IT-TARZNA TAL-ORDNI
To Share
IT-TARZNA TAL-ORDNI
Merħba f’Qalet it-Tarzna, magħrufa wkoll bħala Dockyard Creek, u bħala Porto delle Galere (il-Port tax-Xwieni) fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Imdawra bil-bliet fortifikati tal-Birgu u l-Isla, din il-qala kennija hi waħda mill-aktar daħliet siguri fil-Port il-Kbir.
Immaġina riħ qawwi mill-Grigal ivenven fuq wiċċ il-baħar. Dan ir-riħ tant kien ikun b’saħħtu li seta’ joħloq problemi kbar għall-bastimenti. Il-Porto delle Galere kien post perfett fejn ix-xwieni setgħu jidħlu jistkennu. Kien biss fi żmien l-Ingliżi, meta nbena l-breakwater, li l-Port il-Kbir kollu sar imħares sewwa mill-irjieħ qawwija.
Meta l-Ordni ta’ San Ġwann wasal il-Birgu, il-Kavallieri ddeċidew li jibnu tarzna ġdida f’din il-qala, biex tieħu post it-tarzna eżistenti li kienet iżgħar. Fl-1540 huma għamlu l-pedamenti ta’ tliet strutturi kbar imsaqqfin li aktar tard inbnew mill-ġdid bil-ġebel. Din it-tarzna malajr saret ċentru ta’ attività mimli bil-ħsejjes tal-bini u t-tiswija.
It-tarzna l-ġdida ġabet magħha bosta opportunitajiet ta’ xogħol għan-nies tal-post. Kien hemm bżonn kull tip ta’ sengħa għall-bini u t-tiswija tax-xwieni. Immaġina tim sħiħ ta’ mastrudaxxi, qlafat (li kienu jsoddu l-kumenti tal-bastimenti bil-qatran biex ma jidħolx ilma), dawk li jagħmlu l-imqadef u l-parank, il-ħaddieda, dawk li jisserraw l-injam, dawk li jagħmlu l-arbli, il-fundituri, u l-armiera – ilkoll jaħdmu flimkien bħall-partijiet differenti ta’ magna waħda. Kien hemm ukoll l-amministraturi u l-mastri li jieħdu ħsieb l-operat kollu.
It-tarzna kienet post fejn is-snajja’ jiġu pperfezzjonati u fejn ix-xogħol iebes kien jagħti frott bnin. Fl-1554, l-ewwel xini – li kien jismu Capitana Santa Maria della Vittoria – ġie varat minn din it-tarzna. Dan il-bastiment il-ġmiel tiegħu kien simbolu tad-dedikazzjoni u s-sengħa ta’ dawk kollha li kienu jaħdmu hemmhekk, u mmarka l-bidu ta’ bosta avventuri fuq il-baħar.
Il-Porto delle Galere ma kienx biss post fejn jinbnew u jissewwew ix-xwieni. Kien ukoll ċentru ta’ kummerċ ma jaqta’ xejn, fejn negozjanti minn kull naħa tad-dinja kienu jittrakkaw mal-moll biex iħottu l-merkanzija u jgħabbu oħra ġdida. Fi żmien ta’ paċi, in-negozjanti kienu jbaħħru lejn u minn Sqallija, iwasslu l-provvisti u l-istejjer. Iżda l-vjaġġi tagħhom ma kinux jieqfu hemm. Kienu jbaħħru sa Marsilja, Napli, Kostantinopli, Dalmata, l-Ingilterra, il-Fjandri, l-Afrika ta’ Fuq, u l-Lvant tal-Mediterran. Immaġina t-taħlita eċċitanti ta’ ħwawar, drappijiet u teżori jaslu f’din il-qala! Malli jaslu, dawn in-negozjanti kienu jmorru jbigħu l-prodotti tagħhom direttament fis-suq, fil-ħwienet, u anki fid-dverni.
Stħajjel ftit ix-xeni mimlijin ħajja: is-swieq kollhom nies u posti mlewnin, l-għajjat tal-bejjiegħa biex iħajru l-klijenti jmorru jixtru, u d-dverni mimlijin parruċċani mid-dinja kollha. Uħud min-negozjanti kienu jixtru jew jikru dar f’dawn l-inħawi stess, u b’hekk isiru parti mill-komunità tal-post. Kienu jinħtieġu l-ikel, l-ilbies u oġġetti essenzjali oħra, u dan kien jgħin biex l-ekonomija lokali tissaħħaħ. Dawn ir-residenti ġodda saru grupp speċjali msejjaħ ‘il-klassi tan-negozjanti’. Kellhom sehem ewlieni fil-ħolqien ta’ komunità ta’ kummerċ b’saħħtu fl-inħawi urbani tal-port.
Il-miġja ta’ dawn il-barranin kollha tat lok għall-ftuħ ta’ varjetà ta’ ħwienet u bottegini artiġjanali. Sas-seklu 18, il-komunità tan-negozju fil-Birgu kienet saret varjata ħafna. Hawn kont issib bejjiegħa tal-laħam, furnara, ħajjata, skrapan, barbiera, dawk li jagħmlu l-ħbula, dawk li jiżbgħu d-drappijiet, fundituri, kokijiet li jaħdmu bl-għaġina (magħrufin bħala ‘pastizziere’), u dulċiera. Kont issib ukoll artiġjani ta’ sengħa kbira, fosthom arġentiera, ħaddieda, nies li jaħdmu r-ram, parrukkiera, mastrudaxxi, u konzaturi.
Iżda lura lejn it-tarzna tal-Ordni.
It-tarzna tax-xwieni tal-Birgu kienet imfassla apposta biex fiha jinbena l-qafas b’saħħtu ta’ bastimenti ġodda. Hawnhekk il-Kavallieri setgħu josservaw l-iskeletri ġganteski ta’ xwieni tal-injam jieħdu surithom taħt idejn irġiel ta’ sengħa kbira. Ladarba l-qafas jitlesta, kien jitniżżel il-baħar u jintrabat mal-moll fil-qrib biex isir il-bqija tax-xogħol. Fit-tarzna tal-Birgu nbnew bastimenti ta’ kull tip għall-Ordni, mill-Gran Galera, jew Capitana, san-nofs xini, il-galjotti ħfief, il-brigantini, il-frejgati u l-felukki, u saħansitra dgħajjes ċkejknin bħall-kajjik u l-frejgatina.
Mhux bogħod mill-Birgu, wara l-Isla, kien hemm tarzna oħra magħrufa bħala t-tarzna ċivili. Din kienet iddedikata għall-bini ta’ bastimenti privati ordnati minn membri tal-pubbliku. Din it-tarzna wkoll kellha ħafna xogħol, u kienet tkompli żżid mal-atmosfera eċċitanti f’dawn l-inħawi.
Il-Kavallieri tal-Ordni kienu jibnu x-xwieni u l-bastimenti tal-gwerra skont teknoloġija Franċiża avvanzata. Dan kien ifisser li l-ħaddiema tal-Birgu tgħallmu dawn is-snajja’ sofistikati, saru esperti fil-qasam, u bdew jużaw dak li tgħallmu biex jibnu dgħajjes żgħar.
L-Ordni kien ikollu jimporta ħafna mill-materjal għax-xwieni minn barra, iżda għall-qlugħ seta’ jserraħ rasu li l-ħaddiema se jagħtuh prodott mill-aqwa magħmul minn qoton imkabbar u minsuġ f’Malta stess. Il-Maltin kienu magħrufa għal ħilithom fit-tfassil u l-ħjata tal-qlugħ li kienu jmexxu x-xwieni b’ħeffa kbira fuq il-baħar. Ħafna mill-injam għall-bini tal-bastimenti kien jiġi minn Venezja, l-aktar fis-seklu 18. L-Ordni kien iġib l-injam ukoll mill-imsaġar ta’ Calabria, bis-saħħa tal-privileġġi speċjali li kien igawdi.
Biex l-injam jibqa’ f’kundizzjoni eċċellenti, kien jinżamm f’baċiri apposta mimlijin bl-ilma baħar f’Bormla, il-Marsa u l-Qala tal-Franċiżi. Il-fatt li l-injam kien jinħażen fl-ilma baħar kien jgħinu jibqa’ ppreservat tajjeb u protett. Billi l-injam kien prezzjuż, dawn il-baċiri kienu jkunu mgħassa sew, bl-għassiesa attenti lejl u nhar biex ma jinsteraq xejn. Is-serq tal-injam kien reat serju ħafna dak iż-żmien u jekk tinqabad tisraq l-injam kont tiffaċċja konsegwenzi koroh, inkluż il-piena tal-mewt.
L-Ordni ta’ San Ġwann bena bosta mix-xwieni tiegħu fit-tarzna tal-Birgu, iżda kien jordna wkoll bastimenti mingħand tarzni barranin, bħal dawk ta’ Messina u Toulon. Matul is-sekli 16 u 17, fil-qawwa navali tal-Ordni l-aktar li kont issib kienu x-xwieni, li kienu jinqadfu mill-ilsiera iżda kellhom ukoll qlugħ latini triangolari għal meta r-riħ ikun favorevoli. Għall-ewwel ix-xwieni kienu jinżebgħu ħomor u bojod, iżda fl-1625 ix-xini tal-ammirall, jew il-capitana, kien miżbugħ iswed. Fis-seklu 16, l-Ordni għamel bidla importanti fis-sistema tal-qdif tax-xwieni – mill-metodu magħruf bħala sensile, fejn kull moqdief jitħaddem minn qaddief wieħed, għall-metodu magħruf bħala scaloccio, fejn diversi qaddiefa jaħdmu flimkien b’moqdief wieħed. B’din il-bidla x-xwieni saru iżjed effiċjenti u aktar faċli biex jitħaddmu.
Il-flotta tal-Ordni kienet fl-aqwa tagħha fl-1686, meta kellha tmien xwieni fi żmien il-Gran Mastru Carafa. Iżda sal-1692 in-numru kien naqas għal sebgħa minħabba problemi finanzjarji. Għalkemm kienu eċċellenti biex jiġu mmanuvrati u effettivi ħafna waqt battalji wiċċ imb wiċċ, ix-xwieni kellhom ukoll ċerti żvantaġġi, fosthom li fil-ġnub ma setax ikollhom kanuni minħabba l-imqadef.
Meta l-Imperu Ottoman ma baqax attiv, qawwiet ġodda bħal Franza u l-Ingilterra bdew jiġġieldu biex ikunu huma li jiddominaw il-Mediterran. Ir-rwol tal-Kavallieri ta’ San Ġwann bħala protetturi tal-fidi Nisranija ma baqax daqstant importanti, u dan wassal biex jonqos ukoll id-dħul mill-Corso. Minflok tibni bastimenti ġodda, it-tarzna tal-Birgu bdiet tiffoka fuq it-tiswija u l-manutenzjoni tal-flotta eżistenti. Meta Napuljun wasal Malta fl-1798 u l-Kavallieri ta’ San Ġwann tkeċċew minn Malta, il-futur tal-bini tal-bastimenti f’Malta beda jieħu xejra drammatika. Imma dik storja oħra.

Fil-bidu tas-seklu 18, l-Ordni introduċa bastimenti ġodda msejħa ‘vaxxelli’. Dawn kienu jintużaw ukoll fil-Corso, li kien sistema ta’ piraterija kontra l-Imperu Ottoman u l-furbani ta’ Barberija, iffinanzjata mill-Ordni u min-nobbli Maltin. Din il-bidla wasslet biex jinbnew inqas xwieni tradizzjonali, hekk kif l-Ordni beda jadotta strateġiji u teknoloġiji navali ġodda.

It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:
‘The Evolution of the Porto delle Galere: From the Era of the Order of St. John to the British Colonial Period’ by Luke Galea. (A dissertation submitted in partial fulfilment of the requirements for the Degree of Bachelor of Arts (Honours) in History of Art presented to the Department of History of Art, Faculty of Arts, University of Malta, 2016).
‘Galley Construction in Malta’ by Joseph Muscat. Published in ‘La Navigation du Savoir : Reseau des Arsenaux Historiques de la Mediterranee’ directeur de publication, Salvatore Giannino ; edition, Sylvie Claval … [et al.] ; traductions, Noe Sardet ; photographies, Philippe Bettini … [et al.]. (pp. 82-87). UNESCO, 2006.
