IL-BINI TAD-DGĦAJJES
To Share
IL-BINI TAD-DGĦAJJES
L-inħawi tal-Kottonera minn dejjem kienu magħrufin għall-ħiliet fil-bini tad-dgħajjes. Wara kollox, dan kien il-post fejn il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu jibnu x-xwieni tagħhom, u fejn l-Ingliżi kellhom it-Tarzna. Iżda anki aktar qabel, lejn tmiem il-Medjuevu, hawnhekk kien hawn tarzna fejn kienet issir it-tiswija u l-manutenzjoni tal-bastimenti.
Fis-sekli 19 u 20, irġiel tas-sengħa mill-Isla, Bormla, il-Birgu u l-Kalkara bnew mijiet ta’ dgħajjes ta’ tipi differenti u kienu meqjusa bħala esperti f’dan il-qasam.
Is-sengħa tal-bini tad-dgħajjes spiss kienet tgħaddi mill-missier għall-iben, u fil-fatt kienu jintużaw il-forom tal-familja stess biex jinbena l-qafas tad-dgħajjes. Għalkemm uħud mill-bennejja tad-dgħajjes qatt ma marru l-iskola, xorta waħda kienu joħolqu disinji eċċellenti, forom, u dehra tad-dgħajsa minn angoli differenti billi jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom stess.
Bennej li tgħallem waħdu u li għamel isem għalih innifsu hu Willy Delceppo, li flimkien ma’ neputih Andrea jaħdem f’garaxx fl-inħawi tal-Kalkara magħrufin bħala x-Xewkija. Willy għamel l-ewwel mudell ta’ frejgatina meta kellu għaxar snin, billi uża kexxun mill-gradenza ta’ ommu, u rnexxielu jaqdef bih mill-Kalkara sat-torri tax-Xgħajra! Il-frejgatina tixbah lil-luzzu (ara hawn isfel) iżda jkollha n-naħa ta’ wara ċatta. Isimha jfisser ‘frejgata żgħira’. Ħafna drabi kienet tintuża biss biex wieħed jiċċaqlaq minn max-xatt u jirkeb dgħajsa akbar ankrata iżjed ’il barra. Matul is-snin, Willy bena aktar minn mitt dgħajsa tradizzjonali u ddisinja seba’ tipi differenti ta’ frejgatini għall-klijenti tiegħu. Meta kellu 14-il sena, Willy daħal jaħdem bħala lavrant fuq il-gverta mal-Qawwa Navali Merkantili. Aktar qabel, kien jaħdem ma’ missieru bħala barklor. Wara li dar id-dinja, telaq minn mal-flotta meta kellu 28 sena u beda jibni d-dgħajjes. Minflok jilgħab il-futbol, fi tfulitu kien iħobb iżur xi tarzna, jaqra kotba dwar il-bini tad-dgħajjes, u jistudja d-disinn tal-vapuri waħdu.
Ħafna dgħajjes tradizzjonali Maltin evolvew mill-ixprunara. Għal kważi mitejn sena, din id-dgħajsa kienet iġġorr il-passiġġieri bejn Malta, Sqallija u Napli. Bl-imqadef u l-qlugħ, il-vjaġġ minn Malta għal Sqallija kien jieħu tnax-il siegħa. Il-passiġġieri li jħallsu setgħu joqogħdu f’kabina fil-poppa (in-naħa ta’ wara tad-dgħajsa).
L-ewwel darba li tissemma d-dgħajsa tal-pass, li hija dgħajsa tal-passiġġieri iżgħar mill-ixprunara, huwa fl-1601. Aktar tard fl-istess seklu, ġew żviluppati l-firilla u l-kajjik. Id-dgħajsa tal-pass, li kellha ċerta ħeffa, kienet tintuża biex twassal lin-nies min-naħa għall-oħra tal-Port il-Kbir b’qaddief wieħed biss. Jekk tara dgħajsa tal-pass qed tinbena, tibqa’ impressjonat. Il-qafas delikat tad-dgħajsa jinżamm f’postu u bbilanċjat b’sistema ta’ rfid mill-art sa partijiet partikolari tal-qafas. Jibqa’ hekk sakemm il-bennej jara li jkun intlaħaq bilanċ perfett u allinjament skont ir-regoli tradizzjonali tal-bini tad-dgħajjes. L-injam irqiq li jintuża għal dgħajsa tal-passiġġieri jfisser li l-ispejjeż ikunu inqas u d-dgħajsa tkun eħfef. Id-disinn tagħha hu b’saħħtu biżżejjed biex jiflaħ għaxar passiġġieri iżda ħafif biżżejjed biex id-dgħajsa tinqadef minn persuna waħda.
Il-bini tad-dgħajjes moderni tar-regatta ta’ Settembru hu kkonċentrat fuq il-ħeffa, u għalhekk sar xi tibdil fil-karatteristiċi tradizzjonali ta’ dawn id-dgħajjes biex tiżdied il-veloċità. Dawn id-dgħajjes tat-tlielaq għall-ewwel kienu eżatt l-istess bħad-dgħajsa tal-pass tal-Port il-Kbir. Fis-snin 30 tas-seklu 20, il-qaddiefa tat-tiġrijiet bdew jitolbu lill-bennejja jaħdmulhom dgħajjes eħfef. Illum, meta tħares lejn dgħajsa tat-tlielaq għal erba’ persuni, tiskanta kif dgħajsa daqstant delikata u magħmula b’injam hekk irqiq tiflaħ il-piż ta’ erba’ qaddiefa – tnejn bilwieqfa u tnejn bilqiegħda.
It-trasport bid-dgħajjes kien importanti ħafna kemm għat-Tlett Ibliet kif ukoll għall-bażi navali f’Tigne, Tas-Sliema. Il-barklori kellhom monopolju fuq it-trasport fil-port u sal-1856 diġà kien hemm 42 dgħajsa liċenzjata.
Meta beda s-servizz ta’ dgħajjes bil-mutur fl-1881, il-barklori kellhom il-kompetizzjoni. Id-dgħajjes bil-mutur bdew joperaw minn Marsamxett (il-Belt) għal Tas-Sliema u, minkejja l-protesti tal-barklori, dan sar l-aħjar u l-orħos mezz ta’ vjaġġar f’Malta. Id-dgħajjes bil-mutur baqgħu jaħdmu anke meta ġew introdotti dgħajjes jaħdmu bil-fwar f’Marsamxett fl-1882 u fil-Port il-Kbir fl-1906, u meta mbagħad bdew il-karozzi tal-linja fl-1918. Dan kollu wassal biex tonqos l-importanza tad-dgħajjes tal-pass.
Sas-snin 30 tas-seklu 20, il-kumpaniji li joperaw it-tramm u l-ferrovija kienu qed ibatu u l-gvern kellu jagħlaqhom. Din kienet aħbar tajba għad-dgħajjes li kienu joperaw mill-Belt għat-Tlett Ibliet u Tas-Sliema, iżda l-aħħar daqqa qalgħuha meta l-qawwiet Ingliżi telqu minn Malta.
Il-firilla hija verżjoni akbar u aktar b’saħħitha tad-dgħajsa, bi stikka itwal fuq quddiem u gverta ogħla. Kienet tinqadef minn erba’ sajjieda u kellha paletti jinqalgħu mal-ġnub biex ix-xbieki jkunu jistgħu jitniżżlu fil-baħar. Il-firilla kienet tibqa’ qrib il-kosta biex tevita l-maltemp u l-furbani, u kienet id-dgħajsa favorita tas-sajjieda sal-1900.
Meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann kien ikollhom bżonn jaqsmu mill-Birgu għall-Belt, kienu jitolbu lil bonavoglie biex iwassalhom b’caique bl-imqadef. Il-kajjik evolva minn dan il-caique u wkoll kien jintuża bħala dgħajsa tas-sajd. Kien jinbena bħad-dgħajsa iżda kellu pruwa ċatta. Fil-bidu, il-kajjik kien jinqadef għalkemm kellu arblu għall-qlugħ. Il-Kajjik tal-Gangmu kellu pruwa baxxa u kien jintuża fil-Port il-Kbir biex jitħammel il-faħam u għas-sajd tal-gajdri. Il-kajjik modern ikun magħmul mill-fibreglass.
Id-dgħajsa tal-latini kienet dgħajsa kbira li kienet iġġorr il-passiġġieri u l-provvisti bejn Malta u Għawdex sas-snin 60 tas-seklu 20. Isimha ġej mill-qlugħ trijangolari mmontati maż-żewġ arbli tagħha. Il-membri tal-familja Caruana, ibbażati l-Kalkara, kienu meqjusa bħala l-iprem bennejja ta’ din it-tip ta’ dgħajsa. Id-dgħajsa tal-latini ġieli kienet tlaħħaq tul ta’ aktar minn 45 pied u kienet tkun magħmula minn injam oħxon ħafna fuq qiegħ sod. Kienet tinbena bħal kwalunkwe dgħajsa tradizzjonali Maltija oħra iżda bi pruwa goffa maħsuba biex tikkumbatti l-mewġ. Kienet ukoll wiesgħa biżżejjed biex tiflaħ ħafna merkanzija.
Id-dgħajjes tal-latini baqgħu jaqsmu l-fliegu saħansitra matul it-Tieni Gwerra Dinjija, meta waħda minnhom b’xorti ħażina kienet laqtet mina. Aktarx li l-aħħar dgħajsa tal-latini li nbniet kienet is-Sacra Famiglia fl-1934. Fis-snin 20 tas-seklu 20, kemm id-dgħajsa tal-latini kif ukoll il-kajjik bdew jaħdmu bil-magni u b’hekk spiċċat il-ħtieġa tal-qlugħ.
Il-luzzu, mibni bi twavel imissu ma’ xulxin u mhux imrikkbin, żviluppa mid-dgħajsa Taljana magħrufa bħala gozzo u sal-bidu tas-seklu 20 kien sar id-dgħajsa ewlenija użata mis-sajjieda Maltin. Jixbah ħafna lill-firilla iżda fuq quddiem għandu stikka iqsar u l-ġnub tiegħu huma ogħla. Jinbena bi njam aktar b’saħħtu minn ta’ dgħajjes tradizzjonali oħra Maltin.
Il-luzzu tal-bidu kien żgħir, twil xi 30 pied kollox, u kien jintuża l-aktar għat-trasport. Għax-xogħol fil-port, il-luzzu kien jinqadef minn erbat irġiel iżda għas-sajd kienu jintużaw il-qlugħ (tarkija u flokk). Aktar tard anke l-luzzu ntrama bil-magni.
Il-Luzzu tal-Gadraj kellu biżżejjed spazju u apparat biex iwassal il-provvisti lill-bastimenti fil-port. Il-luzzu tas-sajd tal-lum ikollu gverta u kabina fin-nofs, kif ukoll winċijiet jaħdmu bl-elettriku u bosta strumenti tan-navigazzjoni. Ikun miżbugħ b’taħlita ta’ ikħal, aħdar, aħmar u isfar u flimkien ma’ sħabu joħloq dehra tassew sabiħa hu u tiela’ u nieżel f’wiċċ il-baħar. Ħafna drabi jkollu l-Għajn impinġija fuq quddiem, fil-parti magħrufa bħala l-mustaċċ, bħala ħarsien mill-isfortuna. Il-luzzu spiss jissemma għal xi qaddis jew għall-Madonna. Issibu mżejjen ukoll bi tpinġijiet ta’ fjuri u bin-numru tal-liċenzja tiegħu stess.
Illum ftit li xejn għadhom jinbnew dgħajjes tradizzjonali, għax huma għaljin u għax ħafna nies jippreferu d-dgħajjes tal-fibreglass billi jinħtieġu inqas manutenzjoni. Il-ftit bennejja professjonali tad-dgħajjes li fadal huma aktar ikkonċentrati fuq it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ dgħajjes tradizzjonali eżistenti milli fuq il-bini ta’ dgħajjes ġodda.
Fil-Mużew Marittimu ta’ Malta hemm kollezzjoni kbira ta’ dgħajjes tradizzjonali Maltin u mudelli tagħhom, u dan jgħin biex l-istorja ta’ dawn id-dgħajjes ma tintilifx.
It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:
- ‘Traditional Boats of Malta’ ta’ Joseph Muscat. Ippubblikat fil-‘Malta Archaeological Review’, Ħarġa 6 2002/2003.
- ‘Everyday life in Malta in the 19th and 20th Centuries’ by Carmel Cassar. Extract from: The British Colonial Experience 1800 -1964: The Impact on Maltese Society. Edited by Victor Mallia Milanes, Mireva Publications, Malta, 1988
