Responsive Menu
Add more content here...
Skip to main content

IX-XOGĦOL TAS-SUF U L-INSIĠ

To Share

IX-XOGĦOL TAS-SUF U L-INSIĠ

Il-bniedem minn dejjem uża s-suf u l-ġlud tal-annimali biex iżomm sħun u jħares il-ġilda tiegħu mill-elementi. Bi żraben tal-ġilda seta’ jimxi distanzi twal, u bis-suf tal-annimali seta’ jissaporti l-kesħa kiefra tax-xitwa.

Nafu li daqs 7000 sena ilu f’Malta kien hawn nagħaġ, mogħoż, baqar u barrin, għax fi wħud mill-monumenti Neolitiċi u kumplessi storiċi tal-gżejjer tagħna hemm imnaqqxin xbihat ta’ dawn l-annimali. Nistgħu nassumu li l-ewwel nies li għexu Malta, u li aktarx ġew minn Sqallija, kienu jġiżżu l-merħliet tagħhom u jagħżlu s-suf biex jagħmlu l-ħwejjeġ. Hu maħsub ukoll li dawn l-ewwel nies kienu jinnegozjaw mal-gżejjer Sqallin ta’ Lipari u Pantellerija u forsi kienu jpartu s-suf jew ħwejjeġ tas-suf ma’ żnied u ossidjana biex jagħmlu l-għodda.

Aktarx li kienu l-Feniċi li introduċew is-sengħa tal-insiġ u taż-żbigħ tad-drapp f’Malta u Għawdex. Nafu b’ċertezza li fi żmien ir-Rumani, Malta kienet famuża għal għażel ta’ kwalità għolja li kien isir mix-xitla tal-kittien. Madankollu, Silius Italicus, senatur Ruman li kien jikteb poeżiji epiċi bil-Latin, irrefera għal Malta wkoll bħala lanigera, jiġifieri produttriċi tas-suf. Skont l-arkeologa Brunella Bruno, is-suf aktarx kien jiġi esportat fl-istat naturali tiegħu lejn il-port ta’ Sirakuża fi Sqallija.

Matul il-ħakma tal-Għarab f’Malta, kien hawn ħafna mergħat u merħliet. Il-ġeografu Ibn-Hawqal isemmi l-għadd kbir ta’ mtaten li kont issib hawnhekk. Fis-seklu 16, anke Quintinus ta’ Lyon innota l-mergħat sbieħ ta’ Malta. Bil-ħalib tan-nagħaġ kien isir il-ġobon lokali magħruf bħala ġbejna, tradizzjoni li għadha magħna sal-lum.

L-Għarab daħħlu x-xitla tal-qoton għall-ewwel darba f’Malta fis-seklu 9, u din għenet biex l-ekonomija Maltija tikber. Sal-1164, in-negozjanti Maltin kienu diġà qed jesportaw il-qoton lejn Genoa. Anke s-suf kien jiġi esportat, iżda f’ammonti iżgħar għax ħafna minnu kien jintuża biex isiru l-ħwejjeġ f’Malta stess. Filwaqt li l-għonja kienu jilbsu l-ħarir, l-imbrukkat u l-qoton fin, il-klassijiet aktar baxxi kienu jilbsu ħwejjeġ tas-suf inqas raffinati.

Fl-1576, Nicolo de Nicolai osserva li n-nisa Griegi, Taljani, Mori u Maltin ta’ fama ħażina fl-inħawi tal-port kienu jilbsu mantell fin tas-suf abjad, imsejjaħ barnuco mill-Mori, fuq qmis twila bajda. Is-suf kellu użu ieħor ukoll. Kull sena, ftit suf kien jintuża biex jissostitwixxi jew jifrex għoqiedi tas-suf qodma u ebsin fl-imtieraħ. Is-suf kien jintuża wkoll fil-kura tradizzjonali popolari. Fl-imgħoddi, ponn suf sħun xi drabi kien jingħafas fuq xi boċċa fis-sider biex itaffi l-uġigħ.

Għal żmien twil, in-nisa Maltin kienu jdaħħlu xi ħaġa żejda billi jagħżlu u jinsġu s-suf u l-qoton għan-negozjanti. L-għodda tagħhom kienet il-magħżel – qasba rqiqa li magħha jiddawwar il-ħajt, u li saret is-simbolu tan-nisa beżlin. Dokumenti li jirrakkontaw il-każ stramb ta’ Betta Caloiro, mara Bormliża li fl-1608 ntbagħtet il-ħabs tal-Palazz tal-Inkwiżitur għax qalu li kienet saħħara, juru li l-għażil kien attività komuni fost in-nisa dak iż-żmien  The Devil’s Bride

Minn età żgħira, il-bniet kienu jibdew iħejju l-ġhież tagħhom, bħala parti mid-dota (flus u oġġetti mogħtija mill-ġenituri tagħhom meta jiżżewġu). Dan kien jinkludi ħwejjeġ, xugamani u lożor biex jeħduhom magħhom fid-dar il-ġdida wara li jiżżewġu.

Pereżempju, fl-1664 id-dota tas-Sinjorina Clara, bint ġenituri għonja – l-Onorevoli Simon Simonis u s-Sinjura Maria, kienet tinkludi bosta oġġetti. Hija ngħatat 35 skud f’muniti, sitt ilbiesi ġodda, żewġ pari lożor, tliet investi u żewġ xugamani. Ingħatat ukoll sodda tal-injam bil-baldakkin, mitraħ tas-suf miksi bit-tiben, par kuxxini rrakkmati bil-ħarir, par imħaded mimlijin bis-suf, u gverta tas-satin b’ħafna lwien. Id-dota tagħha kienet tinkludi wkoll pavaljun ikħal, dvalja u sitt srievet, żewġ għenienel – waħda tad-damask ikħal u l-oħra tas-satin aħdar bl-istrixxi, żewġ kowtijiet, velu ġdid, erba’ inkwatri, senduq tal-fagu, mejda u erba’ siġġijiet żgħar, għonnella użata, kowt griż qasir, u dublett ġdid.

Mhux is-sinjuri biss kien ikollhom id-dota. It-tfajliet komuni kienu jużaw il-flus li jdaħħlu mix-xogħol tal-bizzilla u mill-insiġ biex jixtru drappijiet u oġġetti meħtieġa għall-ħjata ħalli jgħaqqdu d-dota. Kienu jaħdmu flokkijiet u lbiesi bis-suf tan-nagħaġ li kienu jsibu f’darhom stess. Dan kien il-mod kif iqattgħħu l-lejla fix-xitwa, fi żmien meta ma kienx hawn elettriku u filgħaxija l-familja kollha kienet tinġabar madwar id-dawl ta’ lampa waħda u tqatta’ ħin flimkien magħruf bħala ‘sahra’.

L-imqass speċjali li bih kienu jġiżżu n-nagħaġ kien jissejjaħ ‘ġelem’. Is-suf tan-nagħaġ kien jinbiegħ lin-nissieġa iżda ftit minnu kien jinżamm għall-użu tal-familja. Fil-festa ta’ Sant’Anna, is-26 ta’ Lulju, in-nisa u l-ulied bniet tal-bdiewa u r-ragħajja kienu jieħdu s-suf miksub frisk min-nagħaġ u jmorru jaħsluh fil-baħar. Imbagħad kienu jinsġuh f’darhom stess jew jeħduh għand nissieġa biex bih tagħmel il-fardi (tip ta’ tapit), gvieret u oġġetti oħra bin-newl. Il-biċċa xogħol biex jinżebgħu d-drappijiet ħafna drabi kienet titħalla f’idejn l-irġiel. Illum in-nagħaġ iġiżżuhom b’għodda tal-elettriku.

L-insiġ hu l-proċess fejn isiru drappijiet, twapet, gvieret u oġġetti oħra billi żewġ settijiet ta’ ħajt jitrikkbu fuq u taħt xulxin. Din hija waħda mill-eqdem snajja’ fid-dinja. In-nissieġa jużaw ħjut magħmula minn fibri naturali bħall-qoton, il-ħarir u s-suf. Jistgħu jinsġu wkoll strixxi rqaq ta’ kważi kull materjal flessibbli, inkluż weraq tal-pjanti.

Is-suf u l-qoton kienu jinħadmu b’mod li jixxiebah:

 

Il-qoton

L-ewwel il-ħaddiema nisa kienu jifirdu l-qotna minn mal-fosdqa (idommu), imbagħad jużaw magna tradizzjonali biex ineħħu ż-żerriegħa (jaħalġu). Wara li titneħħa ż-żerriegħa, il-qoton ried jitrattab biex ikun jista’ jinħadem. Dan kien ix-xogħol tad-daqqaq, li kien jiċċattja l-qoton bid-daqqiet.

Ladarba l-qoton ikun trattab, in-nisa kienu jagħżluh fuq magna apposta msejħa ‘magħżel’ biex isir ħajt fin. Il-ħajt kien jiddawwar mal-imkebba, u mbagħad is-seffieħa kienet tħejji l-ħajt għall-medd. Fl-aħħar, mara oħra magħrufa bħala tewwejja kienet titwi l-ħajt biex ikun lest għall-insiġ.

Aqra aktar dwar l-istorja tal-qoton f’Malta hawnhekk:

L-INDUSTRIJA TAT-TESSUTI TAL-QOTON U L-MERKANTI MALTIN

Is-sengħa ta’ kif jinħadem is-suf tingħata l-ħajja fil-Palazz tal-Inkwiżitur

Fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, fejn tinżamm il-Kollezzjoni Nazzjonali tat-Tessuti, Annamaria Gatt, il-Kuratriċi ta’ Heritage Malta għall-Kostumi u t-Tessuti, u tim ta’ volontieri qed jaħdmu bla heda biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lis-sengħa ta’ kif jinħadem is-suf. Il-proċess tat-tmaxxit u l-għażil biex jinħoloq suf magħmul lokalment qed isir dejjem aktar rari.

Heritage Malta qed tiddokumenta l-proċess kollu, mill-materja prima sal-prodotti lesti, bħala parti minn sensiela li tiffoka fuq l-istorja, l-etnografija, l-edukazzjoni u l-konservazzjoni.

Illum il-liġi tipprojbixxi l-ħasil tas-suf fil-baħar u għalhekk is-suf sar jinħasel fil-ħwat. Qabel kont trid ħamest ijiem u għaxra min-nies biex taħsel, tnaddaf u tnixxef is-suf ta’ 16-il nagħġa. Is-suf l-ewwel jitnaddaf bl-idejn biex jitneħħa xi ħmieġ u biċċiet tal-ħaxix li jista’ jkun hemm. Imbagħad jitħalla jixxarrab fil-misħun bis-sapun għal xi nofs siegħa għal tliet darbiet, u wara jitħalla jixxarrab fil-misħun mingħajr sapun għal darbtejn. Huwa important li s-suf ma jintgħasarx għax inkella jitgħaqqad. Fl-aħħar is-suf jinfirex barra għax-xemx biex jinxef.

Ladarba s-suf ikun nixef, jintmaxat biex jitneħħewlu l-għoqiedi kollha u biex ikompli jitnaddaf, imbagħad jitkebbeb u jkun lest biex jingħażel.

Segwi l-proċess hawnhekk:

Is-suf bħalma kien isir fis-seklu 19  

Fi żmien il-ħakma Ingliża, is-suf, flimkien mal-kawkaw, il-ħwawar, il-kafè, il-qanneb, il-ħarir, il-qoton ta’ barra, l-injam, u l-weraq tat-tabakk, kien jiġi importat primarjament biex jerġa’ jiġi esportat. Sa ftit ilu, f’Malta u Għawdex kien hawn industrija żgħira fejn kienu jinħadmu flokkijiet tas-suf u jintisġu twapet bis-suf tan-nagħaġ għat-turisti.

Nissieġ li żamm ħajja s-sengħa tal-insiġ bin-newl huwa Antoine Vella, magħruf bħala Antoine tan-Newl. Antoine jaħdem mir-Rabat, Malta, u tgħallem is-sengħa mingħand il-ġenituri tiegħu ta’ età żgħira ħafna. Fis-sajf spiss issibu jinseġ f’xi festival jew fil-misraħ ta’ xi raħal. Jaħdem ħafna biex iżomm din it-tradizzjoni ħajja billi jagħmel twapet, throwovers, cushion covers u basktijiet sostenibbli fejn juża l-aktar il-qoton lokali u s-suf tan-nagħaġ ta’ Malta. Fuq in-naħa l-oħra tal-Fliegu, f’Għawdex, Alda Bugeja wkoll ħadmet ħafna biex iżżomm is-sengħa ħajja u regolarment tmexxi workshops dwar l-insiġ bin-newl u l-macramé.

Ara lil Antoine jaħdem hawnhekk:

It-tagħrif għal din il-kitba nkiseb minn dawn is-sorsi:

  • ‘The Woman in Gozitan Folklore’ ta’ Anton F. Attard. Ippubblikat fil-Gozo Observer nru 29, 2013.
  • ‘Roman and Byzantine Malta, Trade and Economy’ ta’ Brunella Bruno. Ippubblikat minn Midsea Books, 2009.
  • ‘Clothes, Status and Class in Malta under the Order of St John’ ta’ Carmel Cassar. Ippubblikat f’Sacra Militia, ħarġa 8, 2009.
  • ‘Features of an Island Economy: Malta 1800 – 1914’ ta’ Arthur G. Clare. Ippubblikat f’Hyphen, 2(6), 235-255, 1981.
  • ‘Malta and Genoa:1150 – 1375’ ta’ Stanley Fiorini (2016), aċċessat f’Lulju 2024: https://www.academia.edu/93838013/Malta_and_Genoa_1150_1375
  • ‘Snajja’ tradizzjonali Għawdxin – il-Biedja’ ta’ Victor Grech. Ippubblikat f’Eku tal-Banda, 2014.
  • ‘Seven Ages of Antiquity in Malta’ ta’ Harrison Lewis.  Ippubblikat f’The Malta Year Book, B. Hilary (ed.), Malta, De La SaIle Brothers Publications, pp. 436-442, 1975.
  • ‘Antoine Vella’.  Aċċessat f’Lulju 2024: https://maltacrafts.org/project/antoine-vella/