Responsive Menu
Add more content here...
Skip to main content

L-INDUSTRIJA TAT-TESSUTI TAL-QOTON U L-MERKANTI MALTIN

To Share

L-INDUSTRIJA TAT-TESSUTI TAL-QOTON U L-MERKANTI MALTIN

Għandek xi flokk favorit? Iċċekkjalu t-tabella. Aktarx se ssib li hu magħmul mill-qoton, materjal naturali li minnu tgħaddi l-arja biex ma tħossokx sħun u għarqan. Iżda l-qoton minn fejn jiġi, u għaliex għandu sehem daqstant importanti fl-istorja ta’ Malta u tal-Kottonera? Kompli aqra biex issir taf.

Malta fi Żmien ir-Rumani

Il-kelma ‘tessuti’ ġejja mil-Latin textrinum. Il-produzzjoni tat-tessuti, tradizzjoni li minn dejjem kienet wieħed mill-pilastri tal-ekonomija Maltija, għandha rwol bi ġrajja twila fl-istorja ta’ gżiritna. Waħda mill-ewwel istanzi fejn Malta tissemma fl-istorja tinvolvi lil Caius Verres, li kien il-gvernatur ta’ Sqallija bejn is-sena 73 u s-sena 71 qabel Kristu. F’dan il-każ, li jissemma fil-kitbiet tal-politiku Ruman Ċiċerun magħrufin bħala Verrines, Verres ġie mixli li kien korrott u li bidel il-belt kapitali l-qadima ta’ Malta, Melite (illum l-Imdina u r-Rabat), f’fabbrika tat-tessuti fejn isiru l-ħwejjeġ tan-nisa. Verres kien iżomm għalih ħafna mill-qligħ ta’ din l-industrija

Dawn id-drappijiet aktarx kienu tal-għażel u mhux tal-qoton. L-għażel isir mix-xitla tal-kittien, filwaqt li l-qoton isir mill-fosdqa tal-pjanta tal-qoton wara li tkun mietet il-fjura.

L-istoriku tal-qedem Diodorus Siculus faħħar il-kwalità tajba tat-tessuti Maltin u ddeskriviehom bħala “famużi għall-finezza u l-irtubija tagħhom”. Ċiċerun semma tip ta’ cushion speċjali, imsejjaħ pulvinus, li kien isir bi drapp trasparenti minn Malta u jkun mimli bil-ward. Verres, il-gvernatur korrott, kien ipoġġi bilqiegħda fuq cushions bħal dawn hu u jinġarr fuq il-katalett u b’hekk kien jesponi l-lussu tat-tessuti Maltin.

L-introduzzjoni tal-qoton f’Malta mill-Għarab fis-seklu 9 wara Kristu ġabet magħha bidliet kbar. Matul id-900 sena ta’ wara, l-ekonomija Malta kienet tiddependi ħafna fuq il-kultivazzjoni, l-għażil, l-insiġ, u l-esportazzjoni tal-qoton. L-importanza tal-qoton tant kienet kbira, u l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija tant kien bla qies, li s-simbolu tax-xitla tal-qoton spiss kont issibu fuq muniti antiki.

Lejn tmiem il-Medjuevu, il-qoton Malti kellu valur kbir bħala prodott esportat. U minn fejn kienu jitilqu l-vapuri tal-merkanzija? Iva, sewwa ħsibt: mill-portijiet tal-irħula li llum jiffurmaw il-Kottonera. Fl-1414, ir-Re Ferdinandu ordna li jintgħażlu żewġ jew tliet uffiċjali biex jispezzjonaw bir-reqqa l-qoton li jkun se jiġi esportat. Dawn l-uffiċjali kellhom jimmarkaw b’mod ċar il-balal tal-qoton biex juru l-kwalità għolja tagħhom. L-esportazzjoni tal-qoton minn Malta kompliet tikber u fl-1472 iddaħħlet taxxa ta’ 2% fuq il-qoton esportat biex tgħin fil-manutenzjoni tal-ħitan tal-Imdina. Fl-1492, wara talba li saret mill-Università (jiġifieri x-xirka ta’ nobbli u persuni mill-ogħla klassijiet soċjali li kienu jiggvernaw f’Malta), il-Viċirè D. Ferrante de Acuna ddeċieda li kull sena, fil-festa ta’ San Martin, kellhom jintgħażlu sitt uffiċjali li kellhom esperjenza fin-negozju tal-qoton iżda li ma kellhomx interessi personali. Xogħolhom kien li jiffissaw il-prezzijiet u jiġbru t-taxxi fuq il-qoton magħżul. Barra minn hekk, saru bandi (liġijiet) biex il-Maltin ma jesportawx żerriegħa tal-qoton lejn pajjiżi oħra.

L-Ordni ta’ San Ġwann

Meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann waslu Malta fl-1530, sabu industrija tal-qoton li kienet sejra tajjeb ħafna. Rakkont ta’ xi ħadd li kien preżenti meta l-Gran Mastru L’Isle Adam daħal l-Imdina, kif miktub minn Giacomo Bosio, jiddeskrivi kif kemm il-kampanjoli u kemm is-sinjuri kienu lebsin ħwejjeġ magħmulin minn qoton magħżul f’Malta stess.

Bosio kiteb hekk:

“Ilkoll kienu lebsin speċi ta’ libsa li tasal sa rkopptejhom (il-geżwira). Ħwejjiġhom kienu magħmulin għalkollox mill-qoton lokali, li jikber ħafna f’din il-gżira.”

Minħabba r-regolamenti reliġjużi tagħhom, il-Kavallieri ma setgħux jinvolvu ruħhom f’attivitajiet kummerċjali u għalhekk kienu jħallu n-negozju tal-qoton f’idejn il-Maltin. Madankollu, kienu jappoġġjaw u jirregolaw lil din l-industrija. Kienu jiffissaw il-prezzijiet tal-qoton u jesiġu li negozjanti barranin iħallsu 10% tal-prezz minn qabel fuq kull ordni ta’ qoton li jagħmlu. Biex l-industrija tkun sostnuta, il-merkanti kienu eżentati milli jħallsu d-dazju.

Mill-1530 sal-1798, Malta kienet taqa’ taħt ir-renju ta’ Sqallija, parti mill-Imperu Spanjol. Kien minħabba f’hekk li negozjanti Maltin waqqfu kolonji fi Spanja fejn kienu jbigħu l-qoton u d-drapp. Kolonja minnhom kienet imsejħa ‘Balzunetta’, li tfisser ‘Barċellona żgħira’. Il-Katalani, jiġifieri n-nies li kienu jgħixu Barċellona, kienu jgawdu minn sena żmien li matulha setgħu ma jħallsu xejn fuq pagamenti minn negozjanti Maltin. L-awtoritajiet Spanjoli pprojbixxew il-qoton mil-Lvant tal-Meditteran u kienu jippermettu li jiġi importat biss qoton ta’ kwalità għolja minn Malta.

Il-merkanti Maltin 

Il-merkanti kienu jsalpaw mill-bliet ta’ madwar il-port fuq bastimenti żgħar u ħfief imsejħa brigantini. Kienu jbaħħru lejn Sqallija u jieħdu magħhom qoton magħżul, kalzetti, ġkieket, srievet, brieret, ingwanti, għażel Malti, fustan u djagunal, gvieret tal-qoton minn Għawdex, kif ukoll bizzilla Għawdxija. Kienu jieqfu Messina biex jiġbru kwantitajiet kbar ta’ ħarir ħalli jbigħuh xi mkien ieħor. L-Isqallin kienu jissupplixxu lil Malta b’ikel u prodotti manifatturati bħal zokkor, kafè, kawkaw, imsiemer tal-ħadid, u ħġieġ. Min-naħa l-oħra, in-negozjanti Maltin kienu jixtru l-qmuħ u l-ikel tal-annimali minn Sqallija biex ibigħuhom fil-kontinent.

Il-merkanti Maltin kienu jbaħħru qrib il-kosta u jmorru l-Italja, Franza, Spanja, Lisbona, u l-Gżejjer Canary, fejn kienu jinnegozjaw f’portijiet bħal Genoa, Marsilja, u Cadiz. Il-brigantini kellhom 20 moqdief u kienu armati b’kanuni żgħar u xkubetti. Il-bastiment kien jitħaddem minn madwar 22 raġel, bil-merkanti jagħmluha wkoll ta’ baħrin u suldati f’każ ta’ xi attakk mill-kursara.

Il-kummerċ tal-Maltin kien jestendi lil hinn minn pajjiżi Kattoliċi. Il-merkanti Maltin kienu jinnegozjaw mal-Greċja, u Malta kienet post importanti fejn bastimenti Franċiżi kienu jiltaqgħu u jagħmlu l-kwarantina fi triqthom lejn il-Lvant. Minkejja l-periklu tal-kursara, il-merkanti Maltin kienu attivi wkoll f’Tuneż, fejn kienu jixtru bastimenti u merkanziji mirbuħa fis-seklu 17.

Sas-seklu 18, l-industrija tal-qoton f’Malta tant kienet kibret li kienet timpjega l-maġġoranza tal-ħaddiema Maltin. Kulħadd kellu rwol: il-kapitalisti, jew investituri, kienu jisilfu l-flus lin-negozjanti; in-negozjanti kienu jixtru u jbiegħu ż-żerriegħa u l-ħajt tal-qoton; l-intermedjarji kienu jżommu l-kuntatt bejn il-bdiewa u n-negozjanti; kien hemm in-nies li jagħżlu l-qoton f’darhom, u l-kaptana tal-bastimenti li kienu jwasslu l-prodotti lejn xtut barranin.

L-ewwel ‘Kamra tal-Kummerċ’ f’Malta

Aktar tard, fl-1737, il-Gran Mastru Despuig waqqaf Kamra tal-Kummerċ biex jirregola u jipproteġi lil kull min kien involut fl-industrija tal-qoton. Ngħidu aħna, il-merkanti u n-negozjanti ma setgħux jibagħtu flus barra minn Malta mingħajr l-approvazzjoni tal-Kamra. Meta tiġi ffurmata kumpanija biex tinkera brigantina, riedu jiffirmaw erba’ negozjanti.

Dawk li jiksru r-regolamenti tal-Kamra dwar kummerċ bil-baħar kienu jeħlu multi kbar. Il-Kamra kellha wkoll l-għan li tiżgura li l-bdiewa u dawk li jagħżlu l-qoton jieħdu l-ħlas li jixirqilhom u ma jiġux esplojtati mill-intermedjarji. Il-Kamra ħadmet ukoll biex ittejjeb il-kultivazzjoni, l-għażil u l-kwalità tal-qoton u biex tiżviluppa sistemi ta’ trasport aħjar. B’hekk il-bdiewa kienu mħajra jiddedikaw aktar raba’ għall-kultivazzjoni tal-qoton, u l-impjiegi fis-settur komplew jiżdiedu.

Fl-1732, il-Gran Mastru Manoel de Vilhena tella’ żewġ binjiet qrib is-swar tal-Furjana biex jilqgħu fihom anzjani li ma kellhomx il-wens tal-familja. Bena wkoll blokka għal bniet foqra ħdejn il-binja allokata lin-nisa. Kemm it-tfajliet u kemm in-nisa anzjani kienu jagħżlu l-qoton, u l-Gran Mastru kien jagħtihom nofs il-qligħ mill-ħidma tagħhom. Aktar ma l-kummerċ beda jikber, infetħu ħames skejjel fl-Isla, Bormla, il-Birgu, iż-Żurrieq, u ż-Żejtun, fejn kienu jgħixu ħafna nies qrib il-portijiet naturali ta’ Malta. L-għan ta’ dawn l-iskejjel kien li jgħallmu lill-istudenti l-ħiliet bażiċi fil-kitba, l-aritmetika, u kif wieħed jikteb ittri għal skop ta’ negozju.

Fix-xitwa, il-bdiewa kienu jkabbru l-legumi (fażola, ċiċri, ful, eċċ.), il-ħaxix jew ix-xgħir, u fis-sajf kienu jkabbru l-qoton. Ix-xtieli tal-qoton kienu jirrikjedu attenzjoni bla waqfien mhux biss biex jikbru iżda wkoll biex jitnixxfu u jitfesdqu, u l-kwalità tal-art Maltija kienet tagħmel ix-xogħol aktar diffiċli. Tomna raba’ jew tnejn (tomna = 12,100 pied kwadru) kienu jgħajxu familja sħiħa, u kull membru kien involut fit-tkabbir tal-qoton. Ma kien jinħela xejn fil-proċess kollu tal-kultivazzjoni. Iż-żerriegħa tal-qoton, li kienet tiswa tmien skudi (€0.24 = skud wieħed) il-qantar (79.38 kg), kienet tajba ħafna biex tintema’ lill-baqar, lin-nagħaġ u lill-mogħoż, u biha l-baqar kienu jismnu u jkollhom ħalib ta’ kwalità aħjar. Meta kienet titħallat ma’ għalf ieħor u mat-tiben, iż-żerriegħa kienet tgħin ukoll biex il-ħalib tan-nagħaġ u tal-mogħoż ikun aktar pur. Il-partijiet li jifdal mix-xitla tal-qoton kienu jintużaw biex jitqabbdu l-fran, li dak iż-żmien kienu jkunu tal-ġebel.

Fis-snin ħamsin tas-seklu 18, Agius de Soldanis, li kien storiku, lingwista, u qassis Għawdxi, irrapporta li l-industrija tal-qoton kienet tipprovdi ħafna xogħol għall-bdiewa, għal dawk li kienu jagħmlu l-ħajt, għan-nissieġa (l-aktar nisa u tfal), u għan-negozjanti involuti fl-esportazzjoni. L-Għawdxin kellhom ħila partikolari fl-insiġ tal-kutri. Dan kollu kien ikkonfermat mill-vjaġġatur F. Brydone, li żar Malta fl-1770. Skont rapport tal-Kamra tal-Kummerċ tal-1776, kienu jiġu esportati 500 qantar (qantar wieħed = madwar 100 kilo) qoton kull xahar. Dan l-ammont kien żdied għal 800 qantar kull xahar sal-1798, li jixhed is-suċċess tal-Kamra. Tista’ tgħid li kull min kien jgħix Malta dak iż-żmien kien involut b’xi mod fl-industrija tal-qoton.

Waqt li kien eżiljat fi Franza talli appoġġja lill-Franċiżi meta ħakmu lil Malta, Mikiel Anton Vassalli, li kien kittieb, filosfu u lingwista Malti, ukoll ipprova jaqbad karriera fil-kultivazzjoni tal-qoton. Min-naħa l-oħra, Vincenzo Maria Borg (magħruf bħala Ċensu Brared), li kien wieħed mill-mexxejja tal-Maltin kontra l-Franċiżi bejn l-1798 u l-1800, kien wieħed min-negozjanti ewlenin tal-qoton f’Malta.

Suċċess kbir għal negozjant mill-Isla!

Fl-1745-1746, kważi 70% tal-merkanti li jiġu lura minn Spanja kienu mill-Isla, minn Bormla jew mill-Birgu. Sal-1791, il-parti l-kbira tal-merkanti Maltin fi Spanja, l-aktar f’Cadiz, kienu mill-Isla jew minn Bormla. Dawn kienu jiffurmaw 77% tal-komunità kollha.

L-industrija tat-tessuti kienet toffri mezz kif in-nies javvanzaw f’soċjetà fejn il-klassi kienet importanti ħafna. Antonio Caruana Brignone twieled l-Isla fl-1753 u kiseb suċċess kbir f’Valencia, fi Spanja, bil-bejgħ tad-drappijiet. Il-familja ta’ ommu kienet ilha tinnegozja fid-drapp fi Spanja għal mill-inqas tliet ġenerazzjonijiet. Fl-1768, Antonio u ħuh Pedro Pablo bdew jitgħallmu s-sengħa tan-negozju mingħand zijuhom, Joseph Brignone, bħala parti minn xirka ta’ bejjiegħa tad-drappijiet magħrufa bħala Gremio de Mercaderes de Vara. Pedro Pablo baqa’ f’din l-għaqda u mar tajjeb ħafna sakemm irtira f’Malta fl-1805. Antonio, min-naħa l-oħra, iddeċieda li jagħmel id-drapp hu stess u mhux ibigħu biss. Fetaħ fabbrika tal-ħarir li rebħet bosta premjijiet għall-prodotti eċċellenti tagħha u għall-ideat ġodda li kienet toħroġ bihom, tant li saħansitra kisbet l-awspiċju rjali. Din il-fabbrika ħolqot impjiegi għal ħafna nies. Sal-1806, Antonio kien għadu f’kuntatt ma’ Malta billi jibgħat xi prodotti minn tiegħu lejn art twelidu.

Industrija li mietet u rxoxtat

Meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann telqu minn Malta, u mbagħad waslu hawn l-Ingliżi fl-1800, l-industriji tal-qoton u tal-bizzilla għaddew minn żmien diffiċli. Sir Alexander Ball, l-ewwel Kummissarju Ingliż għal Malta, għamel l-almu kollu tiegħu biex jgħin lill-industrija tal-qoton tikber, iżda l-gvern Spanjol waqqaf l-importazzjoni tal-qoton kollu li jiġi minn pajjiżi barranin. Madankollu, il-merkanti Maltin xorta waħda rnexxielhom jinnegozjaw bi prodotti oħra, bħal prodotti tal-biedja, għal xi żmien.

Il-qoton beda jiġi prodott fi kwantitajiet kbar fl-Indja, is-Sirja, u l-Eġittu, u l-prezz tiegħu kien ferm orħos mill-qoton ta’ Malta. Tneħħiet il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ qoton minn barra u l-ħwienet tal-Belt Valletta ma damux ma bdew ibigħu qoton li kien jiġi lest mill-Ingilterra u li kien popolari ħafna. Il-kwalità tal-qoton Malti marret lura billi kien jitħallat ma’ qoton inferjuri mill-Brażil. Dan wassal biex in-nies tixtri inqas qoton lokali. Madankollu, fis-snin 70 tas-seklu 20, l-industrija tat-tessuti Maltin tista’ tgħid li rxoxtat.

Fabbriki bħar-Wrangler (li kienet tipproduċi l-jeans) u l-Crocheta (fejn kienu jsiru prodotti tas-suf) infetħu f’Malta u Għawdex u ħolqu bosta impjiegi. Sal-1976, l-industrija tat-tessuti kienet laħħqet għal madwar 40% tal-Prodott Domestiku Gross ta’ Malta. Iżda aktar tard, biż-żieda fl-ispiża biex jinħadmu l-prodotti u bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, dawn il-fabbriki telqu minn Malta.

Illum l-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ f’Malta ġejja lura bil-mod. Kumpaniji bħall-Bortex qed jiftħu ħwienet f’diversi lokalitajiet u jagħtu ħajja ġdida lil din l-industrija.

Ix-xitla tal-qoton

L-isem botaniku tax-xitla tal-qoton huwa Gossypium. Fil-Gżejjer Maltin kienu jitkabbru ħames tipi ewlenin ta’ qoton:

Qoton aħmar (Gossypium religiosum): Dan it-tip ta’ qoton, magħruf bħala Tan-Nankin, kien lewn is-sadid u kien jinħtieġ ħafna tira u ħamrija tal-aqwa kwalità. Illum m’għadux jikber f’Malta.

Qoton abjad (Gossypium hirsutum): Magħruf bħala Ta’ Gallipoli, dan kellu bżonn l-istess kundizzjonijiet bħall-qoton aħmar. Il-ħjut qosra tiegħu kellhom jitħalltu ma’ oħrajn itwal biex jintgħażlu f’materjal b’saħħtu.

Gossypium herbaceum: Dan it-tip ta’ qoton kien popolari għax kellu bżonn inqas ilma u kien tajjeb ħafna biex jingħata l-kulur, tant li kien il-favorit tan-negozjanti minn Barċellona. Iżda meta daħlu rdieden ġodda għall-għażil fl-1764, il-ħjut qosra ta’ dan it-tip ta’ qoton naqqsu s-siwi tiegħu.

Gossypium barbadense: Din ix-xitla ddaħħlet f’Malta minn Padre Carlo Ciacinto fil-bidu tas-seklu 20 u lanqas hi ma kienet tinħtieġ ħafna ilma. Il-bdiewa Maltin semmewha ‘Ta’ Patri Karlu’ għal Padre Carlo.

Upland Long Staple: Din kienet speċi Amerikana li daħlet f’Malta fl-1924. Kellha ħjut twal u fini u kienet tipproduċi ħafna qoton. Il-bdiewa kienu jħobbuha ħafna, iżda sa dak iż-żmien l-industrija tal-qoton f’Malta kienet diġà bdiet tmajna.

Il-qoton jinżera’ għal nofs April. F’Awwissu u Settembru, il-fosdqa tinfetaħ u l-qoton ikun lest għall-ħsad. F’April ta’ wara, ix-xitla tal-qoton tinżabar. Jekk ma tinżilx borra bla mistenni u jekk il-ħamrija tiġi fertilizzata regolarment, ix-xitla tista’ tipproduċi l-qoton għal tliet snin wara xulxin.

It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:

Jinsab ukoll f’verżjoni ppubblikata f’‘Melita Historica’, Volum 4, Numru 3, 1966.