IL-PRESEPJU
To Share
IL-PRESEPJU
Ħafna drawwiet u tradizzjonijiet Maltin jimxu pass pass maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Knisja Kattolika matul is-sena. Waħda minn dawn it-tradizzjonijiet hija l-presepju tal-Milied, li permezz tiegħu terġa’ tinħoloq ix-xena tat-twelid ta’ Ġesù Bambin f’Betlem aktar minn elfejn sena ilu.
Il-kelma ‘presepju’ tnisslet mit-Taljan (‘presepio’) u mil-Latin (‘praesepium’).
Fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, fejn insibu wkoll il-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, hemm kollezzjoni kbira ta’ presepji. Uħud minnhom ingħataw lil Heritage Malta minn Austin Galea, raġel tas-sengħa magħruf ħafna li għen biex titwaqqaf l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Malta. F’dawn il-presepji jidhru pasturi lebsin kostumi Maltin f’pajsaġġi naturali jew fir-raħal. Il-pasturi huma tal-kartapesta u materjal ieħor.
Albert u Lina McCarthy għaqqdu aktar minn 512-il presepju minjatura huma u jduru d-dinja tul 25 sena. Ġabu magħhom presepji minn pajjiżi bħall-Ġappun, Bali, il-Kenja, l-Istati Uniti, l-Italja, il-Greċja, iċ-Ċilì, il-Perù, l-Iran, u Sri Lanka. Uħud minn dawn il-presepji ċkejknin huma daqs bajda, b’għoli ta’ mhux iżjed minn tliet ċentimetri. Tista’ timmaġina x’ċokon! Dawn ukoll ingħataw lil Heritage Malta.
L-Istorja
Kien għall-ħabta tas-sena 358 WK li l-Papa Liberius beda jibni l-Bażilika ta’ Sancta Maria Maggiore f’Ruma. L-isem oriġinali ta’ din il-knisja kien Sancta Maria ad Praesepe. Fl-1289, Arnolfo di Cambio skolpixxa verżjoni tal-irħam ta’ maxtura u presepju tal-injam li kien hemm qabel f’din il-knisja.
Għalkemm diġà kienu jsiru reċti dwar it-twelid ta’ Ġesù, il-presepju ħaj sar popolari bis-saħħa ta’ San Franġisk t’Assisi fi Greccio, l-Italja, fl-1223. Fil-Medjuevu u r-Rinaxximent, fuq l-altari tal-knejjes spiss kien ikun hemm statwi ta’ daqs reali, tal-injam jew tal-irħam, li jfakkru t-twelid ta’ Ġesù. Imbagħad fis-sekli 17 u 18, fil-perjodu Barokk, tfaċċa l-presepju Naplitan li sar popolari fil-palazzi, kunventi u djar ta’ Napli. Dan kien ikollu figurini żgħar bi sfond ta’ tableau kbir, u kien jirrappreżenta t-twelid ta’ Ġesù f’ambjent rustiku. Ir-Re Karlu III ta’ Napli kompla jsaħħaħ din it-tradizzjoni, li nfirxet fl-Ewropa u minn Sqallija waslet għand l-ordnijiet reliġjużi ta’ Malta.
Fl-ewwel referenza għall-presepju f’Malta jissemma dak tal-patrijiet Dumnikani fir-Rabat fl-1617. Fil-bidu tas-seklu 18, Maestro Saverio Laferla kien magħruf għall-presepji u l-istatwetti tiegħu. Skultur magħruf ieħor Malti, Carlo Darmanin, għamel il-pasturi għall-presepju tas-sorijiet Benedittini tal-Imdina, li jmur lura sas-sena 1826.
Permezz tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, San Ġorġ Preca (1880-1962) għen biex l-ispirtu tal-Milied jibqa’ ħaj f’Malta. Lejlet il-Milied tal-1921, huwa organizza l-ewwel purċissjoni bl-istatwa ta’ Ġesù Bambin. Ta bidu wkoll għad-drawwa li jingħata presepju żgħir lil kull tifel u tifla li jattendu l-lezzjonijiet tal-katekiżmu magħrufa bħala l-Mużew.
Lejn tmiem is-seklu 19, Maltin tas-sengħa bdew jagħmlu l-pasturi tat-tafal, biex b’hekk kulħadd seta’ jiflaħ jixtrihom. Il-presepji Maltin segwew l-istil ta’ Sqallija u Napli, bl-użu tas-sufra u l-ġibs biex jinħolqu xeni (jew dijorami) tal-kampanja. Presepji orħos kienu jsiru bi żrar u ġebel żgħir miġbur minn qalb l-għelieqi. Kienet tintuża wkoll il-gagazza, jiġifieri l-fdal tal-faħam maħruq li jieħu forma ta’ blat ippuntat. Meta l-użu tal-karta nfirex aktar, il-presepji bdew isiru mill-kartapesta u fis-snin ħamsin tas-seklu 20 beda jintuża wkoll il-ġablow. Il-pasturi baqgħu jsiru mit-terrakotta, injam, xama’, jew kartapesta.
Fi żmien il-Milied, in-nies bdew jieħdu gost imorru jaraw presepji esebiti f’kunventi tal-patrijiet u tas-sorijiet, knejjes, u djar privati. Ngħidu aħna, fl-1908, il-presepju sabiħ ta’ Rosina Bonello kien miftuħ għall-pubbliku fid-dar tagħha fix-Xagħra. L-artiġjani Għawdxin Agostino Camilleri u Tumas Zahra kienu magħrufa għal ħilithom fil-bini tal-presepji. Fl-1962, ittella’ l-ewwel presepju ħaj f’Ħal Lija. Illum l-akbar presepju ħaj insibuh f’Għajnsielem, Għawdex. Hemmhekk jinħolqu xeni mir-raħal ta’ Betlem, b’bambin ħaj, ħmir u bhejjem oħra, kif ukoll wirjiet ta’ snajja’ tradizzjonali.
Is-Sengħa
Il-pasturi tat-tafal ħafna drabi jsiru bil-forom u jinżebgħu bi lwien jgħajtu. Jitlibbsu kostumi tradizzjonali tal-kampanjoli Maltin, kompluti bil-milsa (beritta) fuq ras l-irġiel, iċ-ċulqana (xalla) fuq ras u spallejn in-nisa, il-kabozza u l-għonnella (li t-tnejn huma tipi ta’ kappa b’barnuża). Ħafna pasturi juru nies jagħmlu xogħol tipiku ta’ dari, bħal ħidma fir-raba’, insiġ, u bejgħ fit-toroq. Xi karattri, bħar-rieqed, ix-xabbatur u l-għaġeb, jidhru f’bosta presepji. Kull wieħed minnhom għandu tifsira speċjali.
Pereżempju, ir-rieqed jirrappreżenta lil dawk li baqgħu indifferenti għat-twelid ta’ Ġesù, filwaqt li l-għaġeb hu simbolu tan-nies sempliċi u fidili li baqgħu skantati b’dan l-avveniment. Ix-xabbatur ifakkar lil dawk li jsibuha diffiċli biex jagħrfu l-importanza ta’ Ġesù iżda jagħmlu l-almu tagħhom biex jifhmuha. Pasturi oħra jirrappreżentaw lil Alla l-Missier, l-Ispirtu s-Santu, is-Sagra Familja, l-anġli, it-tliet slaten maġi, ir-ragħajja, is-sidien tad-dverni, ir-raħħala, u diversi annimali.
Fil-Palazz tal-Inkwiżitur hemm wirja ta’ presepji li tagħti l-ħajja lil drawwiet oħra marbutin mal-Milied. Dawn jinkludu l-prietka tat-tifel fil-quddiesa tal-lejl tal-Milied, nies tas-sengħa jaħdmu l-presepji u l-pasturi, u l-ikla tal-Milied mal-familja.
Hemm ukoll għall-wiri bambini tradizzjonali differenti. Ħafna drabi dawn kienu jkunu tax-xama’ għal effett kważi trasparenti. Kienu jitlibbsu lbies irrakkmat u spiss kien ikollhom xagħar ta’ veru magħmul min-nokkli ta’ xi tifel żgħir.
It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:
‘The Maltese ‘Presepju’ – Cultural and Educational Aspects’ by Victor Agius. A Dissertation Presented to the Faculty of Education in Part Fulfillment of the Requirements for the Degree of Bachelor in Education (Honours) at the University of Malta, May 2004.
‘The Magic is in the Detail’ by Fiona Vella. Published in Christmas Times magazine issued with The Times of Malta dated 7th December 2019.
