Responsive Menu
Add more content here...
Skip to main content

X’WASSAL GĦAL DIN IR-REBĦA?

Nhar is-Sibt, l-1 ta’ Settembru 1565, barra l-Forti San Mikiel fl-Isla, seħħ avveniment li ħadd ma kien qed jistenna.

Il-bumbardament Tork tal-Birgu

Wara xhur twal ta’ ġlied bla waqfien taħt ix-xemx qalila tas-sajf, kemm id-difensuri Nsara kif ukoll l-Ottomani li kienu qed jattakkaw, kienu fi stat ta’ għejja kbira. Matul dan l-assedju, it-telfiet kienu kbar fuq iż-żewġ naħat, u kulma jmur il-provvisti kienu qed jispiċċaw. Id-disperazzjoni kienet tinħass sew. F’tentattiv finali biex iwaqqgħu l-moral tal-Kavallieri u tal-Maltin li kienu qed jiddefendu minn fuq is-swar tal-Forti San Mikiel u l-Forti Sant’Anġlu, l-Ottomani rrikorrew għal tattiċi psikoloġiċi.

Fid-djarju tiegħu dwar l-Assedju l-Kbir ta’ Malta, Balbi di Correggio jsemmi ġrajja mhux tas-soltu fejn suldati Ottomani offrew bettieħ u larinġ lil suldat Nisrani, bil-ħsieb li jagħtuh l-impressjoni li huma kien baqgħalhom ikel bl-abbundanza. Dan Martelli, min-naħa tiegħu, uża tattika intelliġenti billi tahom ħobż u ġobon, u b’hekk tahom l-impressjoni li d-difensuri kellhom ħażna tajba ta’ ikel u li ma kinux fi stat ta’ disperazzjoni, kif bdew jaħsbu l-Misilmin. Dan kompla ħawwad lill-Ottomani u ġab fix-xejn il-pjanijiet tagħhom. Huma bdew jitilfu kull tama li l-Maltin u l-Kavallieri kienu se jċedu malajr, kif kienu ħasbu.

Barra minn hekk, issa li l-ħarifa kienet fil-qrib, l-Ottomani ma setgħux ikomplu jittardjaw għax b’hekk kienu qed jirriskjaw li l-flotta tagħhom iġġarrab ħsarat kawża tal-maltempati.

Fil-bidu ta’ Settembru, wara xhur ta’ taqbid, beda nieżel is-separju fuq l-Assedju ta’ Malta. Iż-żewġ naħat kienu eżawriti u l-għejja kienet qed tagħmel tagħha. L-Ottomani, li kienu ħasbu li ser jirbħu dawn il-gżejjer f’ħakka t’għajn, issa kienu tilfu kull tama li dan iseħħ. Sadanittant, id-difensuri Nsara, immexxija mill-Gran Mastru qalbieni Jean de Valette, baqgħu jitqabdu bit-tama li ma ddumx ma tasal l-għajnuna.

Sadanittant, fi Sqallija, kien qed jitħejja pjan ta’ kontinġenza, u wara ġimgħat ta’ stennija minħabba l-maltemp, l-għajnuna magħrufa bħala l-Gran Soccorso salpat lejn Malta.

Din l-għajnuna kienet tikkonsisti f’forza formidabbli magħmula minn madwar 8,500 raġel. Kienet tiġbor fiha suldati Spanjoli u Taljani, kif ukoll gwerriera minn Firenze, Ġenova, l-Istati Papali, u Savoja, kollha mmexxija mill-Ispanjol Don Alvaro de Sante, bniedem ta’ esperjenza kbira, mgħejjun minn kmandanti mħarrġa bħal Ascanio della Corgna, Pompeo Colonna, Paolo Sforza, u Chiappino Vitelli. Ilkoll kemm huma kienu lesti biex, meta jaslu, jagħtu palata tant meħtieġa lid-difensuri.

Wara vjaġġ iebes, il-flotta ta’ 58 galera daħlet għall-kenn fil-kosta Għawdxija. L-għada, huma qassmu lejn Malta u niżlu l-art fiċ-Ċirkewwa, il-Marfa, u l-Armier. Waqt il-vjaġġ tagħhom lejn il-bliet assedjati, irnexxielhom jevitaw li jidħlu f’kunflitt ma’ 60 galera Ottomana ankrati fil-Bajja ta’ San Pawl il-Baħar. Sat-8 ta’ Settembru, il-Gran Soccorso, immexxi mill-Viċi Re ta’ Sqallija, Don Garcia de Toledo, wasal fid-destinazzjoni tiegħu biex ikun ta’ għajnuna fid-difiża. L-Ottomani, mifluġa wara xhur ta’ taqbid u maħsuda bil-wasla tal-għajnuna, irtiraw wara battalja qawwija li fiha bosta minnhom sfaw maqtula.

Ma’ tmiem l-assedju, Malta kienet ħielsa mill-ġdid. Il-poplu ħa sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa organizzati mill-Gran Mastru de Valette u l-kavalieri. Il-forzi tal-għajnuna kienu ġabu magħhom inbejjed, laħmijiet, u ġobnijiet delizzjużi minn Sqallija u l-Italja. Fid-dawl tal-fatt li l-flotta Ottomana kienet salpat lura minn dawn il-gżejjer, il-Gvernatur ta’ Għawdex seta’ jibgħat provvisti ta’ qamħ tant meħtieġa biex il-fosos vojta jimtlew mill-ġdid.

Madwar il-mejda, waqt l-ikla kbira organizzata mill-Kavallieri, ngħaqdu wkoll Don Garcia, il-Prinċep Doria, u dinjitarji oħra li kienu jagħmlu parti mill-Gran Soccorso. Fost l-ikel servut fuq il-mejda x’aktarx kien hemm l-inbid Chablis Burgundy, ordnat minn de Valette innifsu biex jimmarka r-rebħa, flimkien ma’ ġbejniet tan-nagħaġ, salami, u galletti magħmula bl-ilma, smid, u dqiq moħmija ġo forn tal-ħatab.

Dik li għalina illum tista’ tidher ikla sempliċi għal okkażjoni daqstant straordinarja, dakinhar kienet tidher bħala xi ħaġa speċjali. Wara xhur sħaħ bilkemm jieklu sa ma jixbgħu, dakinhar kielu u ffangaw minn dak li ġie preżentat lilhom fuq il-mejda tal-pranzu tal-Gran Mastru.

Din ma kinitx sempliċi ikla, iżda ċelebrazzjoni ta’ reżiljenza u kuraġġ, ta’ ġrajja li ħalliet marka għall-ġnus Insara. Id-difensuri rnexxielhom jirreżistu wieħed mill-aktar assedji qliel fl-istorja, u grazzi għall-wasla tal-Gran Soccorso, kisbu rebħa li baqgħet tissemma u titfakkar għal sekli sħaħ.

Niżżel verżjoni PDF ta’ din l-istorja