IS-SENGĦA TAL-QLUGĦ
To Share
IS-SENGĦA TAL-QLUGĦ
Qabel il-wasla tal-vapuri fis-seklu 19, il-bastimenti kienu jitħaddmu bl-imqadef u bil-qlugħ. Malta għandha storja twila mal-baħar minħabba l-portijiet naturali tagħha u l-qagħda tagħha f’nofs il-Mediterran. Fil-fatt, kienet ċentru ta’ kummerċ u post fejn in-nies kienu jiġu biex jibnu jew isewwu d-dgħajjes. Għall-Maltin, il-baħar kien sors ta’ ikel iżda wkoll ta’ biża’. Pirati magħrufa bħala kursara kienu jitfaċċaw ħin bla waqt, jisirqu annimali u prodotti, u saħansitra jaħtfu n-nies biex ibigħuhom bħala lsiera. Iżda l-baħar kien ukoll mezz ta’ komunikazzjoni mal-bqija tad-dinja. Permezz tiegħu kienu jinxterdu l-ideat u jinħoloq ix-xogħol għall-merkanti u s-sajjieda. Il-bastimenti kienu jġibu l-qamħ u l-ikel li tant kellhom bżonn il-Maltin.
Meta l-Ordni ta’ San Ġwann ġie Malta, il-kavallieri tejbu l-faċilitajiet eżistenti tal-bini tad-dgħajjes u bnew tarzna fejn jinbnew bastimenti ġodda. Dawn il-bastimenti kienu jiddefendu lil gżiritna u kienu jintużaw ukoll għall-Corso, li kienet kampanja ffinanzjata mill-Ordni u min-nobbli Maltin kontra l-piraterija tal-għedewwa.
L-Għarab kienu daħħlu x-xitla tal-qoton f’Malta fis-seklu 9/10, u sakemm waslu l-Kavallieri ta’ San Ġwann kien hawn industrija tal-qoton b’saħħitha ħafna. Il-Kavallieri għenu biex din l-industrija tkun regolata u sostnuta, u l-qoton Malti kien prezzjuż ħafna fi Spanja u pajjiżi oħra.
Il-Maltin kienu magħrufa għall-qlugħ eċċellenti li jafu jagħmlu, mhux biss għax kellhom qoton ta’ kwalità għolja li ma kellhomx għalfejn jimpurtawh iżda wkoll għax kienu esperti fid-disinn u l-ħjata tal-qlugħ. Irħula qrib il-portijiet, bħall-Isla, il-Birgu, Bormla, iż-Żejtun u ż-Żurrieq, kienu jipprovdu ħafna mill-ħaddiema għall-industrija marittima.
Il-kaptani, l-ekwipaġġ u l-ħaddiema tas-sengħa – bħal shipwrights, mastrudaxxi, qalfata, kaldarani, dawk li jisserraw l-injam, dawk li jagħmlu l-imqadef, dawk li jagħmlu l-fanali, intaljaturi, induraturi, żebbiegħa, dawk li jagħmlu t-taljoli, dawk li jagħmlu l-ħbula, u dawk li jagħmlu l-qlugħ – aktarx li kienu jkunu ġejjin minn dawn l-inħawi.
Ngħidu aħna, Agostino Scolaro, missieru Baldassare, ħuh Sacerdote Antonio, zijuh Cosimo, u kuġinuh Pietro Paulo kienu familja ta’ shipwrights minn Bormla. Min-naħa l-oħra, nissieġa miż-Żurrieq u Ħaż-Żebbuġ kienu magħrufa ħafna għall-insiġ tal-qlugħ għall-bastimenti. Fil-fatt, kemm iż-Żurrieq kif ukoll iż-Żejtun għandhom lil Santa Katarina bħala l-qaddisa patruna tal-knisja parrokkjali tagħhom. Din il-qaddisa hi magħrufa mad-dinja kollha bħala l-patruna tan-nissieġa u dawk li jaħdmu l-bizzilla.
Ix-Xogħol fit-Tarzna tal-Kavallieri
It-tarzna ta’ Malta kienet amministrata mit-Teżorerija Komuni permezz tal-Kummissarju tat-Tarzna. It-tarzna tal-Birgu kienet immexxija mill-Pilier (kap tal-kavallieri) tal-Lingwa ta’ Provenza, li kien ukoll il-Gran Kmandant. Dan kien jiġi approvat mill-Gran Mastru u mill-Kunsill Ordinarju għal perjodu ta’ sentejn u kien jieħu ħsieb il-finanzi tat-tarzna. L-assistent tiegħu, il-Kontrollur tat-Tarzna, kien kavallier magħżul mill-Ammirall biex jieħu ħsieb l-andament ta’ kuljum tat-tarzna. Huwa kien joqgħod il-Birgu tul iż-żmien li jdum jokkupa l-kariga ta’ Kontrollur.
Ħafna mix-xogħol tat-tarzna kien ikkummissjonat direttament mill-Congregazione dei Vascelli, u b’hekk ma kienx jaqa’ taħt l-amministrazzjoni tat-tarzna. Sakemm jinbena bastiment jew jitlesta xogħol urġenti, kummissarju mill-Congregazione kien jibqa’ jgħix l-Isla.
Il-ħbula tal-bastimenti kienu jinħadmu barra t-tarzna. Fil-fatt, wieħed mis-swar tal-Birgu, li jgħaqqad il-Kavallier ta’ San Ġwann mal-Kavallier ta’ San Ġakbu (imsejjaħ ‘il-kurtina Franċiża’ billi kien difiż mill-kavallieri tal-Lingwa ta’ Franza matul l-Assedju l-Kbir tal-1565) kien magħruf ukoll bħala s-Sur tal-Kurdara. Hawnhekk, dawk li jagħmlu l-ħbula kienu jġebbdu u jnixxfu l-ħbula li jkunu għadhom kemm immaljaw. Min-naħa l-oħra, dawk li jagħmlu l-qlugħ, magħrufa bħala veliari, kienu jaħdmu fit-tieni sular ta’ binja li nbniet fl-1545 u li fiha kien hemm ukoll forn fix-xatt tal-Birgu. Din il-binja kienet parti minn għadd ta’ mħażen, skal, u ħnejjiet imsaqqfin bl-injam fejn kienu jinħażnu l-provvisti u jsiru t-tiswijiet, u fejn kien hemm it-tarzna tal-Ordni.
Aktar tard, meta nbniet il-Maċina tal-Isla, li kienet bħal krejn biex jitqiegħdu l-arbli fuq il-bastimenti, dawk li jagħmlu l-ħbula u dawk li jagħmlu l-qlugħ bdew jaħdmu fit-tielet sular ta’ mħażen twal li nbnew ħdejn il-Maċina. Hawnhekk setgħu jaħdmu f’kundizzjonijiet aħjar, għax kellhom art tal-injam u twieqi kbar minn fejn kien jidħol ħafna dawl.
Uħud mill-irġiel tas-sengħa kienu jintbagħtu barra minn Malta biex ikomplu jtejbu ħiliethom. Ngħidu aħna, Giuseppe Farrugia, li kien jagħmel il-ħbula, mar Toulon biex ikompli jispeċjalizza fis-sengħa tiegħu. Oħrajn kienu jitgħallmu s-sengħa bil-mod tradizzjonali, permezz ta’ apprendistat mal-imgħallem. Il-ħbula għall-bastimenti kienu jinħadmu l-Birgu jew Rikażli, iżda ġieli kienu jsiru abbużi, bħal meta fl-1739 l-għodda f’Rikażli ntużat għal xogħol privat.
Dawk li kienu jagħmlu l-qlugħ kienu jaħdmu bil-labar tagħhom stess, bħalma dawk li jagħmlu t-taljoli kienu jaħdmu bl-għodda tagħhom stess. Dawn il-ħaddiema kollha kellhom il-ħwienet tagħhom fit-tarzna u kienu jmorru għand il-kummissarju tal-ħwienet jew il-provveditore di terra biex iġibu l-materjal. Huma setgħu jagħżlu li jitħallsu salarju fiss jew inkella skont l-ammont ta’ xogħol li jtellgħu. Ngħidu aħna, ħaddied seta’ jaqla’ paga ta’ 15-il skud fix-xahar jew 8 skudi (skud wieħed = €0.24) għal kull 79.378 kilo ta’ oġġetti li jagħmel.
Il-ħaddiema kollha tas-sengħa kienu obbligati li jgħallmu lill-apprendisti, li kienu jkunu subien jew ilsiera, u ta’ dan kienu jitħallsu. Kull imgħallem kien jaf x’kienet tistenna l-Congregazione fejn jidħlu t-tip, il-kwantità u l-kwalità tal-prodotti, billi dawn kienu speċifikati fil-kuntratti u r-regolamenti tagħhom. Pereżempju, l-imgħallem tal-qlugħ u t-28 ħaddiem li kellu taħtu kienu responsabbli wkoll għall-manutenzjoni tal-maskolin tat-tmun (aguglie – grampun jew pern li fuqu jdur it-tmun), filwaqt li l-buttar (li kien jagħmel u jsewwi l-btieti tal-injam) kien jagħmel u jsewwi wkoll ħoloq u btieti tal-ħadid, arbli, bramel tal-qatran, u reċipjenti fejn jinħażen l-ilma tax-xorb, fost oħrajn.
Il-ħaddiema tas-sengħa fit-tarzna kienu jafu wkoll kemm se jdaħħlu flus. Fl-1719, ħames persuni li jagħmlu l-qlugħ kienu jaqilgħu 5 skudi kull wieħed fix-xahar; 21 kienu jaqilgħu 3 skudi u 9 tari; u tlieta oħra kienu jdaħħlu skud u 3 tari kull wieħed.
Meta waslu l-Ingliżi fl-1800, il-mastrudaxxi u dawk li jagħmlu l-ħbula u l-qlugħ offrew is-servizzi tagħhom lill-qawwiet navali f’din il-gżira u aktar tard ġew impjegati fit-tarzna l-ġdida.
Il-bini tal-bastimenti u l-kummerċ fis-seklu 19
Fis-seklu 19, il-bini tal-bastimenti f’Malta kien fl-aqwa tiegħu, bil-vapuri jbaħħru saħansitra san-Nofsinhar tal-Ukrajna u l-Baħar l-Iswed biex iġibu magħhom prodotti bħall-qamħ. Is-sitwazzjoni baqgħet l-istess sal-Ewwel Gwerra Dinjija. Is-sidien tat-tarzni u n-negozjanti kienu importanti ħafna għax f’idejhom kellhom il-kontroll tal-prezz tal-ħobż, li kien l-ikel ewlieni ta’ ħafna nies. Il-kwalità tal-ħobż li jiekol dak li jkun kienet tirrifletti jekk hux sejjer tajjeb jew le.
Fis-snin 70 tas-seklu 19, il-vapuri kienu jġibu l-qoton u r-ross minn postijiet bħal Bombay, Kalkutta u Burma, kif ukoll il-faħam fi triqtu lejn il-Lvant. In-negozju wasal fil-Mediterran ukoll miċ-Ċina, Singapore u l-Awstralja u b’hekk Malta, flimkien ma’ Port Said, Suez u Aden, saret ċentru ewlieni ta’ kummerċ u stazzjon tal-faħam. Bdew iżuru Malta aktar vapuri u passiġġieri, u l-importazzjoni u l-esportazzjoni żdiedu wkoll.
Il-popolazzjoni kompliet tikber, speċjalment fl-inħawi tal-port, hekk kif aktar nies sabu xogħol bħala psataż, ġarriera, ħaddiema tal-faħam, gwardjani tal-imħażen, qaddiefa u bejjiegħa ta’ provvisti għall-bastimenti. Kuċċiera u ħaddiema tal-ħwienet, tal-bizzilla u tal-filugranu wkoll imlew l-inħawi tal-port ifittxu x-xogħol.
Minkejja dawn il-bidliet, ma nbnewx ħafna vapuri biex jintużaw f’Malta stess. Pajjiżna kien jiddependi l-iżjed fuq il-kummerċ tranżitorju u n-negozju tal-faħam, u kien jittraskura l-iżvilupp kummerċjali u industrijali tiegħu stess. Fi tmiem is-snin 70 tas-seklu 19, il-Kamra tal-Kummerċ esprimiet tħassib dwar dan. Hija stqarret li għalkemm Malta kienet marret tajjeb ħafna minn meta nfetaħ il-Kanal ta’ Suez, kienet saret tiddependi fuq kumpaniji barranin tal-vapuri. Il-Kamra kienet qed tibża’ li jekk Malta titlef postha bħala pajjiż li jipprovdi s-servizzi, ma jifdal xejn li l-ekonomija setgħet tistrieħ fuqu. Innotat ukoll li kienu qed jiżdiedu l-passiġġieri li jieqfu f’portijiet Taljani minflok f’Malta.
Aktar ma bdew jiżdiedu l-vapuri (isimhom magħhom għax jaħdmu bil-fwar), aktar bdiet tonqos id-domanda għall-qlugħ, għalkemm il-vapuri xorta waħda kellhom ftit qlugħ. Opri tal-baħar iżgħar, bħad-dgħajsa tal-latini li kienet taqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex, u dgħajjes tas-sajd bħal-luzzu, il-frejgatina u l-kajjik, baqgħu jaħdmu bil-qlugħ sakemm ġew introdotti l-magni bil-mutur fis-snin 20 tas-seklu 20.
Illum għad fadal ftit kumpaniji lokali li jagħmlu l-qlugħ għall-jottijiet. Waħda minnhom twaqqfet aktar minn 30 sena ilu minn Anton Cachia u mill-espert tal-qlugħ Eddie Zarb Cousin. Anton u ibnu John imexxu l-kumpanija u jipprovdu servizzi personalizzati ta’ ħjata u tiswijiet ta’ qlugħ lil klijenti Maltin u barranin. Huma jispeċjalizzaw fid-disinn u t-tiswija tal-qlugħ, tined tal-kanvas għad-dgħajjes, għata għall-boma (l-arblu li jżomm il-qiegħ tal-qlugħ stirat), u aċċessorji oħra.
Tipi ta’ Qlugħ
L-eqdem tip ta’ qlugħ huwa l-Qala’ Kwadru, imsejjaħ hekk minħabba l-forma tiegħu. Fil-bidu nett, il-bastimenti kellhom arblu wieħed u qlugħ wieħed. Kien biss lejn tmiem il-Medjuevu li bdew jitfaċċaw bastimenti b’żewġ arbli jew tlieta. Lejn tmiem is-seklu 15 żdiedu qlugħ magħrufa bħala gabja u sa nofs is-seklu 16 il-bastimenti li kienu jbaħħru fil-Mediterran kellhom tliet arbli u sitt iqlugħ.
Il-brigantin kien bastiment merkantili popolari Malti sal-ħabta tal-1800. Dan kellu tliet arbli bi qlugħ kbar triangolari msejħa latini u qlugħ żgħir triangolari magħruf bħala flokk, li kien jintrabat mal-arblu b’ħabel biex jgħin lill-bastiment f’kundizzjonijiet ta’ riħ qawwi, meta l-qlugħ il-kbar ikunu aktar diffiċli biex tikkontrollahom. Il-brigantin kellu tinda għad-dell, magħmula b’erba’ jew ħames biċċiet drapp magħrufa bħala kabuki. Minn dan id-drapp ma kienx jgħaddi ilma. Il-brigantin kien jimxi kemm bil-qlugħ kif ukoll bl-imqadef. Fis-seklu 18, fuq quddiem żdiditlu parti għall-ġlied, għal meta kien jintuża mill-kursara.
L-ixprunara żviluppat mill-brigantin għall-ħabta tas-seklu 16 u kienet tip ieħor ta’ dgħajsa użata mill-merkanti u l-kursara. Għall-bidu kellha arblu wieħed iżda fis-seklu 19 kien hawn xprunari akbar li kien ikollhom żewġ arbli jew tlieta. L-ixprunari tal-bidu kellhom arblu wieħed bi qlugħ latin triangolari kif ukoll qlugħ iżgħar magħruf bħala flokk fuq quddiem. Fis-seklu 17, ġiet introdotta t-tarkija li kienet tintuża l-aktar fuq xprunari b’arblu wieħed.
Id-dgħajsa tal-latini kienet dgħajsa kbira li ġġorr il-passiġġieri u l-provvisti bejn Malta u Għawdex u wkoll bejn il-Gżejjer Maltin u Sqallija. Baqgħet tintuża sas-snin 60 tas-seklu 20. Kellha żewġ arbli bi qlugħ latini. Ħafna minn dawn id-dgħajjes kienu jinbnew minn nies tas-sengħa mill-Kottonera. Il-familja Caruana mill-Kalkara kienet magħrufa bħala waħda mill-aqwa bennejja ta’ dawn id-dgħajjes.
Fis-seklu 17, il-bastimenti l-kbar żiedu l-qlugħ magħruf bħala pappafik u fis-seklu 19 sar popolari xorta ta’ bastiment għal trasport ħafif li kellu 26 tip ta’ qlugħ differenti. Kollox ma’ kollox, il-Maltin li kienu jagħmlu l-qlugħ kienu jafu jħitu 42 tip ta’ qlugħ differenti.
Fil-bidu tas-seklu 20, il-qlugħ magħruf bħala randa kien jintuża ħafna għall-jottijiet. Dan it-tip ta’ qlugħ imbagħad żviluppa f’tip ieħor imsejjaħ Bermuda.
Għal lista sħiħa ta’ tipi differenti ta’ qlugħ u kif jissejħu bil-Malti, ara l-kitba ta’ Charles Briffa bit-titlu ‘White Dipping Sails.’
It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:
- ‘White Dipping Sails’ by Charles Briffa, Journal of Maltese Studies, 19-20, 62-70, 1990.
- ‘The Impact of Technology on Economic, Political and Social Spheres: the transition from sail to steam in 19th century Malta’ by S. Gatt, Junior College multi-disciplinary conference : research, practice and collaboration : Breaking Barriers : annual conference 2018, Malta. 353-362.
- ‘Galley Construction in Malta’ by Joseph Muscat. In La navigation du savoir : reseau des arsenaux historiques de la Mediterranee = Al-ibhar fi al-ma’rifah / directeur de publication, Salvatore Giannino ; edition, Sylvie Claval … [et al.] ; traductions, Noe Sardet ; photographies, Philippe Bettini … [et al.]. (pp. 82-87). UNESCO, 2006.
- ‘The Galleon of the Order’ by Joseph Muscat, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 2005.
- ‘The Lateen-Rigged Maltese Brigantine’ by Joseph Muscat, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, 2001
- ‘The Establishment and Organization of the Order of St John’s Sailing Ship-of-the-line Squadron 1701-1741’ by A. Quintano, Master’s dissertation, University of Malta, 1995.
- ‘Stitching up the Knights’ Sail Makers Hall’ published online by Times of Malta.
- Accessed in July 2024: https://timesofmalta.com/article/Stitching-up-the-Knights-sail-makers-hall.363018
- ‘French Curtain at Vittoriosa’ published online by Times of Malta.
- Accessed in July 2024: https://timesofmalta.com/article/French-curtain-at-Vittoriosa.557890
