ix-xarba Ginger Ale. Il-familja li kienet tmexxi dan in-negozju bdiet tissejjaħ bħala “Tal-Ginger”. Dan il-laqam baqa’ magħhom għal ħafna snin.

Fil-bidu tas-seklu 20, Alfonso Borin kellu fabbrika u ħanut f’numru 52, Strada Miratore il-Birgu, bl-isem Neptune Machinery, ‘Aerated Water Manufacturer and Beer Bottler’. Fost ix-xorb li kien jinbiegħ minn dan il-ħanut, kont issib soda-water, xorb alkoħoliku u ginger beer. Alfonso kien joqgħod fil-Birgu stess, f’numru 27, Strada Brittanica. Interessanti l-fatt li l-logo tal-birra ta’ Borin, kien jinkludi x-xbieha ta’ Nettuno, li fl-1928 ġie adottat ukoll minn Simonds Farsons Limited.

Bejn is-snin 20 u 30 tas-seklu 21, il-fliexken tal-Ginger Ale u xarbiet oħra kienu ftit jew wisq differenti minn dawk tal-lum, għaliex kienu jingħalqu b’boċċa tal-ħġieġ. Minħabba f’hekk, dawn kienu magħrufa fost il-Maltin bħala “Tal-Boċċa”, u biex jinfetħu kienet tintuża biċċa għodda apposta. Ħafna tfal kienu jużaw dawn il-boċċi biex jilagħbu bihom.

Negozjant ieħor tal-birra li kien jopera minn Bormla qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, kien Indrì Cilia, li kien joqgħod in-naħa ta’ fuq ta’ Triq l-Oratorju, fil-parti li tagħti għal Strada San Giorgio. Cilia kien bi sħab ma’ missier it-tabib Lelinu Licari. Dik il-ħabta, dawn l-intraprendituri lokali kellhom sehem importanti fl-iżvilupp tal-kummerċ tax-xorb fil-Kottonera.

Fl-1928, in-negozjant Malti, Lewis Farrugia, introduċa fis-suq lokali l-birra Farsons Pale Ale. L-isem “Farsons” huwa logħba intelliġenti bil-kliem “Farrugia” u “sons”, isem li jirrappreżenta tajjeb dan in-negozju familjari. Fit-twaqqif tal-kumpanija, din kienet ibbażata l-Ħamrun, u jidher li sa mill-bidu tagħha għamlet suċċess fost il-Forzi Brittaniċi stazzjonati f’Malta. Id-debutt ta’ din il-birra sar fid-19 ta’ April 1928, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi. Fuq it-tikketta ta’ din il-birra tpoġġiet ix-xbieha ikonika ta’ Nettuno li tinsab fil-bitħa tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Dan wassal biex in-nies  bdiet issejħila “il-birra tal-Ġgant”. Aktar tard, Farsons ingħaqdet mal-kompetituri tagħha, Simonds, u flimkien iffurmaw Simonds Farsons Limited, billi fehmu li f’dik is-sitwazzjoni, il-kollaborazzjoni kienet aħjar mill-kompetizzjoni.

Il-birra ta’ Farsons f’Bormla kienet tinħażen f’wieħed mill-imħażen tal-vaxxelli, mibnija fis-seklu 18 mill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Dan jinsab sewwasew qrib il-knisja ta’ Santa Tereża. Id-distribuzzjoni tal-birra f’Bormla kienet issir f’kaxxi tal-injam fuq karettuni miġbudin biż-żwiemel mill-familja Ta’ Żabbett minn Ħal Tarxien.

Fl-istess żmien, il-Markiż u bankier prominenti Malti, John Scicluna, daħal fl-industrija tal-birra wara li ħa l-opportunità u akkwista d-drittijiet esklussivi ta’ kumpanija li kienet tipproduċi birra Lager ta’ tip Bavarjan, bil-għan li jibda jipproduċiha lokalment. Dan seħħ ftit qabel il-kollass tal-borża tal-ishma li wassal għall-Great Depression. It-tnehdija tal-Birra Cisk Pilsner mill-Markiż saret fl-1929 u f’qasir żmien din saret tassew popolari. L-isem “Cisk” ġej mill-kelma Maltija għal “cheque” u kien il-laqam mogħti lil missier il-Markiż, li kellu rwol fl-introduzzjoni taċ-ċekkijiet bankarji f’Malta fis-seklu 19.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-ħobż magħruf bħala “tal-birra” (beer bread) kien jittiekel regolarment mis-suldati Brittaniċi u mill-Maltin li kienu f’kuntatt magħhom. Wara l-kriżi tal-Great Depression u t-taqlib li ġabet magħha t-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1948 il-kumpanija Cisk ingħaqdet ma’ Simonds Farsons biex iffurmaw Simonds Farsons Cisk Limited. Din l-għaqda saret il-pedament għas-suċċess ta’ Cisk bħala l-birrerija ewlenija ta’ Malta, li matul is-snin rebħet diversi unuri prestiġjużi.

Fost l-oħrajn, fl-1980, Cisk rebħet il-Gold Award u d-Dual Championship Award fil-kategoriji ta’ Lager u Best Overall fil-Brewex Competition fir-Renju Unit. Fl-1998, Cisk Export kisbet l-ewwel Gold Award tagħha fl-Australian International Beer Awards.

F’dawn l-aħħar snin, xi Maltin bdew jesperimentaw bil-produzzjoni tal-craft beer, billi joħolqu togħmiet ġodda adattati għall-gosti moderni. Fosthom infetħu bosta birreriji żgħar f’diversi bliet u rħula f’Malta u Għawdex, bħal Lord Chambray fix-Xewkija, The Huskie Craft Beer Company fil-Qrendi, The Brew f’Tas-Sliema, u Stretta Craft Beer fil-Belt Valletta.

Min jaf? Forsi xi darba l-produzzjoni tal-birra fil-Kottonera terġa’ tibda!

Birrerija ta’ Farsons f’Santa Venera

Referenzi