IL-BIZZILLA
To Share
IL-BIZZILLA
Sas-snin 50 tas-seklu 20, kienet xena komuni f’Malta u Għawdex dik fejn ġemgħat ta’ nisa ta’ kull età jinġabru ħdejn l-għatba tad-dar jaħdmu l-bizzilla. Huma u joħolqu disinji kkumplikati fuq it-trajbu (bħal imħadda forma ta’ ċilindru tawwali), fi sqaqien dojoq fix-xitwa u għad-dell fis-sajf, kienu jqasqsu fuq dik u fuq l-oħra, jiċċajtaw u jidħku, u anke jgħidu talb li xi drabi kien jieħu s-sura ta’ poeżija. Meta jidlam, kienu jitrekknu ġewwa għad-dawl tal-lampa tal-pitrolju, jaħdmu bla heda biex ilestu ordnijiet urġenti.
Huma u jaħdmu, ġieli kont tisma’ lil xi waħda minnhom tgħid din it-taqbila:
“Aħdem bizzilti aħdem, Ħa jgħidu li ’ntom beżlin, nixtrilkom il-brazzuletti u l-festa tmorru mżejnin.”
Waħda mill-aktar drawwiet romantiċi marbutin mal-bizzilla f’Malta kienet li n-nisa jgħannu dwar l-imħabba u ż-żwieġ huma u jaħdmu l-bizzilla barra t-triq. Bl-għana tagħhom, dawn in-nisa beżlin kienu jinsġu l-imħabba mal-ħajt li bih kienu jaħdmu l-bizzilla.
Mod ieħor kif il-bizzilla kienet marbuta maż-żwieġ kien billi t-tfajliet kienu jifdu d-dota tagħhom (somma flus mogħtija mill-ġenituri fl-okkażjoni taż-żwieġ) billi jagħmlu l-bizzilla. Mill-flus li jdaħħlu għax-xogħol tal-bizzilla kienu wkoll jixtru d-deheb.
Fil-fatt, l-ammont ta’ deheb li bih kienet tiżżejjen tfajla kien jixhed kemm kienet bieżla u kemm kienet tajba għaż-żwieġ. Fil-festa tar-raħal kont tara ħafna tfajliet jiddandnu bid-deheb li jkunu xtraw bil-flus tal-bizzilla. Aktar ma jilbsu deheb, aktar kienu jitqiesu rispettabbli u beżlin.
L-ISTORJA
Il-bizzilla daħlet fil-moda fis-seklu 16. Kienet differenti mir-rakkmu u f’tebqa t’għajn saret popolari ħafna fi bliet tan-negozju bħal Milan u Venezja. Mal-kosta tal-Italja, in-Nofsinhar ta’ Franza u l-Peniżola tal-Iberja, bdew jinfetħu portijiet speċifikament għall-kummerċ tal-bizzilla. Bliet bħal Napli, Genoa, Marsilja, Barċellona u Cadiz saru l-postijiet li bilfors ridt iżżur jekk tħobb il-bizzilla.
Negozjanti minn Malta fi triqthom lejn il-Peniżola tal-Iberja kienu jixtru u jbigħu minn kollox, anke l-bizzilla. F’dawn il-portijiet iffullati kienu jiltaqgħu ma’ negozjanti Franċiżi u Fjamingi li kienu jġibu bizzilla l-ġmiel tagħha mit-Tramuntana ta’ Franza, il-Fjandri u l-Olanda. Din il-bizzilla mliet is-swieq ta’ Spanja u saħansitra waslet l-Amerki. Billi kulħadd kien jikkopja d-disinji u t-teknika ta’ xulxin, kien diffiċli biex wieħed jgħid b’ċertezza fejn inħadmet biċċa bizzilla.
F’nofs dan il-kummerċ kollu, fil-Gżejjer Maltin l-arti tal-bizzilla qabdet minn kmieni. Madankollu, l-industrija ewlenija f’Malta baqgħet dik tal-insiġ tal-qoton. Il-bizzilla kienet sengħa sekondarja, li fiha kien jintuża l-ħajt li jifdal mill-insiġ tal-qoton u s-suf. Meta kienet tinqata’ biċċa drapp min-newl, il-ħajt żejjed kien jinbidel f’bizzilla sabiħa.
Lejn tmiem is-seklu 18, il-bizzilla Maltija saret protagonista ewlenija fl-esportazzjoni, iżjed u iżjed billi n-negozju tal-qoton ma’ Spanja beda jmajna u jqanqal tħassib kbir. Il-bizzilla kienet tinbiegħ bħala strixxi twal, li kienu jitkejlu bil-canne. In-negozjanti kienu jaqtgħu t-tul meħtieġ mit-trajbu direttament, u jħallu l-bqija tal-bizzilla mwaħħla bil-labar biex ix-xogħol ikun jista’ jissokta bla skossi.
F’Għawdex, dan il-metodu ta’ kif tinħadem il-bizzilla kien magħruf bħala Bizzilla tal-Qasba u baqa’ jintuża sa nofs is-seklu 20. It-trajbu kien ideali biex fuqu jinħolqu dawn l-istrixxi kontinwi ta’ bizzilla. Aktarx li din it-teknika daħlet f’Malta bis-saħħa tar-rabtiet kummerċjali ma’ Spanja.
Il-bizzilla tipika esportata minn Malta kienet tkun maħduma b’ħajt tal-qoton abjad. In-negozjanti Maltin kienu jġibu dan il-ħajt magħhom meta jirritornaw minn xi vjaġġ, wara li jkunu għamlu waqfa f’Napli fi triqthom lura Malta minn Spanja. Il-familja Rocco minn Napli, li kienet tinnegozja fil-ħajt, kienet iżżur Malta darbtejn f’sena u ġġib magħha kwantitajiet kbar ta’ ħajt għall-bizzilla. Kien għalhekk li hawn Malta dan il-ħajt sar magħruf bħala Filo di Napoli, jiġifieri ‘ħajt ta’ Napli’.
Fl-1746, negozjant Malti li kien jismu Francesco Attard u li kien minn Bormla ġie lura Malta wara li kien qatta’ disa’ xhur jinnegozja f’Marsilja. Fi triqtu lura waqaf Napli u miegħu ġab kaxxa ħajt. Konsenja oħra kienet tinkludi 40 libbra ħajt miġjub Malta minn seba’ negozjanti mill-Kottonera wara vjaġġ ta’ 29 jum fuq xprunara, li tmint ijiem minnhom qattgħuhom Napli.
Fl-1746, id-Dwana ta’ Malta bdiet iżżomm rekords separati għall-ħajt tal-ħarir, magħruf bħala seta, billi dan kien jiswa aktar mill-ħajt tal-qoton. Ħafna minn dan il-ħarir kien jiġi importat minn negozjanti min-naħat tal-Kottonera mal-wasla lura minn Sqallija.
Il-Knisja kellha rwol kbir ħafna fl-industrija tal-bizzilla. Il-qassisin, il-kanonki u l-monsinjuri kellhom bżonn il-bizzilla għall-ilbies reliġjuż tagħhom, bħall-albi u l-ispellizzi, li l-borduri u l-pulzieri tagħhom kienu jkunu tal-bizzilla. Is-sorijiet tal-klawsura kellhom sehem ewlieni wkoll, l-aktar dawk tal-Belt Valletta, l-ibliet ta’ madwar il-port, u l-Imdina. Is-sorijiet Benedittini, ngħidu aħna, kienu jgħallmu lill-bniet kif jagħżlu s-suf u l-qoton, kif jinsġu, u kif jagħmlu bizzilla sabiħa. Kienu joħolqu bizzilla ta’ kwalità għolja għall-ilbies sagru tal-qassisin u kienu jżommu s-sengħa ħajja u mħarsa mill-produzzjoni tal-massa.
Fil-kunventi ta’ dawn is-sorijiet kont issib teżori tal-ifjen bizzilla, maħduma għall-Gran Mastru, l-isqfijiet, u membri mlaħħqin tal-kleru. Il-Knisja kellha wkoll il-konservatorji, li kienu djar għall-edukazzjoni tal-bniet u tal-orfni. Dawn il-konservatorji, iffinanzjati minn familji għonja fin-negozju, kienu l-ewwel skejjel tal-bniet, li hemmhekk kienu jitgħallmu jaqraw, jiktbu, jagħnmlu x-xogħol tad-dar, u diversi snajja’, fosthom il-bizzilla.
Wieħed mill-ewwel konservatorji kien il-Conservatorio delle Zitelle, li nfetaħ f’Bormla fl-1699 minn Laurica Hagius. Aktar tard sar magħruf bħala Conservatorio San Giuseppe. Fil-bidu tas-seklu 19, dan il-konservatorju kien rikonoxxut bħala dak li jipproduċi l-aqwa snajja’ u l-aktar għalliema kapaċi, speċjalment fejn tidħol il-bizzilla.
Meta l-bizzilla maħduma bil-magni ġiet ivvintata fl-Ingilterra fl-1764, ħolqot kompetizzjoni kbira għall-bizzilla tradizzjonali maħduma bl-idejn. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann telqu minn Malta u Malta bdiet titmexxa mill-Ingliżi fl-1800. Il-Gvern Spanjol ipprojbixxa l-importazzjoni tal-qoton minn barra, u qoton orħos beda dieħel mill-Indja, is-Sirja u l-Eġittu. Dan kompla jnaqqas id-domanda għall-qoton ta’ Malta, u l-ħwienet tal-Belt Valletta bdew ibigħu prodotti lesti tal-qoton magħmulin l-Ingilterra.
Kien hemm sfidi oħra għall-industrija tal-bizzilla lokali, bħall-pesta tal-1813, il-miżuri ta’ kwarantina sal-1826, u l-kolera tal-1837, li lkoll ħarbtu l-produzzjoni. Mhux biss, iżda nixfa kbira fl-1840-41 wasslet biex bosta bdiewa Maltin jikkunsidraw il-possibbiltà li jmorru jgħixu fl-Afrika ta’ Fuq.
Il-bidliet fil-moda ħallew l-effett tagħhom ukoll. F’nofs is-snin 20 tas-seklu 19, l-ilbiesi tal-bizzilla ma baqgħux moda u minflok saru popolari għenuq tal-musulina rrakkmati. Iżda ma damitx ma seħħet bidla oħra li reġgħet tat il-ħajja lill-bizzilla. Fis-snin 30 u 40 tas-seklu 19, disinji kbar u naturalistiċi fuq il-bizzilla saru popolari fi Spanja. F’Chantilly bdiet tinħadem bizzilla bl-użu tal-point de racroc, fejn strixxi ta’ bizzilla jitwaħħlu flimkien. B’hekk, għaxar ħaddiema bdew ilestu f’inqas minn xahar dak li ħaddiem wieħed kien ilesti f’sena. Din it-teknika għenet biex il-bizzilla maħduma bl-idejn tkun tista’ tikkompeti mal-bizzilla maħduma bil-magni.
Xejriet ġodda fil-moda fl-Ingilterra u Franza wkoll għenu lill-industrija. Pnatar tal-bizzilla u skollaturi b’bordura tal-bizzilla saru l-aħħar moda u sostnew lill-industrija. L-interess irjali kien jagħti palata wkoll: Ir-Reġina Adelaide żaret Malta fl-1838, u r-Reġina Vittorja kkummissjonat il-bizzilla mingħand tfajliet foqra Maltin biex turi l-appoġġ tagħha għal din is-sengħa lokali.
Matul ir-renju tar-Reġina Vittorja mill-1837 sal-1901, il-ħarir sar il-materjal ewlieni fil-bizzilla Maltija. Ir-Reġina nfisha kienet tħobb ħafna l-bizzilla u riedet tagħti l-appoġġ tagħha lil dawk kollha li kienu jaħdmu l-bizzilla fl-Imperu Ingliż, biex tiżgura li jkollhom xogħol is-sena kollha. Is-suċċess tax-xall Malti tal-ħarir iswed fl-Esibizzjoni ta’ Londra fl-1862 għen ukoll lill-industrija lokali tal-bizzilla, tant li dawn ix-xalel saru popolari ħafna u bil-mod il-mod kibru fid-daqs sakemm saru mantelli sħaħ tal-bizzilla. Ir-Reġina kienet tħobb tilbes il-bizzilla f’okkażjonijiet uffiċjali u b’hekk kienet tħajjar lil oħrajn jagħmlu bħalha.
Imnebbħin mir-Reġina, żewġ nisa Ingliżi għamlu l-almu tagħhom biex jgħinu lill-Maltin li kienu jaħdmu l-bizzilla. Lady Sarah Austin kienet strumentali fil-promozzjoni tal-Malta Bazaar, fejn il-bizzilla Maltija kienet tinħadem fil-Konservatorju tal-Furjana (li aktar tard sar Dar l-Industrija sas-snin 30 tas-seklu 19). Min-naħa l-oħra, Lady Hamilton Chichester għenet lil ħaddiema tal-bizzilla fir-Rabat u f’Għawdex biex jagħmlu kuntatt mal-iprem għalliema tal-bizzilla f’Genoa, u ħadmet bla heda biex tenfasizza l-importanza tas-sengħa tal-bizzilla f’Malta u Għawdex. Kien grazzi għall-isforzi tagħha u ta’ Geraldine Mallia li f’pajjiżna daħal it-Trajbu tal-Balla, li ħa ismu mill-Pont tal-Balla li jinħadem fuqu.
Skont iċ-ċensiment tal-1861, fil-Kottonera kienu reġistrati 1261 ħajjata, 19-il persuna li jirrakkmaw, u 23 ħaddiem tal-bizzilla. Qabbel dan mal-fatt li f’Għawdex kienu reġistrati 121 ħajjata, tliet persuni li jirrakkmaw, u 2597 ħaddiem tal-bizzilla! In-negozjanti tal-bizzilla kienu joperaw l-aktar mill-inħawi tal-port, iżda l-aqwa ħaddiema tal-bizzilla kienu minn Għawdex.
Il-Kanonku Salvatore Bond (1790-1859) u Dun Ġużepp Diacono ħadmu ħafna biex itejbu l-qagħda tal-ħaddiema tal-bizzilla f’Għawdex u jinkoraġġixxu din is-sengħa. Salvatore kien jiddisinja l-bizzilla hu stess u kien idaħħal stili Taljani fid-disinji lokali. Ipprovda wkoll post fil-parroċċa tiegħu fejn it-tfajliet setgħu jitgħallmu jaħdmu l-bizzilla u b’hekk jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-kenn ta’ darhom.
F’dan l-istess żmien, Regina Papa u n-neputija tagħha fetħu skola fir-Rabat, Għawdex, biex jgħallmu l-bizzilla. Ġużepp Diacono, imwieled fl-1847, li kien ukoll jiddisinja l-bizzilla, fetaħ skola tal-bizzilla bl-isem ‘Casa Pia Industriale’ fix-Xagħra, Għawdex, iżda aktar tard din ġarret għar-Rabat, Għawdex. Is-suċċess tal-iskola qawwa qalb Dun Ġużepp biex jiftaħ oħra fi Triq San Kristofru, il-Belt Valletta, u fl-1920 huwa ġabar l-esperjenza kollha tiegħu fil-ktieb ‘Bizzilli li jinħadmu f’Għawdex u f’Malta’.
F’Malta, il-Knisja kienet taħdem biex tmexxi ’l quddiem l-industrija tal-bizzilla. L-ewwel skola tal-bizzilla f’Malta nfetħet fl-1862 f’Ħaż-Żebbuġ, u s-sena ta’ wara nfetħet oħra fl-Imdina, fis-sala tal-Knisja tal-Karmnu.
Fil-Kottonera, is-sorijiet ta’ Santa Margerita u tal-Conservatorio San Giuseppe f’Bormla, u dawk ta’ Santa Skolastika fil-Birgu, komplew jgħallmu l-arti tal-bizzilla lit-tfajliet. Is-Sorijiet tal-Karità wkoll fetħu skejjel tal-bizzilla f’diversi rħula, bl-ewwel waħda tkun fiż-Żejtun.
Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, u fis-snin ta’ warajha meta l-qagħda ekonomika kienet batuta ħafna, in-nies bdew jilbsu lbies aktar sempliċi u d-domanda għall-bizzilla naqset. B’hekk l-industrija tal-bizzilla sabet ruħha fi żmien diffiċli mill-ġdid.
Lord Strickland, li kien il-Prim Ministru ta’ Malta mill-1924 sal-1932, u bintu Cecilia xtaqu jgħinu lill-industrija tal-bizzilla u waqqfu l-Assoċjazzjoni tal-Industriji ta’ Malta biex jippromovu l-bizzilla, l-insiġ u x-xogħol tal-fuħħar. L-assoċjazzjoni saret kumpanija fl-1935.
Cecilia, aktar minn missierha, ix-xogħol tal-bizzilla kienet tħobbu ħafna. Kienet tqabbad lill-aqwa ħaddiema tal-bizzilla f’Għawdex u anke impjegat ħaddiema tal-bizzilla Maltin biex jaħdmu fil-fabbrika li kellha f’Malta. Ħlief għal waqfa matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Assoċjazzjoni tal-Industriji ta’ Malta baqgħet tagħmel il-bizzilla sas-snin 80 tas-seklu 20. Iżda maż-żmien, l-insiġ u l-bizzilla naqqsu fl-importanza u l-kumpanija bdiet tiċkien.
Fis-snin 60 tas-seklu 20, it-tradizzjoni tax-xogħol tal-bizzilla bdiet tmajna. Kont tara biss ftit nisa mdaħħlin fiż-żmien jaħdmu l-bizzilla fuq l-għatba tad-dar, u ż-żgħażagħ ma kellhomx ħeġġa jkomplu s-sengħa. It-tfajliet u n-nisa żgħażagħ issa bdew jinġibdu lejn ix-xogħol tas-suf, il-crochet, u l-ħjata bil-magni, li kollha kienu joffru ħlas aħjar. Mal-ftuħ tal-ewwel fabbriki tat-tessuti f’Għawdex fis-snin 70, ħafna nisa ħarġu mid-dar biex jaħdmu fihom u jaqilgħu pagi ogħla. Din il-bidla kompliet tnaqqas il-produzzjoni tal-bizzilla.
Iżda għad hemm it-tama! Grazzi għall-isforzi ta’ Consiglia Azzopardi, li taħdem il-bizzilla u tirriċerka dwarha, kif ukoll ta’ Annamaria Gatt, il-kuratriċi tat-tessuti ta’ Heritage Malta, ix-xogħol tal-bizzilla qed jerġa’ jieħu l-ħajja. Consiglia nediet Programm ta’ Xogħol tal-Bizzilla fil-Campus ta’ Għawdex tal-Università ta’ Malta, u b’hekk tat bidu għal ġenerazzjoni ġdida ta’ ħaddiema tal-bizzilla. Fl-1997, eks studenti tal-programm għaqqdu l-Koperattiva Għawdxija tal-Bizzilla u Artiġjanat Limitata. Fis-sena 2000 waqqfu wkoll Xirka tal-Bizzilla.
Jekk xi darba tkun fl-inħawi tal-Kottonera, aqbeż qabża sal-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu biex tara l-Kollezzjoni Nazzjonali tat-Tessuti. Hemmhekk issib bizzilla Maltija u Għawdxija li ġiet ippreservata b’reqqa kbira fil-laboratorju tal-konservazzjoni tat-tessuti ta’ Heritage Malta fil-Kalkara. Dan kollu jixhed l-istorja għanja tal-bizzilla f’Malta u l-isforzi kurrenti biex ix-xogħol tal-bizzilla jerġa’ jieħu r-ruħ.
It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:
‘Maltese Lace of the Nineteenth and Twentieth Centuries’ by Consiglia Azzopardi. (Thesis presented to the Mediterranean Institute as a requirement to graduate for Degree of Doctor of Philosophy at The University of Malta, 2013).
‘Zejtun: An eighteenth-century ‘Smart City’ by Carmel Vassallo. Published in ‘Proceedings of History Week, 2011’ Malta Historical Society, Midsea books.
Ara lil Annamaria Gatt, Kuratriċi tal-Kostumi u t-Tessuti ta’ Heritage Malta, titkellem dwar dublett tal-bizzilla l-ġmiel tiegħu fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu.
